IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 5 ta’ Novembru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum nisimgħu xi kliem minn ta’ Ġesù li jolqot lill-iskribi u lill-fariżej, jiġifieri l-mexxejja reliġjużi tal-poplu.  Ġesù għandu kliem iebes ħafna għalihom “għax huma jgħidu bla ma jagħmlu” (Mt 23,3) u “kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies” (v. 5).  Dan jgħid Ġesù: kliem mingħajr fatti, u kulma jagħmlu jagħmluh biex jidhru.

Allura ejjew nieqfu ftit fuq dawn iż-żewġ aspetti: id-distanza bejn il-kliem u l-fatti  u il-primat ta’ dak li jidher fuq dak li ma jidhirx.

Id-distanza bejn il-kliem u l-fatti.  Lil dawn l-imgħallmin ta’ Iżrael, li jippretendu li jgħallmu l-Kelma t’Alla u li jesiġu rispett għax huma awtoritajiet tat-Tempju, Ġesù jikkritika l-ħajja doppja tagħhom: jipprietkaw ħaġa imma mbagħad jgħixu mod ieħor.  Dal-kliem ta’ Ġesù jfakkarna f’dawk tal-profeti, partikolarment Iżaija: “Dal-poplu resaq ħdejja b’fommu u b’xufftejh biex iqimni, imma qalbhom ‘il bogħod minni” ( 29,13).  Dan hu l-periklu li għandna nishru dwaru: il-qalb doppja.  Aħna wkoll għandna dal-periklu: din id-doppjezza tal-qalb li titfa’ f’riskju l-awtentiċità tax-xhieda tagħna u l-kreddibbiltà tagħna wkoll, ladarba aħna nsara.

Ilkoll kemm aħna nġarrbu, minħabba d-dgħufija tagħna, ċertu distanza dejn il-kliem u l-fatti, iżda li jkollna qalb doppja hi ħaġa differenti, ngħixu “b’sieq ‘l hawn u oħra ‘l hemm bla ma nħossu ebda rimors.  Meta, speċjalment, inkunu msejħin – fil-ħajja, fis-soċjetà jew fil-Knisja – biex nieħdu rwol ta’ responsabbiltà, niftakruh dan: le għad-doppjezza!  Għas-saċerdot, għall-operatur pastorali, għall-politiku, għall-għalliem jew għall-ġenitur dir-regola tgħodd dejjem: dak li tgħid, dak li tipprietka lill-oħrajn, impenja ruħek biex tgħixu int l-ewwel wieħed.  Biex inkunu mgħallmin b’awtorità, qabel xejn hemm bżonn inkunu xhieda krezdibbli.

It-tieni aspett hu konsegwenza ta’ dan: il-primat ta’ dak li jidher fuq dak li hemm ġewwa.  Infatti, għax kellhom ħajja doppja, l-iskribi u l-fariżej moħħhom biex jaħbu n-nuqqas ta’ koerenza tagħhom biex isalvaw ir-reputazzjoni, l-apparenza.  Infatti kieku n-nies taf xhemm verament fi qlubhom, huma jispiċċaw imbarazzati u b’hekk jitilfu l-kredibbiltà kollha tagħhom.  Għalhekk jagħmlu opri biex jidhru ġusti, biex “isalvaw wiċċhom”, kif ngħidu, jirtukkaw ħajjithom, jirtukkaw qalbhom.  Dan-nies “bl-irtokk” ma jafux jgħixu l-verità.  U ħafna drabi aħna wkoll inkollna t-tentazzjoni ta’ did-doppjezza.

Ħuti, aħna u nilqgħu din it-twissija ta’ Ġesù nistaqsu lilna nfusna aħna wkoll: nippruvaw ngħixu dak li nipprietkaw jew ngħixu ħajja doppja?  Ngħidu ħaġa u nagħmlu oħra?  Aħna moħħna biss biex nidhru “perfetti” minn barra, bil-maskra,  jew nieħdu ħsieb il-ħajja interjuri tagħna b’qalb sinċiera?

Induru lejn il-Verġni Mqaddsa: Hi li għexet b’integrità u umiltà skont ir-rieda ta’ Alla, tgħinna nsiru xhieda kredibbli tal-Evanġelju.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

F’moħħi dejjem tberren is-sitwazzjoni gravi fil-Palestina u f’Iżrael, fejn bosta persuni tilfu ħajjithom.  Nitlobkom bil-ħniena biex tieqfu, f’isem Alla: sikktu l-armi!  Nittama u nawgura li jitterqu t-toroq kollha sabiex nevitaw assolutament li l-kunflitt jinxtered, il-feruti jsibu l-għajnuna u tasal l-għajnuna lill-popolazzjonijiet ta’ Gaża, fejn is-sitwazzjoni umanitarja hi gravi għall-aħħar.  Għandhom jinħelsu l-ostaġġi.  Fosthom hemm ukoll bosta tfal, jalla jerġgħu lura lejn il-familji tagħhom!  Iva, niftakru fit-tfal, fit-tfal kollha maqbudin f’dil-gwerra, kif ukoll fl-Ukrajna u fil-kunflitti l-oħrajn kollha: b’li qed isir qed noqtlulhom il-ġejjieni.  Nitolbu wkoll ħalli (il-partijiet) isibu l-forza biex jgħidu “biżżejjed”.

Jien qrib il-popolazzjoni tan-Nepal li qed issofri minħabba t-terremot; kif ukoll qrib ir-rifuġjati mill-Afghanistan li spiċċaw rifuġjati fil-Pakistan imma issa ma jafux fejn se jibdew imorru.  U nitlob ukoll għall-vittmi tat-tempesti u l-għarar fl-Italja u f’pajjiżi oħra.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Vjenna u Valencia, lill-grupp parrokkjali minn Cagliari, lill-Banda u l-kor minn Longomoso, fl-Alto Adige.  Insellem liż-żgħażagħ minn Rodengo Saiano, Ome u Padergnone; lill-katekisti minn Cassina de’ Pecchi u lil dawk mill-parroċċa San Giovanni fi Trieste; u nsellem lill-Kumitat “Waqqfu l-Gwerra”

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber