SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħamis, 6 ta’ Jannar, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-festa t-tajba!

Illum, solennità tal-Epifanija, nikkuntemplaw l-episodju tal-Maġi (Mt 2, 1-12).  Huwa jaffrontaw vjaġġ twil u iebes biex imorru jaduraw “lir-Re tal-Lhud” (v. 2).  Huma mmexxijin mis-sinjal straordinarju ta’ kewkba, u meta fl-aħħar jaslu, minflok isibu xi ħaġa grandjuża, jaraw tarbija ma’ ommha.  Setgħu qabdu jipprotestaw: “Triq twila, tant sagrifiċċji, biex insibu ruħna quddiem tfajjel fqir?”  Madankollu ma jiskandalizzawx ruħhom, ma jħossuhomx diżappuntati.  Ma jgemgmux.  X’jagħmlu?  Jixteħtu fl-art iqimuh.  “Meta daħlu d-dar – jgħidilna l-Evanġelju – raw lit-tifel ma’ ommu Marija, niżlu fl-art iqimuh, adurawh” (v. 11).

Naħsbu ftit f’dawn l-għorrief li ġew mill-bogħod, għonja, kolti, magħrufin, li jinxteħtu fl-art, jiġifieri jmilu mal-art biex jaduraw tfajjel!  Donnha kuntradizzjoni.  Jissorprendik ġest tant umli magħmul minn irġiel ta’ tant prestiġju.  Dak iż-żmien kienet drawwa li bniedem jinxteħet fl-art quddiem xi awtorità li kellha l-kriżmi tas-setgħa u tal-glorja.  U lanqas illum din mhi daqshekk stramba.  Imma quddiem it-tfajjel ta’ Betlem din mhix ħaġa sempliċi. Mhux ħafifa tadura lil dan Alla li d-divinità tiegħu tibqa’ mistura u m’għandhiex xeħta trijonfanti.  Ifisser ilqugħ tal-kobor t’Alla li jidher fiċ-ċokon: dan hu l-messaġġ.  Il-Maġi jitbaxxew  quddiem il-loġika straordinarja ta’ Alla, ma jilqgħux lill-Mulej kif kienu jimmaġinawh, imma kif inhu, ċkejken u fqir.  L-att ta’ qima tagħhom hu s-sinjal ta’ min iwarrab l-ideat tiegħu u jagħmel il-wisa’ għal Alla.  Hemm bżonn l-umiltà biex dan isir.

L-Evanġelju jinsisti dwar dan: ma jgħidx biss li l-Maġi aduraw, imma jisħaq li nxteħtu fl-art biex jaduraw.  Ejjew dan nagħmluh tagħna: l-adorazzjoni u l-prostrazzjoni jimxu id f’id.  Meta għamlu dal-ġest, il-Maġi wrew li qed jilqgħu bl-umiltà lil Dak li ppreżenta ruħu fl-umiltà.  U b’hekk huma jinfetħu għall-adorazzjoni ta’ Alla.  It-teżori li jinfetħu huma xbieha tal-qalb miftuħa tagħhom: il-veru għana tagħhom mhix il-fama, is-suċċess, imma l-umiltà, il-fatt li huma jħossu l-ħtieġa tas-salvazzjoni.  Dan hu l-eżempju li jtuna l-Maġi llum.

Għeżież ħuti, jekk aħna nibqgħu dejjem bina nfusna fiċ-ċentru, bl-ideat tagħna, u nippretendu li għandna xi privileġġ quddiem Alla, qatt m’aħna se niltaqgħu miegħu għal kollox, ma naslux li nadurawh.  Jekk il-pretensjonijiet tagħna ma jispiċċawx, il-vanitajiet, il-punt, it-tellieqa biex inkunu tal-ewwel, nispiċċa biex nadura li xi ħadd jew lil xi ħaġa fil-ħajja, imma din ma tkunx il-Mulej!  Iżda jekk ninsew il-pretensjonijiet tagħna li aħna awtosuffiċjenti, jekk niċċekknu minn ġewwa, allura niksbu l-istagħaġib li naduraw lil Ġesù.  Għax l-adorazzjoni tgħaddi mit-triq tal-umiltà tal-qalb: min hu miklub biex jaqbeż lil ħaddieħor, ma jindunax bil-preżenza tal-Mulej.  Jinjora lil Ġesù  li jkun għaddej minn ħdejh, kif ġara lil bosta dak iż-żmien, imma mhux lill-Maġi.

Ħuti, meta nħarsu lejhom, illum nistaqsu: kif inhi l-umiltà tiegħi?  Konvint li s-suppervja hi ostaklu għall-progress spiritwali tiegħi?  Dik is-suppervja, li tidher jew li hi moħbija, li dejjem ittappan l-entużjażmu għal Alla.  Jien naħdem fuq id-doċilità tiegħi biex inkun disponibbli għal Alla u għall-oħrajn, fuq il-pretensjonijiet tiegħi, fuq dak l-egoiżmu moħbi, is-suppervja?  Naf inwarrab il-fehma tiegħi biex inħaddan dik ta’ Alla u tal-oħrajn?  U fl-aħħar: nitlob u nqim biss meta neħtieġ xi ħaġa, jew inkella ma nehdiex nitlob għax nemmen li dejjem għandi bżonn lil Ġesù?  Il-Maġi bdew it-triq iħarsu lejn kewkba u sabu lil Ġesù.  Imxew ħafna.  Illum nistgħu nieħdu dal-parir: ħares lejn il-kewkba u imxi.  Qatt thedew timxu, imma qatt tinsew tħarsu lejn il-kewkba.  Dan hu l-parir tal-lum, qawwi: ħares lejn il-kewkba u imxi, ħares lejn il-kewkba u imxi.

Il-Verġni Marija, qaddejja tal-Mulej, tgħallimna niskopru mill-ġdid il-bżonn vitali tal-umiltà u t-togħma ħelwa tal-adorazzjoni.  Tgħallimna nħarsu lejn il-kewkba u tgħallimna nimxu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

 

Ħsiebna llum imur lejn ħutna tal-Knejjes Orjentali, kemm kattoliċi u ortodossi li għada jiċċelebraw il-Milied tal-Mulej.  Nagħtihom bl-għożża l-isbaħ xewqat ta’ paċi u kull ġid; Kristu, imwieled mill-Verġni Marija, idawwal il-familji tagħkom u l-komunitajiet tagħkom!  Ħuti, ħafna awguri!

L-Epifanija, b’mod speċjali, hi l-festa tal-infanzja missjunarja, jiġifieri ta’ dawk it-tfal u adoloxxenti – huma bosta f’ħafna pajjiżi tad-dinja – impenjati fit-talb u joffru dak li faddlu sabiex l-Evanġelju jkun imħabbar lil min għad ma jafux.  Irrid ngħidilhom grazzi: tfal subjien u bniet, grazzi!, u ftakru li l-missjoni tibda bix-xhieda tal-ħajja nisranija fil-ħajja ta’ kuljum.

A propożitu ta’ dan, nagħmel kuraġġ lill-inizjattivi ta’ evanġelizzazzjoni li jinbtu mit-tradizzjonijiet tal-Epifanija u li fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa, jużaw mezzi tal-komunikazzjoni varji.  Infakkar b’mod partikolari l-avveniment “Kortejo tar-Re Maġi” li jsir fil-Polonja.

U llum insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem li dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Romano di Lombardia, flimkien mal-ġenituri u l-katekisti.

U nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber