SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Is-Sibt, 6 ta Jannar, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Illum qed niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej, jiġifieri l-waqt meta Hu wera ruħu lill-popli kollha, irrappreżentati mill-Maġi (cfr Mt 2, 1-12).  Huma l-għorrief li qed ifittxu, li wara li tqanqlu hekk kif dehritilhom il-kewkba, jaqbdu t-triq u jaslu Betlehem.  Hemmhekk isibu lil Ġesù, “ma’ Marija ommu”, jinxteħtu jagħtuh qima u joffrulu “deheb, inċens u mirra” (v. 11).

Bnedmin għorrief li jagħrfu l-preżenza t’Alla f’sempliċi Tarbija; mhux f’xi prinċep jew xi nobbli, imma f’iben nies foqra, u jinżlu jadurawh.  Il-kewkba mexxiethom lejn Tfajjel; u huma, fl’għajnejn ċkejkna u innoċenti, jilmħu d-dawl tal-Ħallieq tal-univers, ħaġa li għaliha huma kienu ddedikaw l-eżistenza tagħhom.

Hi esperjenza deċisiva għalihom u importanti għalina wkoll: f’Ġesù Bambin, infatti, naraw lil Alla magħmul bniedem.  Allura nħarsu lejh, nistagħġbu bl-umiltà tiegħu.  Nikkuntemplaw lil  Ġesù, nibqgħu fil-preżenza tiegħu, nadurawh fl-Ewkaristija: mhux ħala ta’ ħin, imma hu ħin li jagħmel sens.  L-adorazzjoni mhix ħala ta’ ħin, imma ħin li fih is-sens.  Dan importanti, intenni: l-adorazzjoni mhix ħala ta’ ħin, imma ħin mogħti s-sens.  Hu ħin li bih insibu mill-ġdid ir-rotta tal-ħajja fis-sempliċità ta’ silenzju li jitma’ l-qalb.

U ejjew ukoll infittxu l-ħin biex inħarsu lejn it-tfal bħalma l-Maġi ħarsu lejn Ġesù: iċ-ċkejknin li jkellmuna wkoll dwar Ġesù, bil-fiduċja tagħhom, bl-immedjatezza tagħhom, bl-istagħġib tagħhom, bis-sens ta’ kurżità sana tagħhom, bil-ħila tagħhom li jibku u jidħqu bl-ispontanjetà, li joħolmu.

Għalhekk nistaqsu: tul dal-jiem waqfna biex naduraw, għamilna ftit spazju biex fis-silenzju jidħol fih Ġesù, bit-talb quddiem il-presepju?  Tajna ħinna għat-tfal, biex nitkellmu u nilgħabu magħhom?  U fl-aħħar, jirnexxielna nħarsu lejn il-problemi tad-dinja minn għajnejn it-tfal?

Marija, Omm Alla u ommna, tkattar fina l-imħabba lejn Ġesù Bambin u lejn it-tfal kollha, speċjalment dawk imġarrbin mill-gwerer u l-inġustizzji.

 

Wara l-Angelus

Għeżeiż ħuti!

Sittin sena ilu, propju f’dal-ġranet, il-Papa San Pawlu VI u l-Patrijarka Ekumeniku Atenagora, ltaqgħu u għannqu lil xuxlin f’Ġerusalemm, u hekk kissru ħajt ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni li għal sekli sħaħ kien żamm lill-kattoliċi u l-ortodossi bogħod minn xulxin.  Nitgħallmu mit-tgħannieqa ta’ dawk iż-żewġ persunaġġi kbar tal-Knisja fit-triq lejn l-għaqda fost l-insara, billi nitolbu flimkien, nimxu flimkien, naħdmu flimkien.

U aħna u niftakru f’dak il-ġest storiku ta’ fraternità li seħħ f’Ġerusalemm, nitolbu għall-paċi fil-Lvant Nofsani, fil-Palestina, f’Iżrael, fl-Ukrajna, fid-dinja kollha.  Tant vittmi tal-gwerer, tant mejta, tant distruzzjoni... Nitolbu għall-paċi.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-poplu tal-Iran, partikolarment mal-familjari tal-għadd kbir ta’ vittmi tal-attakk terroristiku li sar f’Kerman, mal-bosta feruti u dawk kollha li ntlaqtu minn dan in-niket kbir.

L-Epifanija hi l-Ġurnata tas-Santa Infanzja Missjunarja.  Insellem lit-tfal u lill-adoloxenti missjunarji tad-dinja kollha, irroddilhom ħajr għall i-impenn tagħhom bit-talb u s-sapport konkret għat-tħabbir tal-Evanġelju u, b’mod partikolari, għall-promozzjoni taż-żgħar fl-artijiet tal-missjoni.  Grazzi, grazzi ħafna lilkom!

Nilqa’ bil-ferħ lill-parteċipanti tal-korteo storiku/folkloristiku, li dis-sena hu dedikat għat-territorju tal-Wied tax-xmara Tevere, għall-valuri umani u reliġjużi tiegħu.

Insellem lill-fidili  mill-Ġermanja, liż-żgħażagħ tal-Moviment “Tra Noi”, lill-“Ħbieb tal-istorja u tat-tradizzjonijiet” minn Carovilli, lill-grupp AVIS (donaturi tad-demm) minn Paderno Franciacorta.  U nestendi l-barka tiegħi lill-parteċipanti tal-korteo kbir tar-Rejjiet Maġi li jsir f’Varsavja u f’tant bliet tal-Polonja.

Nawgura lil kulħadd il-festa tal-Epifanija t-tajba.  Komplu, jekk jogħġobkom, itolbu għalija u ibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-kuraġġ!  Il-Mulej iberikkom.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber