Il-Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd 7 ta’ Settembru 2014

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb! 

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd, meħud mill-Kapitlu 18 ta’ San Mattew jippreżentalna t-tema tal-korrezzjoni fraterna fi ħdan il-komunità ta’ dawk li jemmnu: jiġifieri, kif għandi nikkoreġi Nisrani ieħor meta jagħmel xi ħaġa li ma tkunx tajba.   Ġesù jgħallimna li jekk wieħed minn ħuti jagħmilli xi ħaġa ħażina, joffendini, jien irrid nuża l-karità miegħu u, qabel kollox, nitkellem miegħu personalment u nispjegalu li dak li jkun qal jew għamel, mhux sewwa.  U jekk lili ħija ma jismanix?  Ġesù jissuġġerixxi intervent ieħor: l-ewwel mur kellmu mill-ġdid flimkien ma’ tnejn jew tlieta oħra, biex hu jifhem aħjar l-iżball li jkun għamel.  Jekk, minkejja dan ma jilqax l-istedina tiegħi, jeħtieġ li ngħid lill-komunità; u jekk lanqas mill-komunità ma jisma’, jeħtieġ li nurih li hu kien il-ħtija tal-qasma u d-distakk li nħalaq, u titneħħilu l-komunjoni mal-aħwa fil-fidi.

L-istadji ta’ dan l-intervent juru l-isforz li l-Mulej jitlob mill-komunità tiegħu biex takkumpanja lil min ikun żbalja, sabiex ma jintilifx.  Jeħtieġ, qabel xejn, li jkun evitat l-għaa tal-pubbliċità u tat-tqassis min-naħa tal-komunità – din hi l-ewwel ħaġa, eh: nevitawh dan!  «Mur u wissih rasek u rasu» (vers 15).  L-atteġġjament hu dak tad-delikatezza, tal-prudenza, tal-umlità, tal-attenzjoni lejn min ikun wettaq id-dnub, billi jkun evitat kliem li jista’ jweġġa’ u joqtol lil ħuk.  Għax intom tafu, eh!  Anki l-kliem joqtol!  Meta jien inqassas, meta nagħmel kritika inġusta, meta jien “inqaxxar” lil ħija b’ilsieni, inkun qed noqtol il-fama tal-ieħor!  Anki l-kliem joqtol!  F’dan jeħtieġ li nkunu serji… Fl-istess waqt din id-diskrezzjoni li nkellmuh waħdu għandha l-għan li ma timmortifikax lill-midneb għalxejn.  Diskors bejn tnejn, ħadd ma jinduna b’xejn u jispiċċa kollox.

Hu fid-dawl ta’ din l-esiġenza li rridu nifhmu l-interventi li jiġu wara, jiġifieri li jidħlu fix-xena xi xhieda u mbagħad, addirittura l-komunità.  L-iskop hu li l-persuna tingħata l-għajnuna biex tinduna b’dak li tkun għamlet u li bi dnubha ma offendietx lil wieħed biss imma lil kulħadd.  Imma dan jgħinna wkoll biex ninħelsu mir-rabja u t-tgħaddib, li jagħmlu biss ħsara; dik il-qrusa ta’ qalb li jnisslu r-rabja u l-korla, li jwassluna biex ninsultaw jew naggredixxu.  Imma hu ikraħ ħafna li tara ħiereġ mill-fomm ta’ Nisrani insult jew aggressjoni!  Ikraħ!  Fhimtu?  Ebda insult!  Li tinsulta mhux Nisrani!  Fhimtu?  Li tinsulta mhux Nisrani!

Fir-realtà, quddiem Alla lkoll kemm aħna midinbin u neħtieġu l-maħfra.  Ilkoll!  Infatti, Ġesù qalilna biex ma niġġudikawx.  Il-korrezzjoni fraterna hija aspett tal-imħabba u tal-komunjoni li hemm bżonn li jsaltnu fil-komunità Nisranija, hija servizz reċiproku li nistgħu u li għandna nagħmlu ma’ xulxin.  Iżda li tikkoreġi lil ħuk hu servizz u jkun effikaċi biss jekk kull wieħed jagħraf lilu nnifsu bħala midneb li jeħtieġ il-maħfra mingħand il-Mulej.  L-istess kuxjenza li turini l-iżball ta’ ħaddieħor, qabel xejn tfakkarni li jien stess żbaljajt u żbaljajt ħafna drabi.

Għal din ir-raġuni, fil-bidu tal-quddiesa, kull darba nirċevu stedina biex, quddiem il-Mulej, nagħrfu li aħna midinbin billi nesprimu bil-kliem u bil-ġesti l-indiema sinċiera tal-qalb.  U ngħidu: “Ikollok ħniena minni, Mulej.  Jiena midneb!  Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox id-nubiet tiegħi”.  Imma ma ngħidux: “Ah! Mulej, ikollok ħniena minn dan jew dik li qiegħdin ħdejja, għaliex huma midinbin”.  Le!  “Ikollok ħniena minni!”  Aħna lkoll midinbin u neħtieġu l-maħfra tal-Mulej.  Hu l-Ispirtu s-Santu li jkellem lill-ispirtu tagħna u jgħinna nagħrfu ħtijietna fid-dawl tal-Kelma ta’ Ġesù.  U hu l-istess Ġesù li jistedinna lkoll, qaddisin u midinbin, għall-mejda tiegħU billi jiġborna minn salib it-toroq, mid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja (Mattew 22, 9-10).  U fost il-kundizzjonijiet li jiġbru flimkien lil dawk li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tnejn huma fundamentali, żewġ kundizzjonijiet biex immoru sew għall-quddiesa:  ilkoll aħna midinbin u lilna lkoll Alla jtina l-ħniena tiegħU.  U huma tnejn il-kundizzjonijiet li jiftħu beraħ il-bieb biex nidħlu sew għall-quddiesa.  Irridu niftakru dan dejjem qabel ma mmorru għand ħuna biex nikkoreġuh fraternament.

Nitolbu għal dan kollu bl-interċessjoni tal-Beata Verġni Marija, li għada niċċelebraw it-tifkira liturġika tat-twelid tagħha.

  

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber