IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Bażilika ta' San Pietru

Il-Ħadd, 5 ta' April, 2020

 

Għeżież ħuti,

Qabel ma ntemm din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellem lil kull min ħa sehem permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.  Ħsiebi jmur b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ tad-dinja kollha, li qed jgħixu b'mod oriġinali, fuq livell djoċesan, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tal-lum.

Illum kellu jsir il-passaġġ tas-Salib biex minn idejn iż-żgħażagħ tal-Panama jgħaddi għand dawk ta' Lisbona.  Dal-ġest tant emozzjonanti issa ġie trasferit għall-Ħadd ta' Kristu Re, fit-22 ta' Novembru li ġej.  Bl-istennija ta' dak il-waqt, inħeġġeġ lilkom żgħażagħ biex tikkultivaw u tkunu xhieda tat-tama, tal-ġenerożità, tas-solidarjetà li tant neħtieġu f'dal-waqt diffiċli.

Għada, 6 ta' April jaħbat il-Jum Dinji tal-Isport għall-Paċi u l-Iżvilupp, imniedi mill-Ġnus Magħquda.  F'dan iż-żmien, tant manifestazzjonijiet tħassru, imma qed joħroġ fil-beraħ il-frott it-tajjeb tal-isport: ir-reżistenza, l-ispirtu ta' skwadra, il-fratellanza, li wieħed jagħti l-aħjar tiegħu....  Għalhekk ejjew nerġgħu nġeddu l-isport għall-paċi u l-iżvilupp.

Għeżież, ejjew nimxu bil-fidi tul il-Ġimgħa Mqaddsa, li fiha Ġesù jbati, jmut u jirxoxta.  Il-persuni u l-familji li ma jkunux jistgħu jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi huma mistiedna jinġabru fit-talb fid-dar, bl-għajnuna wkoll tal-mezzi tekonoloġiċi.   Ningħaqdu spiritwalment mal-morda, mal-familjari tagħhom u ma dawk li jieħdu ħsiebhom b'tant ġenerożità; nitolbu għall-mejtin, fid-dawl tal-fidi paskwali.  Kulħadd għandu postu fil-qalb tagħna, fil-memorja tagħna, fit-talb tagħna.

Nitgħallmu minn Marija s-silenzju ġewwieni, il-ħarsa tal-qalb, il-fidi mimlija mħabba biex nimxu wara Ġesù fit-triq tas-salib, li twassal għall-glorja tal-Qawmien.  Hi timxi magħna u tirfed it-tamiet tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber