Laikos

 

ANGELUS

It-V Ħadd tar-Randan

Il-Ħadd, 6 ta’ April, 2025

Test imħejji mil-Papa Franġisku

Għeżież ħuti,

 

l-Evanġelju ta’ dal-ħames Ħadd tar-Randan jippreżentalna l-episodju tal-mara li nqabdet fl-adulterju (Ġw 8, 1-11).  Filwaqt li l-iskribi u l-fariżej iridu jħaġġruha, lil dil-mara Ġesù jroddilha lura s-sbuħija mitlufa: hi waqgħet fit-trab; Ġesù jniżżel sebgħu f’dak it-trab u jiktbilha storja ġdida: hu “s-sebgħa ta’ Alla”, li jsalva lil uliedu (cfr ( 8,15) u jeħlishom mill-ħażen (cfr Lq 11,20).  Għeżież, l-istess bħal meta kont rikoverat, issa wkoll, waqt il-konvalexxenza, inħoss “is-sebgħa ta’ Alla” u nġarrab il-karezza premuruża tiegħu.

 

Fil-jum tal-Ġublew tal-morda u tad-dinja tas-sanità, nitlob lill-Mulej li dit-tmellisa ta’ mħabbtu tasal għand dawk kollha li qed ibatu u tagħti kuraġġ lil min jieħu ħsiebhom.  U ntilob lit-tobba, l-infermieri u l-operaturi sanitarji, li mhux dejjem isibu l-għajnuna li jeħtieġu biex jaħdmu f’kundizzjonijiet xierqa, u kultant jisfaw ukoll vittmi ta’ aggressjoni.  Il-missjoni tagħhom mhix faċli u għandha tkun imwieżna u rispettata.  Nawgura li jsir l-investiment meħtieġ għall-kura u r-riċerka sabiex is-sistemi sanitarji jkunu inklussivi u attenti lejn l-aktar fraġli u lejn il-foqra.

 

Irrodd ħajr lid-detenuti tal-ħabs femminili ta’ Rebibbia għall-biljett ta’ awguri li bagħtuli.  Nitlob għalihom u għall-familji tagħhom.

 

Fil-Jum Dinji tal-isports għall-paċi u l-iżvilupp, nawgura li l-isports ikun sinjal ta’ tama għal tant persuni li għandhom bżonn il-paċi u inklużjoni soċjali, u rrodd ħajr lill-assoċjazzjonijiet sportivi li jedukaw konkretament għall-fraternità.

 

Inkomplu nitolbu għall-paċi: fl-Ukrajna mbiċċra li ntlaqtet min attakki li ħallew bosta vittmi  ċivili, fosthom ħafna tfal.  L-istess qed jiġri f’Gaża fejn in-nies spiċċaw jgħixu f’kundizzjonijiet li lanqas nimmaġinawhom, bla saqaf, bla ikel, bla ilma nadif.  Għandhom jieqfu l-armi u jerġa’ jibda d-djalogu; jinħelsu l-ostaġġi kollha u jalla l-popolazzjoni tingħata l-għajnuna li teħtieġ.  Nitolbu għal-paċi fil-Lvant Nofsani kollu; fis-Sudan u fis-Sudan t’Isfel; fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, fil-Myanmar, li għadda mill-esperjenza  tremenda tat-terremot; u f’Haiti, fejn hemm vjolenza kbira li ftit tal-ġranet ilu ħasdet il-ħajja ta’ żewġ reliġjużi nisa.

 

Il-Verġni Marija tħarisna u tinterċedi għalina.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber