Laikos

 

Illum, it-tieni Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jkellimna dwar it-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (Lq 9, 28-36).  Wara li tela’ fuq il-quċċata tal-muntanja flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, Ġesù jintilef fit-talb u wiċċu u lbiesu bdew jiddu b’dawl kbir.  Hekk juri lid-dixxipli x’hemm moħbi wara l-ġesti li Hu jagħmel fosthom: id-dawl tal-imħabba bla qies tiegħu.

 

Qed naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet waqt li għaddej minn żmien ta’ prova, u fl-istess ħin ningħaqad ma’ tant aħwa morda: fraġli, f’dal-waqt, bħalma jien jien.  Il-fiżiku tagħna hu dgħajjef, madankollu xejn ma jżommna milli nħobbu, nitolbu, nagħtu lilna nfusna, u fil-fidi nkunu għal xulxin sinjali mdawla ta’ tama.  Kemm dawl jiddi, f’das-sens, fl-isptarijiet u fil-postijiet fejn tingħata l-kura!  Kemm attenzjoni mimlija mħabba ddawwal is-swali, il-kuriduri, l-ambulatorji, il-postijiet  fejn jingħataw is-servizzi l-aktar umli!  Għalhekk illum nixtieq nistedinkom biex flimkien miegħi tfaħħru lill-Mulej, li qatt ma jabbandunana u li fil-mumenti tat-tbatija jqiegħed ħdejna persuni li jirriflettu raġġ mill-imħabba tiegħu.

 

Irroddilkom ħajr ilkoll għat-talb tagħkom u rrodd ħajr lil dawk kollha li qed jassistuni b’tant dedikazzjoni.  Naf li qed jitolbu għalija bosta tfal; uħud minnhom illum ġew hawn, fl-Isptar Gemelli, bħala sinjal ta’ qrubija.  Grazzi tfal mill-aktar għeżież!  Il-Papa jħobbkom u dejjem jittama ssli jkun jista’ jiltaqa’ magħkom.

 

Inkomplu nitolbu għall-paċi, speċjalment fil-pajjiżi miġrugħin bil-gwerra: l-Ukrajna mbiċċra, il-Palestina, Iżrael, il-Libanu, il-Myanmar, is-Sudan, ir-Repubblika Demokratika tal-Congo.

 

U nitolbu għall-Knisja, msejħa biex iddawwar f’għażliet konkreti d-dixxerniment li sar fl-Assemblea Sinodali ta’ ftit żmien ilu.  Irrodd ħajr lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu li fit-tliet snin li ġejjin se tkun takkumpanja l-Knejjes lokali f’dan l-impenn.

 

Il-Verġni Marija tħarisna u tgħinna biex bħalha nxerrdu d-dawl u l-paċi ta’ Kristu.