IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

7 ta’ Awwissu, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu biex iserrħilhom moħħhom minn kull biża’ u jistedinhom jishru.  L-eżortazzjonijiet fundamentali li jindirizzalhom huma tnejn: l-ewwel waħda hi:” tibżgħu xejn, merħla ċkejkna” (Lq 12, 32); it-tieni “kunu lesti” (v.35).   “Tibżgħux” u “kunu dejjem lesti”.  Dawn huma żewġ kelmiet fundamentali biex negħlbu l-biżgħat li ximindaqqiet jipparalizzawna, u biex negħlbu t-tentazzjoni ta’ ħajja passiva, mitruħa.  “Tibżgħux” u “kunu lesti”: ejjew nieqfu fuq dawn iż-żewġ stediniet.

Tibżgħux.  L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hi li jagħmel kuraġġ lid-dixxipli. Għadu kif temm ikellimhom dwar il-kura mimlija mħabba u l-għajnuna divina tal-Missier, li jieħu ħsieb il-ġilji tal-għelieqi u l-għasafar, u għalhekk, aktar u aktar ta’ wliedu.  Għaldaqstant mhemmx bżonn ninkwetaw u nitħarbtu: l-istorja tagħna tinsab sfiq f’idejn Alla.  Tqawwielna qalbna l-istedina ta’ Ġesù biex ma nibżgħux.

Kultant, infatti, inħossuna priġunieri ta’ sentiment ta’ sfiduċja u djieqa ta’ qalb: din hi l-biża li mhux se jirnexxielna, li mhux se ningħarfu u nkunu maħbubin, il-biża’ li mhux se jirnexxielna nwettqu l-proġetti tagħna, li qatt mhu se nkunu hienja, u aktar..  U allura ninkwetaw, niġru b’nifisna maqtugħ biex infittxu s-soluzzjonijiet, biex naħżnu l-ġid u r-rikkezzi, biex niksbu s-sigurtà; u kif nispiċċaw?  Nispiċċċaw ngħaddu ħajjitna nkwetati u dejjem imħassbin.  Iżda Ġesù jserrħilna moħħna: tibżgħux!  Afdaw fil-Missier, li jixtieq itikom dak kollu li teħtieġu verament.  Diġà tana lil Ibnu, Saltnatu, u dejjem jkkumpanjakom bil-providenza tiegħu, u jieħu ħsiebkom ta’ kuljum.  Tibżgħux: din hi ċ-ċertezza li l-qalb għandha tintrabat magħha!  Tibżgħux: qalb imwaħħda ma’ din iċ-ċertezza.   Tibżgħux.  Iżda l-fatt li nafu li l-Mulej jishar fuqna bl-imħabba, ma jtiniex id-dritt li ngħonosu, li nintelqu għall-għażż!  Bil-maqlub, għandna nkunu dejjem imqajmin, nishru.  Infatti li tħobb ifisser li nkunu attenti għall-ieħor, nindunaw x’għandu bżonn, inkunu disponibbli biex nisimgħu u nilqgħu, inkunu lesti.

It-tieni kelma: “Kunu lesti”.  Hi t-tieni stedina tal-lum.  Hi l-għerf nisrani.  Ġesù jtenni din l-istedina diversi drabi u llum jgħamel dan bi tliet parabboli qosra, ibbażati fuq sid id-dar li, fl-ewwel waħda, jasal lura mit-tieġ, fit-tieni  ma jridx li l-ħallelin jaħsduh, u fit-tielet jerġa lura minn vjaġġ twil.  Fihom kollha dan hu l-messaġġ: hemm bżonn nishru, ma norqdux, jiġifieri ma nkunux aljenati, ma nċedux għall-għażż ġewwieni, għax anki f’sitwazzjonijiet fejn l-anqas inkunu nistennewh, jasal il-Mulej.  Ikollna din l-attenzjoni lejn il-Mulej, ma nitħeddlux.  Hemm bżonn nibqgħu mqajmin.

U fi tmien ħajjitna jitlobna kont tal-ġid li jkun fdalna f’idejna; għalhekk is-sahra tfisser ukoll li nkunu responsabbli, jiġifieri li nħarsu u namministraw dak il-ġid bil-fedeltà.  Irċevejna ħafna: il-ħajja, il-fidi, il-familja, ir-relazzjonijiet, ix-xogħol, imma wkoll il-postijiet fejn ngħixu, beltna, il-maħluq.  Irċevejna ħafna.  Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: aħna nħarsu dal-patrimonju li ħallielna l-Mulej?   Inħarsu sbuħitu jew inkella nużawh biss għalina u għall-konvenjenzi tal-mument?  Għandna naħsbu ftit dwar dan: aħna ħarriesa ta’ dak kollu li ngħatajna?

Ħuti, nimxu mingħajr biża’, għax ċerti li l-Mulej magħna dejjem.  U nibqgħu nishru ħalli ma jiġrilniex li jgħaddi l-Mulej u jsibna reqdin.  Santu Wistin kien jgħid: “Nibża’ li jgħaddi l-Mulej u jien ma nindunax bih”; li nkun rieqed u ma nindunax li l-Mulej għaddej.  Ibqgħu mqajmin! Tgħinna l-Verġni Marija li laqgħet iż-żjara tal-Mulej u minnufih u bil-ġenerożità qalet “’l hawn jien” tagħha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nixtieq insellem b’sodisfazzjon it-tluq mill-portijiet tal-Ukrajna tal-ewwel vapuri mgħobbijin biċ-ċereali.  Dal-pass juri li d-djalogu hu possibbli u jwassal għal riżultati konkreti, li jaħju lil kulħadd.  Għaldaqstant, ġrajja bħal din titqies ukoll bħala sinjal ta’ tama, u nawgura minn qalbi, li permezz ta’ dit-triq, jieqaf il-ġlied u naslu għall-paċi ġusta u dejjiema.

Smajt b’niket l-aħbar tal-inċident stradali li seħħ ilbieraħ fil-Kroazja: xi pellegrini pollakki li kien sejrin Medjugorje tilfu ħajjithom u oħrajn ġarrbu l-ġrieħi.  Jalla l-Madonna tinterċedi għalihom ilkoll u għall-familjari tagħhom.

Illum hi l-ġurnata li fiha jilħaq il-qofol tiegħu l-Pellegrinaġġ taż-Żgħażagħ f’Santiago de Compostela, li kellu jsir is-sena li għaddiet, sena tal-Ġublew ta’ Compostela.  Bil-ferħ inbierek minn qalbi lil kull żgħażugħ u żgħażugħa li ħadu sehem, u nbierek ukoll lil kulmin ħadem biex jorganizza u jakkumpanja dan l-avveniment.  Jalla ħajjitkom tkun dejjem mixja: mixja ma’ Ġesù Kristu, mixja lejn Alla u lejn ħutna, mixja ta’ servizz u ta’ ferħ!

U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji, partikolarment lill-fidili minn Malta.  Insellem lill-grupp minn Crevalcore, lill-adoloxxenti mid-djoċesi ta’ Verona u lil dawk tal-Oratorju “Don Bosco” minn Tolmezzo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber