IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 7 ta’ Novembru, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ix-xena li jiddeskrivilna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum isseħħ ġot-Tempju ta’ Ġerusalemm.  Ġesù jħares, josserva dak li qed jiġri f’dal-post, l-aktar wieħed qaddis, u jara kif l-iskribi jħobbu joqgħodu jippassiġġaw biex jiġbdu l-attenzjoni, isellmulhom, juruhom rispett u biex ikollhom il-postijiet ta’ quddiem.  U Ġesù jżid li “jberbqu ġid ir-romol u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu jitolbu ħafna” (Mk 12, 40).  Fl-istess ħin għajnejh jaqgħu fuq xena oħra: armla fqira, propju waħda minn dawk sfruttata mis-setgħana, titfa’ “kulma kellha biex tgħix” (v. 44), fit-teżor tat-Tempju.  Hekk jgħid l-Evanġelju, titfa’ kulma kellha biex tgħix fit-teżor.  L-Evanġelju jqiegħed quddiemna dan il-kuntrast li jdarras: l-għonja li jgħatu miż-żejjed tagħhom biex jidhru, u mara fqajra li bla ma tidher, toffri l-ftit kollu li kellha.  Żewġ simboli ta’ atteġġjamenti umani.

Ġesù josserva ż-żewġ xeni.  U huwa propju dal-verb – “josserva” – li jiġbor fil-qosor it-tagħlim tiegħu: “hemm bżonn nitħarsu” minn min jgħix fidi “doppja” bħal dawk l-iskribi, biex ma nsirux bħalhom; filwaqt li l-armla għandna bżonn “inħarsu lejha” biex tkun mudell għalina.  Nieqfu ftit dwar dan: nitħarsu mill-ipokriti u nosservaw lill-armla fqajra.

Qabel kollox, nitħarsu mill-ipokriti, jiġifieri noqgħodu attenti biex ħajjitna ma nibnuhiex fuq il-kult tad-dieher, tal-apparenza, fuq l-importanza esaġerata li nagħtu tal-mod kif nidhru.  U, fuq kollox, li noqgħodu attenti biex il-fidi ma nagħwġuhiex skont kif jaqbel lilna, skont l-interessi tagħna.  Dawk l-iskribi, f’isem Alla, kienu jaħbu l-vanaglorja tagħhom u, agħar minn hekk, kienu jużaw ir-reliġjon biex jieħdu ħsieb xawwathom billi jabbużaw mill-awtorità tagħhom u jisfruttaw ‘il-foqra.  Hawn nosservaw atteġġjament tant ikraħ li llum naraw f’ħafna postjiet, f’ħafna mkejjen, il-klerikaliżmu, li jirkbu fuq dahar l-umli, jisfruttawhom, “isawwatuhom”, iħossuhom perfetti.  Dan hu l-ħażin tal-klerikaliżmu.  Hu twissija għal kull żmien, għal kulħadd, Knisja u soċjetà: qatt m’għandna napprofittaw ruħna mill-pożizzjoni tagħna biex nisħqu lill-oħrajn, qatt m’għandna nippruvaw nagħmlu l-qliegħ minn fuq dahar l-aktar dgħajfa! U nishru biex ma naqgħux fil-vanità, biex ma jiġrix li niffissaw fuq l-apparenzi, nitilfu s-sustanza u ngħxu bis-superfiċjalità.  Nistaqsu lilna nfusna, jagħmlilna tajjeb: f’dak li ngħidu u nagħmlu, moħħna biex biex inkunu apprezzati u biex iroddulna xi ħaġa lura jew biex inkunu ta’ servizz għal Alla u l-proxxmu, speċjalment għall-aktar dgħajfa?  Nishru biex qalbna ma tkunx falza, biex naħarbu l-ipokrisija li hi marda perikoluża tar-ruħ!  Hu ħsieb ‘doppju’, ġudizzju doppju, kif tgħid l-istess kelma: “tiġġudika min taħt”, tidher mod u tkun xi ftit “hypo”, taħt, imma ħsiebek ikun xort’oħra.  Doppju, nies bi spirtu doppju, ruħ doppja.

U biex infiequ minn dil-marda, Ġesù jistedinna nħarsu lejn l-armla fqajra.  Il-Mulej jiddenunzja l-isfruttament ta’ dil-mara illi, biex tagħti l-offerta, terġa’ lura lejn darha saħansitra nieqsa mill-ftit li għandha biex tgħix.  Kemm hu importanti li nifirdu s-sagru mir-rabta mal-flus!  Infatti, Ġesù kien qalha: “Ma tistgħux taqdu żewġ sidjien.  Jew taqdi lil Alla – u aħna naħsbu li se jgħid jew “lix-xitan”, le – jew Alla jew il-flus.  Dawn jaħkmu, u Ġesù jgħid li ma nistgħux naqduhom.  Imma fl-istess ħin Ġesù jfaħħar il-fatt li din l-armla titfa’ fit-teżor dak kollu li kellha.  Ma jibgħalha xejn, imma ssib il-milja ta’ kollox f’Alla.  Ma tibżax titlef il-ftit li għandha, għax għandha fiduċja fil-ħafna ta’ Alla, u dan il-ħafna ta’ Alla jkattar l-hena ta’ min jagħti.  Dan iġagħalna naħsbu wkoll f’dik l-armla l-oħra, dik tal-Profeta Elija, li kienet se taħbeż bl-aħħar ftit dqiq li kellha u bl-aħħar ftit żejt li kien fadlilha; Elija jgħidilha: “Tini niekol” u hi tagħti; u d-dqiq ma jonqos qatt aktar, miraklu (cfr 1Rejiet 17, 9-16).  Quddiem il-ġenerożità tal-bnedmin, il-Mulej dejjem imur aktar ‘l hinn, ikun aktar ġeneruz.  Imma dan hu Alla, mhux ix-xeħħa tagħna.  Allura Ġesù jtihielna bħala mudell tal-fidi tagħna lil dil-mara: hi ma tmurx regolarment fit-Tempju biex tikkalma l-kuxjenza, ma titlobx biex tidher, ma tperriċċx il-fidi, imma tagħti bil-qalb, bil-ġenerożità u l-gratwità.   Il-muniti żgħar tagħha għandhom ħoss isbaħ mill-offerti kbar tal-għonja. Għax jesprimu ħajja dedikata, mogħtija lil Alla bis-sinċerità, fidi li ma tistrieħx fuq l-apparenzi imma fuq fiduċja mingħajr ebda kundizzjoni.  Nitgħallmu minnha: fidi mingħajr frilli għad-dehra, imma b’qalb sinċiera; fidi magħmula minn imħabba umli lejn Alla u lejn ħutna.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija li b’qalb umli u trasparenti ħajjitha għamlitha kollha don għal Alla u għall-poplu tiegħu.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

qed insegwi bi tħassib l-aħbarijiet li qed jaslu mill-Qarn tal-Afrika, parikolarment mill-Etjopja, mheżżha minn kunflitt li ilu sejjer aktar minn sena u li ħalla ħafna vittmi kif ukoll kriżi umanitarja kbira.  Nistieden lil kulħadd biex jitlob għal dawk il-popolazzjonijiet mifnija għall-aħħar, filwaqt li nġedded l-appell tiegħi sabiex jibdew isaltnu l-ftehim u t-triq paċifika tad-djalogu.

U qed nitlob ukoll għall-vittmi tan-nar li seħħ wara l-isplużjoni tal-fuel fil-periferija ta’ Freetown, il-kapitali ta’ Sierra Leone.

Ilbieraħ f’Manresa, fi Spanja ġew dikjarati beati tliet martri tal-fidi, membri tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini: Benet de Santa Coloma de Gramenet, Josep Oriol de Barcelona u Domènech de Sant Pere de Riudebitlles.  Kienu nqatlu fi żmien il-persekuzzjoni reliġjuża tas-seklu li għadda fi Spanja, u wrew li kienu xhieda ta’ Kristu mansweti u kuraġġużi.  Jalla l-eżempju tagħhom jgħin lill-insara tal-lum jibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom, anki fil-waqtiet tal-prova.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Insellem lilkom ilkoll, għeżież fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi varji, partikolarment lil dawk ġejjin mill-Istati Uniti u mill-Portugall.  Insellem lill-gruppi tal-fidili minn Prato u minn Foligno; u lill-adoloxxenti tal-Professione di Fede minn Bresso.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber