IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 6 ta’ Marzu, 2022

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, l-ewwel Ħadd tar-Randan, jeħodna fid-deżert, fejn Ġesù kien meħud mill-Ispirtu s-Santu, għal erbgħin jum, biex ikun ittantat mix-xitan (cfr Lq 4, 1-13).  Ġesù wkoll safa ttantat mix-xitan, u jakkumpanja lil kull wieħed u waħda minna fit-tentazzjonijiet tagħna.  Id-deżert hu simbolu tat-taqbida mas-seħer tal-ħażen, jgħallimna nagħżlu l-vera libertà.  Infatti Ġesù jgħix l-esperjenza tad-deżert minnufih qabel ma jibda l-missjoni pubblika tiegħu.  U propju permezz ta’ dik it-taqbida spiritwali Hu jafferma bla tlaqliq liema tip ta’ Messija kien fi ħsiebu jkun.  Mhux Messija hekk, imma hekk (il-Papa għamel ġest b’idejh): ikolli ngħid li din kienet propju d-dikjarazzjoni tal-identità messjanika tiegħu, tat-triq messjanika ta’ Ġesù.  “Jien il-Messija, imma minn dit-triq”.  Allura ħa nagħtu daqqa t’għajn mill-qrib lil dawn it-tentazzjonijiet li qed jissielet magħhom.

Għal darbtejn, ix-xitan idur lejh u jgħidlu: “Jekk inti Bin Alla...” (vv. 3.9).  Jiġifieri jistiednu biex jisfrutta l-pożizzjoni li għandu: l-ewwel biex jissodisfa l-ħtiġijiet materjali li kellu (cfr v. 3) – il-ġuħ -; imbagħad biex iżid is-setgħa tiegħu (cfr vv. 6-7); fl-aħħar biex jikseb minn Alla sinjal tal-għaġeb (cfr vv. 9-11).  Tlett tentazzjonijiet.  Qiesu kien qed jgħidlu: “Jekk int Bin Alla, approfitta ruħek!”  Kemm drabi jiġrilna l-istess dan: “imma la għandek dik il-pożizzjoni, approfitta ruħek!”  Titlifx l-opportunità, l-okkażjoni”, cioè, “aħseb għal rasek”.  Proposta li ssaħħrek imma li tmexxik lejn il-jasar tal-qalb: tirrendik ossessjonat bil-kilba li taħżen, li kollox tagħmlu marbut mal-ġid materjali, mas-setgħa, mal-fama.  U dan hu l-għerq tat-tentazzjonijiet: “il-velenu tal-passjonijiet” li fih hemm imħawwel il-ħażen.  Inħarsu fina nfusna u nsibu li t-tentazzjonijiet tagħna dejjem għandhom din it-tifsila, dejjem jaħdmu bl-istess mod.

Imma lill-ġibda tal-ħażen Ġesù jopponiha b’mod rebbieħ.  X’jagħmel?  Iwieġeb għat-tentazzjonijiet bil-Kelma t’Alla, li tgħid li m’għandniex napprofittaw ruħna, li ma nużawx lil Alla, lill-oħrajn u l-affarijiet għalina, (tgħidilna) biex ma nisfruttawx il-pożizzjoni tagħna biex niksbu l-privileġġi.  Għax l-hena u l-libertà vera ma nsibuhomx f’dak li jkollna, imma fil-qsim; mhux meta napprofittaw ruħna mill-oħrajn imma meta nħobbuhom; mhux fl-ossessjoni tas-setgħa, imma fil-ferħ tal-qadi.

Ħuti, dawn it-tentazzjonijiet jakkumpanjaw lilna wkoll fil-mixja ta’ ħajjitna.  Jeħtieġ nishru, ma nibżgħux – kulħadd jiġrilu dan – u nishru għax spiss jippreżentaw ruħhom bis-sura ta’ xi ħaġa li tidher tajba.  Infatti, ix-xitan li moħħu jilħaqlu, dejjem juża l-ingann.  Lil Ġesù riedu jemmen li l-proposti li kien qed jagħmillu kienu utli  biex juri li kien verament Iben Alla.

U rrid nisħaq fuq ħaġa.  Ġesù ma jiddjalogax max-xitan: Ġesù qatt ma ddjaloga max-xitan.  Jew keċċieh ‘l hemm, meta kien ifejjaq lill-imxajtnin, jew f’dal-każ, la kellu jwieġeb, wieġeb  bil-Kelma t’Alla, qatt bil-kelma tiegħu.  Ħuti, qatt m’għandna nidħlu fi djalogu max-xitan: moħħu jilħaqlu aktar minn tagħna.  Qatt!  Niggranfaw mal-Kelma t’Alla bħalma għamel Ġesù u l-aktar, inwieġbu dejjem bil-Kelma t’Alla.  U minn dit-triq ma niżbaljawx.

Hekk iġib ruħu magħna x-xitan: dejjem jersaq lejna “b’għajnejn mimlijin ħlewwa”, “b’wiċċ anġeliku”; saħansitra jaf jinħeba wara motivazzjonijiet sagri, fid-dehra reliġjużi!  Jekk naqgħu għaż-żegħil tiegħu nispiċaw biex niġġustifikaw il-falz li hemm fina, inlibbsuh il-maskra tal-intenzjonijiet tajba.  Per eżempju, kemm drabi smajna din: “Għamilt affarijiet strambi, imma għent lill-foqra”; “approfittajt ruħi mill-pożizzjoni tiegħi – ta’ politiku, governanti, saċerdot, isqof -, imma biex nagħmel il-ġid”; “l-istint rebaħli imma fl-aħħar mill-aħħar ma weġġgħajt lil ħadd”, dawn l-iskużi u aktar, waħda wara l-oħra.  Jekk jogħġobkom, ebda kompromess mal-ħażen!  Xejn djalogu max-xitan!  Ma niddjalogawx mat-tentazzjoni, ma nistgħux  irraqdu l-kuxjenza li tgħidilna: “Fl-aħħar mill-aħħar mhix xi ħaġa gravi, kulħadd hekk jagħmel!”  Inħarsu lejn Ġesù, ma fittixx kompromess, ma jagħmel ebda ftehim mal-ħażen.  Lix-xitan jopponih bil-Kelma t’Alla, li hi aktar qawwija mix-xitan, u b’hekk jegħleb it-tentazzjonijiet.

Daż-żmien tar-Randan għandu jkun għalina wkoll iż-żmien tad-deżert.  Inħallu wisa għas-silenzju u t-talb – imqar ftit, jagħmlilna tajjeb – nieqfu ftit f’dawn l-irqajja ta’ ħin u niflu dak li qed inikket lil qlubna, il-verità interjuri tagħna, dik li nafu li m’għandhiex ġustifikazzjoni.  Niċċaraw l-intern tagħna, nikkonfrontaw ruħna mal-Kelma t’Alla ħalli fina jkollna taqbida li taħji kontra l-ħażen li jagħmilna lsiera, taqbida għal-libertà.

Nitolbu lill-Verġni Mqaddsa takkumpanjana fid-deżert tar-Randan u biex tgħinna fil-mixja tagħna ta’ konverżjoni.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Fl-Ukrajna hemm jiġru xmajjar ta’ demm u dmugħ.  Din mhix biss operazzjoni militari, imma gwerra, li tiżra’ l-mewt, il-qerda u l-miżerja.  Qed jiżdied dejjem l-għadd tal-vittmi kif ukoll ta’ min qed jaħrab, speċjalment ommijiet u tfal.  F’dak il-pajjiż mifluġ b’mod tant drammatiku, kull siegħa li tgħaddi qed tinħass aktar il-ħtieġa tal-għajnuna umanitarja.

Nagħmel appell mill-qiegħ nett ta’ qalbi biex jinfetħu bis-serjetà kuriduri umanitarji sabiex ikollhom garanzija li bla taħbit tasal l-għajnuna fiż-żoni li jinsabu taħt assedju lil ħutna maħqurin mill-bombi u l-biża’.

Irrodd ħajr lil kull min qed jilqa’ lir-rifuġajti.  Fuq kollox nitlob bil-ħerqa biex jieqfu l-attakki bl-armi u jsaltan in-negozjar – u wkoll li jsaltan is-sens komun -.  U li jerġa’ jkun hemm rispett lejn id-dritt internazzjonali!

U rrid irrodd ħajr ukoll lill-ġurnalisti nisa u rġiel li biex jiggarantixxu l-informazzjoni jirriskjaw ħajjithom.  Ġrazzi ħuti għal das-servizz tagħkom!  Servizz li jippermettielna nkunu qrib id-dramm ta’ dik il-popolazzjoni u jgħinna nifhmu l-krudeltà tal-gwerra.  Grazzi, ħuti.

Ejjew nitolbu flimkien għall-Ukrajna: hawnhekk quddiemna hawn il-bnadar tagħha.  Nitolbu flimkien bħal aħwa. Lill-Madonna Reġina tal-Ukrajna.  Sliema għalik, Marija.......

Is-Santa Sede lesta tagħmel minn kollox, biex tkun ta’ servizz għal dil-paċi.  Dal-ġranet marru żewġ Kardinali fl-Ukrajna biex ikunu ta’ servizz għall-poplu, biex jgħinu.  Il-Kardinal Krajewski, l-Elemożinier, biex iwassal l-għajnuna lil dawk li jeħtieġuha u l-Kardinal Czerny, Prefett ad interm tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali.  Il-preżenza ta’ dawn iż-żewġ Kardinali mhix biss il-preżenza tal-Papa, imma tal-poplu nisrani kollu li jrid ikun qrib u jgħid: “Il-gwerra hija ġenn!  Ieqfu, jekk jogħġobkom!  Araw dil-krudeltà!”.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Concord – California, lil dawk minn diversi bliet tal-Polonja u lil dawn minn Cordoba u Sobradiel fi Spanja.  Insellem lill-komunità tas-Seminarju Franċiż f’Ruma flimkien mal-familjari; lill-fidili minn Vedano al Lambro; lill-adoloxxenti minn Saronno, Cesano Maderno, Baggio u Valceresio, fid-djoċesi ta’ Milan, lil dawk minn Papiano u Cerqueto mid-djoċesi ta’ Perugia.  Insellem lid-Donaturi Volontarji tal-Puluzija tal-Istat taljan, kif ukoll lill parteċipanti tal-pellegrinaġġ li qed ifakkar iż-żjara tiegħi fl-Iraq li għamilt propju sena ilu.

Illum waranofsinhar, flimkien mal-kollaboraturi tal-Kurja ta’ Ruma, se nibdew l-eżerċizzi spiritwali.  Fit-talb tagħna se nsieħbu l-ħtiġijiet kollha tal-Knisja u tal-familja umana.  U intom ukoll, jekk jogħġobkom, itolbu għalina.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tar-Randan mimlija frott!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber