FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 8 ta’ Jannar, 2023 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej u l-Evanġelju jippreżentalna xena inkredibbli: hija l-ewwel darba li Ġesù qed jidher fil-pubbliku wara ħajja moħbija f’Nazaret; jasal fuq xatt ix-xmara Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni (Mt 3, 13-17).  Kien rit li bih in-nies kienu jindmu u jieħdu l-impenn li jikkonvertu; innu liturġiku jgħid li l-poplu kien imur biex jitgħammed “b’ruħ għerja u saqajn ħafja” – ruħ miftuħa, għerja, bla xejn mistur – jiġifieri bl -umiltà, b’qalb trasparenti.  Imma, meta naraw lil Ġesù jitħallat mal-ġgajta tal-midinbin nibqgħu b’ħalqna miftuħ u jiġi li nistaqsu: għaliex għamel din l-għażla Ġesù?  Hu, li hu l-Qaddis t’Alla, Iben Alla bla dnub, għaliex għamel din l-għażla?  It-tweġiba nsibuha f’dak li Ġesù jgħid lil Ġwanni: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu” (v. 15).  X’jiġifieri ntemmu s-sewwa kollu?

Ġesù juri xinhi l-ġustizzja t’Alla bil-magħmudija tiegħu, dik il-ġustizzja li Hu ġie jġib fid-dinja.  Ħafna drabi aħna għandna idea dejqa wisq ta’ xinhi l-ġustizzja u naħsbu li tfisser: min jiżbalja jħallas u b’hekk ikun ħa kastig għad-deni li jkun wettaq.  Imma kif tgħallimna l-Iskrittura, il-ġustizzja t’Alla hi ferm akbar; l-għan tagħha mhux li tikkundanna lill-ħati, imma li ssalvah, twelldu mill-ġdid, tagħmlu ġust; minn inġust isir ġust.  Hi ġustizzja frott tal-imħabba, minn dawk il-vixxri ta’ kumpassjoni u ħniena li huma l-istess qalb ta’ Alla, Missier li jitqanqal meta jarana mgħakksin mill-ħażen u nogħtru taħt il-piż tad-dnubiet u tad-dgħufija.  Għalhekk, il-ġustizzja t’Alla mhix li tqassam il-pieni u l-kastigi imma, kif jafferma l- Appostlu Pawlu, hi li lilna wliedu tagħmilna ġusti (cfr Rum 3, 22-31,  teħlisna mill-irbit tal-ħażen, tfejjaqna, terġa’ tqajjimna fuq tagħna.  Il-Mulej qatt mhu lest biex jikkastigana, imma jnewlilna jdejh biex jgħinna nerġgħu nqumu.  U hekk nifhmu li, fuq ix-xatt tal-Ġordan, Ġesù jurina s-sens tal-missjoni tiegħu: Hu ġie biex iwettaq il-ġustizzja divina, li hi s-salvazzjoni tal-midinbin; ġie biex jieħu fuq spallejh id-dnub tad-dinja u biex jinżel fil-qiegħ tal-abbissi tal-ilmijiet, tal-mewt, biex jirhana u ma jħalliniex ngħerqu.  Illum Hu jurina li l-veru ġustizzja ta’ Alla hi l-ħniena li ssalva.  Aħna nibżgħu naħsbu li Alla hu mimli ħniena, imma Alla hu ħniena, għax il-ġustizzja tiegħu hi propju l-ħniena li ssalva, hi l-imħabba li hu jaqsam mal-kundizzjoni umana tagħna, jinżel qribna, solidali man-niket tagħna, jidħol fid-dlamijiet tagħna biex jerġa’ jtihom id-dawl.

Benedittu XVI kien afferma illi “Alla ried isalvana billi hu stess niżel sal-qiegħ nett tal-abbissi tal-mewt sabiex kull bniedem, anki dak li waqa’ tant fil-baxx li ma baqax jara s-sema, jkun jista’ jsib l-id ta’ Alla biex jiggranfa magħha u jerġa’jqum mid-dlam ħalli jara d-dawl li kien imħejji għalih” (Omelija, 13 ta’ Jannar, 2008).

Ħuti, aħna nibżgħu naħsbu f’ġustizzja tant ħanina.  Ejjew nibqgħu mexjin ‘il quddiem:  Alla hu ħniena.  Il-ġustizzja tiegħu jisimha ħniena.  Inħalluh jaqbadna minn idejna.  Aħna lkoll, dixxipli ta’ Ġesù, imsejħin biex il-ġustizzja nħaddmuha bl-istess mod fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn, fil-Knisja, fis-soċjetà; mhux bl-ebusija ta’ min jiġġudika u jikkundanna u jifred lill-bnedmin bejn tajbin u ħżiena, imma bil-ħniena ta’ min jilqa’ u jempatizza mal-ġrieħi u d-dgħufijiet ta’ ħutu biex jerġgħu jqumu.  Irrid inpoġġieha hekk: mhux jifred imma jaqsam ma’ dak li jkun.  Mhux jifred imma jaqsam.  Ejjew nagħmlu bħal Ġesù: naqsmu mal-oħrajn, naqsmu l-piż mal-oħrajn minflok inqassu u nkissru, inħarsu lejn xulxin bil-kumpassjoni, ngħinu lil xulxin.  Nistaqsu: jien persuna li tifred jew li tempatizza?  Naħsbu ftit: jien dixxiplu tal-imħabba ta’Alla jew dixxiplu tat-tqassis li jifred?  Is-seksik hu arma li toqtol: toqtol, toqtol l-imħabba, toqtol is-soċjetà, toqtol il-fratellanza.  Nistaqsu: jien persuna li tifred jew persuna li tempatizza?

U issa nitolbu lill-Madonna, li ġabet fid-dinja lil Ġesù u waħħditu mad-dgħufijiet tagħna biex aħna nerġgħu niksbu l-ħajja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

 

Dalgħodu, skont kif inhi drawwa, fil-Kappella Sistina għammidt xi trabi, ulied ħaddiema tas-Santa Sede u tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.  Però issa, fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, hu pjaċir tiegħi insellem u nbierek lit-tfal subjien u bniet kollha li llum, jew f’daż-żmien irċevew jew se jirċievu l-Magħmudija.  U fl-istess ħin inġedded lil kulħadd – lili l-ewwel wieħed – l-istedina biex niċċelebraw id-data li fiha konna mgħammdin, jiġifieri meta sirna nsara.  Nistaqsikom: kull wieħed u waħda minkom tafuha d-data tal-Magħmudija tagħkom?  Żgur li xi wud  minnkom ma jafuhiex.  Saqsu lill-ġenituri, lill-qraba, lill-parrini: liema hi d-data tal-Magħmudija tiegħi?  U mbagħad, kull sena, tiffesteġġjawha dik id-data, għax dak hu birthday ġdid.  Din hi l-biċċa xogħol tagħkom għal-lum, għal kull wieħed u waħda: liema hi d-data tal-Magħmudija tiegħi, biex tkunu tistgħu tagħmlu festa dakinhar.

U issa nsellem lilkom rumani u pellegrini.  Hawn ħafna pollakki hawnhekk!

Insellem b’mod partikolari lill kor “La voce degli Angeli” minn Betlehem.  Għeżież ħbieb, grazzi minn qalbi għax flimkien mal-kant tagħkom, intom iġġorru magħkom “ il-fwieħa ta’ Betlehem” u x-xhieda tal-komunità nisranija tal-Art Imqaddsa.  Grazzi!  Nitolbu għalikom u ninsabu qribkom!

U ma ninsewx lil ħutna ukreni!  Qed ibatu bil-kbir minħabba l-gwerra!  Dal-Milied fil-gwerra, bla dawl, mingħajr xejn biex jisħnu, qed ibatu bi kbir!  Jekk jogħġobkom, ma ninsewhomx.  U llum, aħna u nħarsu lejn il-Madonna bil-Bambin fil-presepju, hi u tisqih, qed niftakar fl-ommijiet tal-vittmi tal-gwerra, fis-suldati li mietu f’dil-gwerra fl-Ukrajna.  L-ommijiet ukreni u l-ommijiet russi, dawn u dawk tilfu lil uliedhom.  Dan hu l-prezz tal-gwerra.  Nitolbu għall-ommijiet li tilfu lil uliedhom suldati, kemm jekk huma ukreni u anki jekk huma russi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber