IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 6 ta’ Frar, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Levanġelju tal-Liturġija tal-lum jeħodna fuq ix-xtut tal-għadira tal-Galileja.  Il-folla tross fuq Ġesù, waqt li xi sajjieda diżappuntati, fosthom Xmun Pietru, qed jaħslu x-xbiek wara lejl sajd bla fejda ta’ xejn.  U hekku li Ġesù jitla’ propju fuq id-dagħjsa ta’ Pietru: imbagħad jistiednu jaqla’ ftit ‘il barra u jerġa’ jkala x-xbiek (cfr Lq 5, 1-4).  Nieqfu fuq dawn iż-żewġ azzjonijiet ta’ Ġesù: l-ewwel jitla’ fuq id-dagħjsa u mbagħad, it-tieni, jistiednu biex jaqdef fil-fond.  Il-lejl kien mar ħażin, mingħajr qbid ta’ ħut, imma Pietru jafda u jaqla’ ‘l barra.

Qabel xejn, Ġesù jitla’ fuq id-dagħjsa ta’ Pietru.  Għalfejn?  Biex jgħallem.  Irid propju dik id-dagħjsa li reġgħet lura lejn ix-xatt vojta wara  lejl ta’ taħbit u diżappunt.  Hija immaġni sabiħa għalina wkoll.  Id-dagħjsa ta’ ħajjitna kuljum titbiegħed mix-xatt ta’ darna biex toħroġ fil-baħar tal-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum; kuljum nippruvaw “nistagħdu fil-fond”, nikkultvaw il-ħolm, imwettqu proġetti, li r-relazzjonijiet tagħna ngħixuhom bl-imħabba.  Imma spiss, bħal Pietru, ngħixu “l-lejl tax-xbiek vojta” – il-lejl tax-xbiek vojta – id-diżappunt li nagħmlu ħilitna kollha bla ma naraw ir-riżultati mixtieqa: “Ilna nitħabtu l-lejl kollu u ma qbadna xejn” (v. 5), jgħid Xmun.  Kemm drabi aħna wkoll inġarrbu s-sens tat-telfa, filwaqt li qlubna jimtlew bid-diżappunt u l-imrar.  Żewġ susiet perikolużi ħafna.

Allura x’jagħmel il-Mulej?  Jagħżel propju li jitla’ fuq id-dagħjsa tagħna.  Minn hemm irid iħabbar l-Evanġelju.  Propju dik id-dagħjsa vojta, simbolu tan-nuqqas ta’ ħila tagħna, issir “il-kattedra” ta’ Ġesù, il-pulptu minn fejn ixandar il-Kelma.  U dan iħobb jagħmel il-Mulej – il-Mulej hu l-Mulej tas-sorpriżi -: jirkeb id-dagħjsa ta’ ħajjitna meta aħna m’għandna xejn x’noffrulu; jidħol fil-vojt tagħna u jimlieh bil-preżenza tiegħu; iservi l-faqar tagħna biex iħabbar l-għana tiegħu, fil-miżerji tagħna biex ixandar il-ħniena tiegħu.  Niftakruha din: Alla ma jridx cruiseship, biżżejjed għalih daqsxejn ta’ dagħjsa żgangata, dment li nilqgħuh.  Dan, iva, nilqgħuh; ma jinteressahx fuq liema dagħjsa nilqgħuh.  Imma aħna – nistaqsi – inħalluh jirkeb fid-dagħjsa ta’ ħajjitna?  Inqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu il-ftit li għandna?  Kultant ma nħossuniex denji tiegħu għax midinbin.  Imma din hi skuża li xejn ma togħġob lill-Mulej, għax tbegħedu minna!  Huwa hu Alla tal-qrubija, tal-kumpassjoni, tal-ħlewwa, u ma jfittixx perfezzjoni: ifittex li jkun milqgħuh.  Lilek ukoll jgħidlek: “Rikkibni fuq id-dagħjsa ta’ ħajtek” – “Imma, Mulej, ara...” – “Hekk, rikkibni, hekk kif inhi”.  Nirriflettu fuq dan.

B’hekk il-Mulej jerġa jibni l-fiduċja ta’ Pietru.  Wara li tela’ fuq id-dagħjsa u temm jipprietka, jgħidlu: “Aqdef fil-fond” (v. 4).  Ma kienx ħin tajjeb għas-sajd, kien ħin tad-dawl, imma Pietru jafda f’Ġesù.  Ma jorbotx fuq l-istrateġiji tas-sajjieda, ħaġa li kien jafha sewwa, imma jorbot fuq in-novita ta’ Ġesù.  Dak l-istagħġib li kien iqanqlu biex jagħmel dak li qallu Ġesù.

U l-istess għalina: jekk lill-Mulej nistednuh fuq id-dagħjsa tagħna, nistgħu naqdfu fil-fond.  Flimkien ma Ġesù nbaħħru fil-baħar tal-ħajja bla biża’, bla ma nibqgħu diżappuntati meta ma nkunu qbadna xejn u bla ma nċedu u ngħidu “ma nistgħu nagħmlu xejn aktar”.  Fil-ħajja personali kif ukoll fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà dejjem hemm xi ħaġa sabiħa u ta’ kuraġġ li nistgħu nwettqu, dejjem.  Dejjem nistgħu nerġgħu nibdew, il-Mulej dejjem jistedinna biex nirriskjaw għax Hu dejjem jiftaħ possibbiltajiet ġodda.  Għalhekk, nilqgħu l-istedina: inwarrbu l-pessimiżmu u l-isfiduċja u naqdfu fil-fond flimkien ma’ Ġesù!  Id-dagħjsa ċkejkna tagħna wkoll tkun tista’ tara sajda mirakoluża.

Nitolbu lil Marija, li laqgħet il-Mulej fuq id-dagħjsa ta’ ħajjitha kif qatt ħadd ma għamel: Hi ttina l-kuraġġ u tinterċedi gġalina.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum qed infakkru l-­Jum Internazzjonali kontra l-isfigurament ġenitali femminili.  Hemm madwar tliet miljun tfajla li ta’ kull sena, jgħaddu minn dan il-proċess, spiss f’kundizzjonijiet perikolużi ħafna għal saħħithom.  Din id-drawwa li sfortunatament isseħħ f’bosta reġjuni tad-dinja, tumilja d-dinjità tal-mara u hija attentat gravi fuq l-integrità fiżika tagħha.

U nhar it-Tlieta li ġej, tifkira liturġika ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, ikun imfakkar il-Jum Dinji ta’ talb u riflessjoni kontra n-negozjar tal-persuni.  Din hi ġerħa fonda riżultat ta’ kilba tal-mistħija ta’ interessi ekonomiċi nieqsa għal kollox mir-rispett lejn il-persuna umana.  Tant tfajliet – narawhom fit-toroq - li mhumiex ħielsa, huma lsiera tat-traffikanti, li jibagħtuhom jaħdmu, u jekk ma jġibux flus isawtuhom.  Dan jiġri llum fl-ibliet tagħna.  Naħsbu dwar dan bis-serjetà.

Quddiem dawn il-pjagi tal-umanità nesprimi n-niket tiegħi u neżorta lil kull min għandu r-responsabbiltà biex jaħdem b’mod serju sabiex iwaqqaf kemm dan l-isfruttament u wkoll id-drawwiet umiljanti li jitturmentaw partikolarment lin-nisa u lill-bniet.

Illum fl-Italja qed tkun iċċelebrata l-Ġurnata għall-Ħajja, bit-tema “Inħarsu kull ħajja”. Dan l-appell jgħodd għal kulħadd, speċjalment għall-kategoriji l-aktar dgħajfa: l-anzjani, il-morda u wkoll għat tfal li ma jitħallewx jitwiedu.  Ningħaqad mal-Isqfijiet taljani biex immexxu ‘l quddiem il-kultura tal-ħajja bħala tweġiba loġika għall-iskart u t-tnaqqis demografiku.  Kull ħajja għandha tkun imħarsa, dejjem!

Aħna mdorrijin naraw, naqraw tant ħwejjeġ koroħ fil-mezzi tal-komunikazzjoni, aħbarijiet koroħ, inċidenti, qtil... tant minn dan.  Imma llum jien irrid insemmi żewġ ċirkostanzi sbieħ.  Waħda fil-Marokk, kif il-poplu kollu nagħqad biex isalva liċ-ċkejken Rayan.  Il-poplu kollu kien hemm, jitħabat biex isalva lit-tifel!  Għamlu ħilithom kollha.  Sfortunatament ma rnexxilhomx.  Imma dak l-eżempju – kont qed naqra llum (fil-gażżetta) Il Messaggero -, dawk ir-ritratti ta’ poplu, hemmhekk, jistenna li jkun salvat it-tifel... Grazzi lil dan il-poplu għal din it-testimonjanza!

U l-oħra ġrat hawn fl-Italja, u mhux se tidher fil-ġurnali.  F’Monferrato: John, ġuvni mill Għana, 25 sena, migrant, li biex wasal hawn bata dak kollu li jbatu tant migranti, u fl-aħħar sab saqajh f’Monferrato, beda jaħdem, jibni l-ġejjieni tiegħu f’kumpanija li tipproduċi l-inbid.  Imbagħad marad b’kanċer terribbli u jinsab f’xifer il-mewt.  U meta qalulu l-verità, staqsewh x’ried jagħmel, wieġeb: “Immur lura d-dar biex inħaddan lil missieri qabel ma mmut”.  Quddiem il-mewt ħaseb f’missieru.  U f’dak il-pajjiż,f’Monferrato minnufih għamlu ġabra, u mimli morfina, tellgħu fuq l-ajruplan lilu u lil ħabibu, u bagħtuh biex ikun jista’ jmut f’dirgħajn missieru.  Dan jurina li llum, qalb tant aħbarijiet koroħ, hawn affarijiet sbieħ ukoll, hawn “qaddisin tal-bieb ta’ ħdejna”.  Grazzi ta’ din it-testimonjanza li tisfagħlna ta’ ġid.

Insellmilkom ilkoll rumani u pellegrini!  Partikolarment li dawk ġejjin mill-Ġermanja, mill-Polonja u minn Valencia (Spanja); kif ukoll lill-istudenti universitarji ta’ Madrid – kemm huma storbjużi dawn l-ispanjoli! - u lill-fidili mill-parroċċa San Franġisk ta’ Assisi, f’Ruma.  Tislima speċjali lir-reliġjużi ta’ Tahlita Kum, fl-impenn tagħhom kontra n-negozjar tal-persuni.  Grazzi!  Grazzi ta’ dak li tagħmlu, għall-kuraġġ li għandkopm.  Grazzi.  Nagħmel kuraġġ lill-ħidma tagħkom u nbierek l-istatwa ta’ Santa Ġużeppina Bakhita.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber