FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 7  ta’ Jannar, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-Magħmudija tal-Mulej (cfr Mk 1,7-11). Din isseħħ fix-xmara Ġordan, fejn Ġwanni – imsejjaħ il-Battista propju minħabba f’hekk – qed jagħmel rit ta’ purifikazzjoni, li jesprimi impenn ta’ tbegħid mid-dnub u konverżjoni.  Il-poplu jmur biex jitgħammed bl-umiltà, bis-sinċerità u, kif tgħidilna l-Liturġija “b’qalb u saqajn għerja”, u Ġesù wkoll imur, u jinawgura l-ministeru tiegħu: b’hekk juri li jrid ikun qrib il-midinbin, li ġie minħabba fihom, għalina lkoll għax aħna lkoll midinbin.

U propju dakinhar seħħew xi fatti straordinarji.  Ġwanni l-Battista jgħid ħaġa mhux tas-soltu, jistqarr pubblikament li Ġesù, li fid-dieher hu bħall-oħrajn kollha, hu wieħed “aktar qawwi”(v. 7) minnu u li kellu “jgħammed bl-Ispirtu s-Santu (v. 8)”.  Imbagħad jinfetħu s-smewwiet, l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq Ġesù f’għamla ta’ ħamiema (cfr v. 10) u mill-għoli  leħen il-Missier jiddikjara: “Int Ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi” (v. 11).

Min-naħa, dan kollu jurina li Ġesù hu Iben Alla, mill-oħra jkellilmna dwar il-Magħmudija tagħna, li għamlitna wlied Alla, għax il-Magħmudija tagħmilna ulied Alla.

Bil-Magħmudija, Alla jiġi fina, isaffina, ifejjaq lil qalbna, jagħmilna wliedu għal dejjem, werrieta tal-Ġenna (cfr Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1279).  U Alla jitwaħħad intimament magħna u ma jitbiegħed qatt aktar.  Għalhekk importanti niftakru fil-jum tal-Magħmudija u nkunu nafu d-data.  Insaqsi lilkom ilkoll – kulħadd jaħseb ftit -: “Jien niftakarha d-data tal-Magħmudija tiegħi?”  Jekk ma tiftakarhiex, meta terġa’ lura d-dar, staqsi biex ma tinsieha qatt aktar, għax dak hu birthday ġdid, għax bil-Magħmudija tiegħek int twelidt għall-ħajja tal-grazzja.  Niżżu ħajr lill-Mulej għall-Magħmudija.  U nirringrazzjawh ukoll għall-ġenituri tagħna li ħaduna lejn il-fonti, għal min amministralna s-Sagrament, għall-parrini għall-komunità li fiha rċevejna l-Magħmudija.  Nagħmlu festa fl-anniversarju tal-Magħmudija tagħna: hu birthday ġdid.

U nistgħu nistaqsu: jien konxju tad-don bla qies li għandi fija bis-saħħa tal-Magħmudija”  Nagħraf, f’ħajti, id-dawl tal-preżenza t’Alla li jarani bħala ibnu maħbub, bħala bintu maħbuba?  U issa, bit-tifkira tal-Magħmudija tagħna, nilqgħu l-preżenza t’Alla fina.  Nistgħu nagħmlu dan bir-radd tas-salib li fina jimmarka t-tifkira tal-grazzja t’Alla li jħobbna u jixtieq jibqa’ magħna.  Is-sinjal tas-salib li jfakkarna f’dan.  Irroduh flimkien: Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

U tinsewx id-data tal-Magħmudija, li hi birthday.  Marija, tempju tal-Ispirtu, tgħinna niċċelebraw u nilqgħu l-meravilji li l-Mulej iwettaq fina.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej tal-lum għammidt xi trabi.  Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom.  Dit-talba nifrixha wkoll fuq it-trabi kollha li f’dal-ġranet qed jirċievu s-Sagrament tal-Magħmudija.

Illum, il-komunitajiet ekkleżjali tal-Orjent li jimxu fuq il-Kalendarju Ġuljan, qed jiċċelebraw il-Milied Imqaddes.  Fi spirtu ferrieħi ta’ fraternità nawgura li t-twelid tal-Mulej Ġesù inissel fihom id-dawl, il-karità u l-paċi.

Nistedinkom tingħaqdu miegħi bit-talb sabiex, bla ebda kundizzjoni, jinħelsu dawk kollha li bħalissa jinsabu sekwestrati fil-Kolombja.  Ġest bħal dan, li hu dmir quddiem Alla, jkun ta’ fejda wkoll għal klima ta’ rikonċiljazzjoni u paċi fil-pajjiż.

Inħossni ferm qrib il-popolazzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo li dal-ġranet intlaqtu minn għarar kbir.  U, jekk jogħġobkom inkomplu nitolbu għall-paċi; għall-paċi fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżarel u fid-dinja kollha.

U nsellem lilkom ilkoll pellegrini mill-Italja u minn divesi nħawi tad-dinja, partikolarment liż-żgħażagħ mill-parroċċa tal-Kurċifiss Imqaddes, f’Ruma, lill-grupp Scout Milano 35 u lill-assoċjazzjoni “Totus tuus” minn Potenza.

Nawgura lill kulħadd festa sabiħa.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber