SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa, 6 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw is-solennità tal-Epifanija, jiġifieri l-manifestazzjoni tal-Mulej lill-ġnus kollha: infatti s-salvazzjoni miġjuba minn Kristu ma tafx b'limitazzjonijiet, hija għal kulħadd.  L-Epifanija mhix misteru differenti, dejjem tibqa' l-istess misteru tat-Twelid, però mid-dimensjoni tad-dawl tiegħu: dawl li jdawwal lil kull bniedem, dawl li rridu nilqgħuh bil-fidi u dawl li għandna nwasslu lill-oħrajn bil-karità, bix-xhieda, bit-tħabbir tal-Evanġelju.

Il-vizjoni ta' Iżaija li naqraw fil-Liturġija tal-lum (cfr 60, 1-6) tidwi attwali daqs qatt qabel fi żmienna: "Id-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli" (v. 2).  Fuq dan ix-xefaq il-profeta jħabbar id-dawl: id-dawl mogħti minn Alla lil Ġerusalemm u destinat biex idawwal il-mixja tal-ġnus kollha.  Dan id-dawl għadnu l-qawwa li jiġbed lejh lil kulħadd, qrib jew imbiegħed, kulħadd jimxi biex jilħqu (cfr v. 3).  Hija viżjoni li tiftaħ il-qalb, li twessa l-pulmuni, li tistieden għat-tama.  Minnu li d-dlam dejjem jinsab hemm, jhedded, fil-ħajja ta' kulħadd u fl-istorja tal-umanità, iżda d-dawl ta' Alla hu aktar qawwi.  Jeħtieġ biss nilqugħ ħalli jkun jista' jiżreġ għal kulħadd.  Imma nistgħu insaqsu lilna nfusna: fejn jinsab dad-dawl?  Il-profeta kien jilmħu bil-bogħod imma kien diġà biżżejjed biex jimla l-qalb ta' Ġerusalemm b'ferħ li ma jitfissirx.

Fejn jinsab dad-dawl?  Min-naħa tiegħu, hu u jirrakkonta l-episodju tal-Maġi (cfr 2,1-12), l-evanġelista Mattew juri li dan id-dawl huwa t-Tarbija ta' Betlem, huwa Ġesù, anki jekk ir-regalità tiegħu mhix aċċettata minn kulħadd.  Anzi, xi wħud jirrifjutawha, bħalma għamel Erodi.  Huwa Hu l-kewkba li dehret fuq ix-xefaq, il-Messija mistenni, dak li permezz tiegħu Alla jwettaq is-salta ta' mħabba tiegħu, is-saltna tiegħu tal-ġustizzja, is-saltna tiegħu tal-paċi.  Hu ma twelidx għal xi wħud biss iżda għall-bnedmin kollha, għall-popli kollha.  Id-dawl hu għall-popli kollha, is-salvazzjoni hija għall-popli kollha.

U kif jinfirex dan id-dawl?  Kif id-dawl ta' Kristu jirfed kull imkien f'kull żmien?  Għandu l-mod tiegħu kif jinfirex.  Ma jinfirixx permezz tal-imperi setgħana ta' din id-dinja, li dejjem ifittxu jakkapparraw il-kontroll.  Le, id-dawl ta' Kristu jinfirex bit-tħabbir tal-Evanġelju.  It-tħabbir, il-kelma, ix-xhieda.  U bl-istess "metodu" magħżul  minn Alla biex jiġi fostna: l-inkarnazzjoni, jiġifieri li tkun qrib l-ieħor, tiltaqa' miegħu, titgħabba bir-realtà tiegħu u tkun xhud tal-fidi tagħna, kull wieħed u waħda  minna.  B'hekk biss, id-dawl ta' Kristu, li hu Mħabba, jkun jista' jilma fuq dawk li jaċċettawh u hekk jiġbed lill-oħrajn.  Id-dawl ta' Kristu ma jinfirixx bil-kelma biss, b'metodi taparsi, kummerċjali.... Le, le.  Il-fidi, il-kelma, ix-xhieda: b'hekk jinfirex id-dawl ta' Kristu.  Il-kewkba hi Kristu, imma aħna nistgħu u jeħtieġ li aħna wkoll inkunu l-kewkba għal ħutna, bħala xhieda tat-teżori tat-tjubija u tal-ħniena bla tarf li l-Feddej joffri b'xejn lil kulħadd.  Id-dawl ta' Kristu ma jinfirixx bil-prożelitiżmu, jinfirex bix-xhieda, bl-istqarrija tal-fidi.  U bil-martirju wkoll.

Għalhekk, aħna għandna nilqgħu fina dan id-dawl, nilqugħ dejjem aktar.  Gwaj jekk naħsbu li hu xi ħaġa tagħna, gwaj jekk aħna naħsbu biss li kulma għandna nagħmlu hu li nimmaniġjawh!  Aħna wkoll, bħall-Maġi, imsejħin biex inħallu lil Kristu jsaħħarna, jiġbidna lejh, imexxina, idawwalna, jikkonvertina: din hi l-mixja tal-fidi, li ssir bit-talb u l-kuntemplazzjoni tal-opri t'Alla, li bla heda jimlewna bil-ferħ u bl-istagħġib, stagħġib dejjem ġdid.  L-istgħaġib hu dejjem l-ewwel pass biex nimxu 'l quddiem f'dan id-dawl.

Nitolbu l-protezzjoni ta' Marija fuq il-Knisja universali, sabiex fid-dinja kollha jixtered l-Evanġelju ta' Kristu, dawl tal-ġnus, dawl tal-popli kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi b'attenzjoni u tħassib il-ġrajjiet fir-Repubblika tal-Afrika tan-Nofs, fejn ftit ilu saru l-elezzjonijiet li bihom il-poplu wera x-xewqa li jibqa' miexi fit-triq lejn il-paċi.  Għalhekk nistieden lill-partijiet kollha għal djalogu fratern u bir-rispett, biex jiċħdu l-mibgħeda u jevitaw kull għamla ta' vjolenza.

Indur bl-imħabba lejn ħutna tal-Knejjes orjentali, Kattoliċi u Ortodossi li, skont it-tradizzjoni tagħhom, għada jiċċelebraw it-Twelid tal-Mulej.  Nagħtihom l-akbar awguri għal Milied Qaddis fid-dawl ta' Kristu, il-paċi u t-tama tagħna.

Illum, fil-festa tal-Epifanija, niċċelebraw il-Jum tas-Santa Infanzja Missjunarja, li jinvolvi tant tfal u adoloxxenti madwar id-dinja kollha.  Irrodd ħajr lil kull wieħed u waħda minnhom u nħeġġiġhom biex ikunu xhieda ferrieħa ta' Ġesù, u jfittxu dejjem li jwasslu l-fraternità fost min hu tamparhom.

U nsellem minn qalbi lilkom ilkoll li intom magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  Tislima speċjali tmur lejn il-Fundazzjoni "Korteo tar-Re Maġi" li f'ħafna  bliet u villaġġi tal-Polonja jorganizzaw avvenimenti ta' evanġeliżżazzjoni u solidarjetà.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titlobu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber