IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza
San Pietru
Il-Ħadd,
5 ta’ Marzu, 2023
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
F’dan it-tieni Ħadd tar-Randan jitħabbar l-Evanġelju tat-Trasfigurazzjoni: Ġesù jieħu miegħu fuq l-għolja lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni u jidher quddiemhom fil-ġmiel kollu tiegħu bħala Iben Alla (cfr Mt 17, 1-9)
Nieqfu għal waqt fuq din ix-xena u nistaqsu lilna nfusna: fiex jikkonsisti dal-ġmiel kollu? X’jaraw id-dixxipli? Xi effett spettakolari? Le, xejn minn dan. Jaraw id-dawl tal-qdusija ta’ Alla jiddi fil-wiċċ u fl-ilbies ta’ Ġesù, xbieha perfetta tal-Missier. Tidher il-majestà ta’ Alla, is-sbuħija ta’ Alla. Iżda Alla hu Mħabba, għalhekk id-dixxipli raw b’għajnejhom il-ġmiel u l-isplendur tal-Imħabba divina inkarnata fi Kristu. Raw il-ġenna minn qabel! X’sorpriża għad-dixxipli! Il-wiċċ tal-imħabba kien ilu żmien quddiem għajnejhom u qatt ma kienu ndunaw kemm kien sabiħ! Kien biss issa li ndunaw b’ħafna ferħ, b’ferħ kbir immens.
Fil-fatt, b’din l-esperjenza, Ġesù qed jiffurmahom, qed iħejjihom għal pass ferm aktar importanti. Ftit żmien wara, infatti, kellhom jibdew jaraw fih l-istess ġmiel, meta kellu jitla’ fuq is-salib u dak il-wiċċ jisfa sfigurat. Pietru tqil biex jifhem, jixtieq iwaqqaf iż-żmien, iżomm ix-xena “statika”, jibqa’ hemm biex itawwal din l-esperjenza meraviljuża, iżda Ġesù ma jippermettihx dan. Infatti, id-dawl, ma jistax jirriduċi ruħu għal “xi mument maġiku”! Hekk, ix-xena kienet tispiċċa xena finta, artifiċjali, li tinħall fiċ-ċpar ta’ sentimenti li jgħaddu. Bil-maqlub, Kristu huwa d-dawl li jagħti direzzjoni lit-triq, bħall-kolonna tan-nar li mexxiet lill-poplu fid-deżert (cfr Eż 13-21). Is-sbuħija ta’ Ġesù ma tbiegħedx lid-dixxipli mir-realtà tal-ħajja, imma ttihom il-forza biex jimxu warajh sa Ġerusalemm, sas-salib. Is-sbuħija ta’ Kristu ma taljenakx, tmexxik dejjem ‘il quddiem, ma tħallikx tinħeba: ibqa’ miexi!
Ħuti, dan l-Evanġelju jfassal it-triq għalina wkoll, jgħallimna kemm hu importanti nibqgħu ma’ Ġesù, ukoll meta ma tkunx ħafifa nifhmu dak kollu li jgħid u li jagħmel għalina. U meta aħna miegħu, infatti, nitgħallmu naraw fil-wiċċ tiegħu is-sbuħija mdawla tal-imħabba li tingħata, anki meta jkollha fuqha s-sinjali tas-salib. U fl-iskola tiegħu nistgħu nitgħallmu nagħrfu dik l-istess sbuħija fil-wiċċ tal-persuni li ta’ kuljum jimxu spalla ma’ spalla magħna il-familjati, il-ħbieb, il-kollegi, lil min bl-aktar modi varji jieħu ħsiebna. Kemm uċuħ imdawla, kemm tbissim, kemm tikmix, kemm dmugħ u ċikatriċi jkellmuna dwar l-imħabba li mdawrin biha! Nitgħallmu nagħrfuhom u nimlew qlubna bihom. Imbagħad nitilqu biex inwasslu lill-oħrajn ukoll id-dawl li nkunu rċevejna, b’opri ta’ mħabba konkreti (cfr Ġw 3, 18), billi nagħmlu b’ġenerożità akbar dak kollu li nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum, inħobbu, inservu u naħfru b’aktar ħerqa u disponibbiltà. Il-kontemplazzjoni tal-meravilji ta’ Alla, il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla, tal-wiċċ tal-Mulej, għandha tixprunana biex inservu lill-oħrajn.
Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: nafu nagħrfu d-dawl tal-imħabba t’Alla fil-ħajja tagħna? Nagħrfuha bil-ferħ u l-gratitudni fl-uċuħ tal-persuni li jridulna l-ġid? Infittxu madwarna s-sinjali ta’ dan id-dawl li jimlielna qalbna u jiftaħhielna għall-imħabba u għas-servizz? Jew nippreferu n-nar tat-tiben tal-idoli, li jaljenawna u jagħlquna fina nfusna? Id-dawl kbir tal-Mulej u d-dawl mistħajjel tal-idoli. Liema nippreferi jien?
Marija, li f’qalbha ħarset id-dawl ta’ Binha, anki fid-dalma tal-Kalvarju, takkumpanjana dejjem fit-triq tal-imħabba.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
F’dawn il-jiem il-ħsieb spiss kien idur lejn il-vittmi tal-inċident tal-ferrovija li seħħ fil-Greċja: ħafna minnhom kienu studenti żgħażagħ. Nitlob għall-mejtin; jien qrib tal-feruti, tal-familjari, il-Madonna ttihom il-faraġ.
Nistqarr in-niket tiegħi minħabba t-traġedja fl-ilmijiet ta’ Cutro, qrib Crotone. Nitlob għall-bosta vittmi tan-nawfraġju, għall-familjari tagħhom u għal kulmin ħelisha mill-mewt. Nuri l-apprezzament tiegħi u l-gratitudni tiegħi lejn il-popolazzjoni lokali u lejn l-istituzzjonijiet għas-solidarjetà u l-akkoljenza ta’ dawn ħutna u nġedded l-appell tiegħi lil kulħadd biex traġedji bħal dawn ma jerġgħux iseħħu. Jalla jitwaqqfu dawk li jittraffikaw il-persuni umani, jalla ma jkomplux jisfruttaw il-ħajja ta’ tant innoċenti! Il-vjaġġi tat-tama qatt m’għandhom ikunu aktar vjaġġi tal-mewt! L-ilmijiet ċari tal-Mediterran qatt m’għandhom ikunu aktar imniġġsa bid-demma ta’ inċidenti darmmatiċi bħal dawn! Jalla l-Mulej jagħtina l-qawwa li nifhmu u li nibku.
Insellem lilkom rumani u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi varji. Insellem partikolarment lill-komunità ukrajna ta’ Milan li ġew hawn fl-okkażjoni tar-raba’ ċentinarju tal-martirju tal-Isqof San Ġosafat, li kien ta bidu għall-għaqda bejn l-insara. Għeżież, infaħħar l-impenn tagħkom biex tilqgħu lill-konnazzjonali tagħkom li ħarbu mill-gwerra. Bl-interċessjoni ta’ San Ġosafat, jalla l-Mulej jagħti l-paċi lill-poplu martitizzat tal-Ukrajna.
Insellem lill-pellegrini mil-Litwanja, flimkien mal-komunità litwana ta’ Ruma, li qed jiċċelebraw lil San Casimiro; kif ukoll lill-komunità kattolika rumena minn Zaragoza (Spanja) u lill-gruppi parrokkjali li ġew minn Murcia u Jerez de la Frontera (Spanja) u minn Tbilisi (Georgia).
Insellem lill-fidili mill-Burkina Faso, lil dawk li se jirċievu l-Konfermazzjoni minn Scandicci u minn Anzio, lill-fidili minn Capaci, Ostia u San Mauro Abate f’Ruma.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber