IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 6 ta' Diċembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta' dal-Ħadd (Mk 1,1-8) itina l-figura u l-ħidma ta' Ġwanni l-Battista.  Lin-nies ta' żmienu hu wriehom mixja ta' fidi tixbaħ dik li jipproponi lilna l-Avvent, aħna li qed nitħejjew biex nirċievu lill-Mulej fil-Milied.  Dil-mixja ta' fidi hi waħda ta' konverżjoni.  Xi tfisser il-kelma 'konverżjoni'?  Fil-Bibbja, qabel kollox, tfisser bidla fid-direzzjoni u l-orjentament; għalhekk hija bidla fil-mod kif naħsbu.  Fil-ħajja morali u spiritwali, li tikkonverti jfisser li mill-ħażen iddur lejn it-tajjeb, mid-dnub lejn l-imħabba t'Alla.  Dan hu dak li kien jgħallem il-Battista li fid-deżert ta' Ġudeja kien "ixandar mgħamudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet" (v. 4).  Il-Magħmudija kienet sinjal li jidher tal-konverżjoni ta' dawk li kienu jisimgħu l-predikazzjoni tiegħu u li kienu jaqtugħha li jagħmlu l-penitenza.  Dik il-magħmudija kienet issir billi jgħoddsu fil-Ġordan, fl-ilma, imma dak kien ikun għalxejn, kien ikun biss sinjal u kien ikun għalxejn dment li ma kienx ikun hemm dispożizzjoni biex bniedem jindem u jibdel ħajtu.

Il-konverżjoni ġġib magħha ndiema mid-dnubiet li jkunu saru, ix-xewqa li wieħed jinħeles minnhom, il-proponiment li wieħed ibarrihom darba għal dejjem minn ħajtu.  Biex jitwarrab id-dnub jeħtieġ iċ-ċaħda ta' dak kollu marbut miegħu, dak kollu li jorbot mad-dnub, u jfisser li hemm bżonn ċaħda tal-mentalità mondana, ir-rabta żejda mal-kumditajiet, ir-rabta żejda mal-pjaċiri, mal-għana, mar-rikkezzi.  L-eżempju ta' ċaħda bħal din itihulna mill-ġdid l-Evanġelju tal-lum fil-figura ta' Ġwanni l-Battista: bniedem serju li jinqata' minn dak kollu li hu żejjed u jfittex dak li hu essenzjali.  Dan hu l-ewwel aspett tal-konverżjoni: li bniedem jinqata' minn mad-dnub u mill-mondanità.  Jibda mixja ta' ċaħda ta' dawn l-affarijiet.

L-aspett l-ieħor tal-konverżjoni huwa l-għan tal-mixja, jiġifieri t-tfittxija ta' Alla u tas-saltna tiegħu.  Iċ-ċaħda tal-kumditajiet u tal-mentalità mondana mhix għan fiha nfisha, mhix distakk spiritwali biex issir biss il-penitenza: in-nisrani mhux "il-fakir".  Hija ħaġa oħra.  Id-distakk mhux għan fih innifsu imma jimmira biex tinkiseb xi ħaġa ferm akbar, jiġifieri s-saltna t'Alla, il-komunjoni m' Alla, il-ħbiberija ma' Alla.  Iżda din mhix ħafifa, għax hemm bosta rabtiet li jżommuna qrib id-dnub, u mhux faċli... It-tentazzjoni dejjem twaqqagħna, twaqqa', u l-istess jagħmlu r-rabtiet li jżommuna qrib id-dnub: l-inkonsistenza, l-iskoraġġiment, il-malizzja, l-ambjenti ta' ħsara, l-eżempji ħżiena.  Kultant il-ġibda li nħossu għall-Mulej hi wisq dgħajfa u donnu jidher li Alla jkun sieket; donnu li l-wegħdiet ta' faraġ tiegħu jidhrilna li huma wisq imbegħdin u mhux reali bħax-xbieha tar-ragħaj attent li tidwi llum fil-qari minn Iżaija (cfr Iż 40, 1.11).  Allura tiġina t-tentazzjoni ngħidu li huwa impossibbli tikkonverti verament.  Kemm drabi smajna dan l-iskoraġġiment!  "Le, ma jirnexxilix.  Jien nibda xi ftit imma mbagħad nerġa' lura".  Dan hu ikrah.  Imma hu possibbli, hu possibbli.  Meta jiġuk dawn il-ħsibijiet ta' qtigħ il-qalb, tibqax wieqaf ċass, għax dan ikun 'quicksand', huwa 'quicksand': "il-quicksand" ta' eżistenza medjokri.  Din hi l-medjokrità.  X'jista' jsir f'każi bħal dawn, meta bniedem ikun irid jitlaq imma jħoss li mhux jirnexxilu?  Qabel kollox hemm bżonn jiftakar li l-konverżjoni hi grazzja: ħadd ma jista' jikkonverti bir-rieda tiegħu waħdu.  Hi grazzja li jtik il-Mulej, u għalhekk irridu nitolbu lil Alla għaliha bil-forza, nitolbu biex Hu jikkonvertina, li aħna verament nistgħu nikkonvertu, fil-qies li bih aħna nkunu miftuhin għas-sbuħija, għat-tjubija, għat-tenerezza ta' Alla.  Aħsbu ftit fit-tenerezza ta' Alla.  Alla mhux missier ikrah, missier kattiv, le.  Hu mimli ħlewwa, iħobbna ħafna bħar-Ragħaj it-Tajjeb li jfittex lill-aħħar waħda tal-merħla tiegħu.  Huwa mħabba, u din hija l-konverżjoni: grazzja minn Alla.  Inti ibda miexi, għax huwa Hu li jwieżnek fil-mixi, u mbagħad tara kif Hu jasal.  Itlob, imxi, u dejjem tara li qed tagħmel pass 'il quddiem.

Marija Santissma, li pitgħada niċċelebrawha bit-titlu ta' Immakulata, tgħinna ninqatgħu dejjem aktar mid-dnub u mill-mondanità, biex tiftaħna għal Alla, għall-kelma tiegħu, għall-imħabba tiegħu li ġġedded u ssalva.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll hawn preżenti - f'dat-temp ikraħ veru kuraġġużi! - rumani u pellegrini, u kull min hu magħqud permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

Kif qed taraw, fil-pjazza tpoġġiet is-siġra tal-Milied u qed jinbena l-presepju.  F'dal-ġranet ukoll, f'bosta djar jitħejjew dawn iż-żewġ sinjali tal-Milied, għall-ferħ tat-tfal... u tal-kbar ukoll!  Huma sinjali ta' tama, speċjalment f'daż-żmien diffiċli.  Naraw li ma nibqgħux biss inħarsu lejn is-sinjal imma mmorru lejn it-tifsira, jiġifieri Ġesù, l-imħabba t'Alla li rrivelalna Ibnu, nersqu lejn it-tjubija bla tarf li dawlet id-dinja.  M'hemmx pandemija, m'hemm ebda kriżi li tista' titfi dan id-dawl.  Inħalluh jidħol fi qlubna u nnewlu jdejna lil min hu l-aktar fil-bżonn.  B'hekk, Alla jitwieled mill-ġdid fina u fostna.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

(B'reazzjoni għall-għajjat li kien ġej mill-pjazza) Kemm huma bravi dawk tal-Immakulata!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber