IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 4 ta’ Diċembru, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd t-tajjeb!

Illum, it-tieni Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju tal-Liturġija jippreżentalna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista.  It-test jgħid li kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel” li “l-ikel tiegħu kien “ġradijiet u għasel selvaġġ” (Mt 3,4) u li kien jistieden lil kulħadd biex jikkonverti: “Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet” (v. 2)  Kien jipprietka li s-Saltna hi fil-qrib.  Insomma, raġel aħrax u radikali, li mad-daqqa t’għajn donnu jidher ftit iebes u xi ftit ibeżża’.  Allura nistqasu: għaliex il-Knisja kull sena ttihulna bħala s-sieħeb ewlieni fil-vjaġġ f’daż-żmien tal-Avvent?  X’hemm moħbi wara s-severità, wara l-ebusija apparenti tiegħu?  Liema hu s-sigriet ta’ Ġwanni?  X’messsaġġ qed ittina llum il-Knisja permezz ta’ Ġwanni?

Fir-realtà, il-Battista, aktar millli bniedem aħrax, hu bniedem allerġiku għall-wiċċ doppju.  Per eżempju, meta jersqu lejh il-fariżej u s-sadduċej, li kienu magħrufin għall-ipokrisija tagħhom, “ir-reazzjoni allerġika” tiegħu hi qawwija ħafna.  Infatti, uħud minnhom probabbilment kienu jmorru għandu għall-kurżità jew b’opportuniżmu, għax Ġwanni kien sar popolari.  Dawk il-fariżej u s-sadduċej kien jidhrilhom li huma f’posthom u quddiem l-appell niggieżi tal-Battista, kienu jiġġustifikaw lilhom infushom u jgħidu: “Għandna b’missier lil Abraham” (v. 9).  Hekk bejn il-wiċċ doppju u l-prużunzjoni, ma ħatfux l-okkażjoni tal-grazzja, l-opportunità biex jibdew ħajja ġdida; kienu magħluqin fil-prużunzjoni tagħhom li huma ġusti.  Għalhekk Ġwanni jgħidilhom: “Agħmlu frott xieraq tal-indiema!” (v. 8).  Fil-fatt, għeżież ħuti, l-ipokrisija hi l-aktar periklu gravi, għax tista’ tirvina anki l-aktar affarijiet qaddisa.  L-ipokrisija hi periklu gravi!  Għalhekk, il-Battista - kif ukoll Ġesù warajh – hu iebes mal-ipokriti.  Per eżempju, nistgħu naqraw il-kapitlu 23 ta’ Mattew, fejn Ġesù jkellem lill-ipokriti ta’ żmienu, b’mod iebes!  U għaliex jagħmel hekk il-Battista, u Ġesù wkoll?  Biex iċaqlaqhom.  Iżda dawk li kienu jħossu li huma midinbin “kienu jitgħammdu minnu waqt li jistqarru dnubiethom” (v. 5).  Hekk, biex nilqgħu lil Alla m’hemmx bżonn xi bravura, imma l-umiltà.  Din hi t-triq biex nilqgħu lil Alla, mhux xi bravura: “aħna qawwijin, aħna poplu kbir...”, le, l-umiltà: “jien midneb”;  imma mhux fl-astratt, le, “minħabba dik, dan, dak”, kull wieħed u waħda minna għandu jqerr dnubitu, l-ewwelnett miegħu innifsu, in-nuqqasjijiet tiegħu, l-ipokrisiji tiegħu; jeħtieġ ninżlu minn fuq il-pedistall u ngħoddsu fl-ilma tal-indiema.

Għeżież ħuti, “bir-reazzjonijiet allerġiċi” tiegħu, Ġwanni jġagħalna nirriflettu.  Ximindaqqiet mhux aħna wkoll nixbħu lill-fariżej?  Forsi nħarsu lejn l-oħrajn u narawhom dubbien, naħsbu li aħna aħjar minnhom, li għandna kontroll fuq ħajjitna, li m’għandniex bżonn Alla ta’ kuljum, tal-Knisja, ta’ ħutna.  Ninsew li f’kaz wieħed biss nistgħu nħarsu lejn ħaddieħor minn fuq għal isfel: meta jkun hemm bżonn ngħinuh biex iqum; l-uniku kaz, l-oħrajn mhumiex leċiti.  L-Avvent hu żmien ta’ grazzja biex inneħħu l-maskri – ilkoll kemm aħna għandna minnhom – u noqgħodu fil-kju mal-umli; biex ninħelsu mill-prużunzjoni li naħsbu li aħna awtosuffiċjenti, biex immorru nqerru dnubietna, dawk moħbija, u nilqgħu l-maħfra ta’ Alla, biex nitolbu skuża lil min inkunu offendejna.  Hekk tibda ħajja ġdida.  It-triq hi waħda, dik tal-umiltà: nissaffew mis-sens ta’ superjorità, mill-formaliżmi u mill-ipokrisija, biex fl-oħrajn naraw lil ħutna, midinbin bħalna, u f’Ġesù naraw is-Salvatur li ġej għalina – mhux għall-oħrajn, għalina – hekk kif aħna, bil-faqar tagħna, bil-miżerji u d-difetti, fuq kollox, bil-ħtieġa li nerġgħu nqumu, inkunu maħfura u salvati.

U niftakru mill-ġdid ħaġa: ma’ Ġesù dejjem hemm il-possibbiltà li nerġgħu nibdew mill-ġdid: qatt mhu tard iżżejjed, dejjem hemm il-possibbiltà li nerġgħu nibdew.  Agħmlu l-kuraġġ, Hu qribna u dan hu żmien ta’ konverżjoni.  Kulħadd jista’ jaħseb” “għandi dis-sitwazzjoni tberren fija, dil-problema li ġġagħalni nistħi....:   Imma Ġesù jinsab ħdejk, erġa’ ibda, dejjem hemm il-possibbiltà li tagħmel pass ieħor ‘il quddiem.  Hu jistenniena u qatt ma jgħejja minna.  Qatt ma jgħejja!  U aħna monotoni, imma Hu ma jgħejja qatt.  Nisimgħu l-appell ta’ Ġwanni l-Battista biex nerġgħu lura lejn Alla u ma nħallux dan l-Avvent jgħaddi qiesu l-ġranet l-oħra tal-kalendarju, għax dan hu żmien ta’ grazzja, ta’ grazzja għalina wkoll, issa, hawn!  Marija, il-qaddejja umli tal-Mulej, tgħinna niltaqgħu miegħu u ma’ ħutna fit-triq tal-umiltà, li hi t-triq waħdanija li tmexxina ‘l quddiem.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem b’għożża lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi: familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u persuni singoli.  Qed nara wkoll bnadar spanjoli, pollakki u arġentini..., bosta.  Merħba lilkom ilkoll!  Insellem partikolarment lill-pellegrini spanjoli minn Madrid, Salamanca, Bolaños de Calatrava u La Solana.  Jien u nsellem lill-pollakki, nixtieq irrodd ħajr lil dawk kollha li jikkontribwixxu għall-Jum Dinji ta’ Talb u ġbir ta’ flus għall-Knisja tal-Ewropa tal-Lvant.

Hieni nilqa’ lill-Azzjoni Kattolika ta’ Aversa flimkien mal-Isqof Mons. Angelo Spinillo; kif ukoll lill-fidili minn Palermo, Sutrio u Saronno, lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Pattada – fid-djoċesi ta’ Ozieri – u lil dawk mill-parroċċa ta’ San Enrico f’Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-kumplament tal-mixja tal-Avvent it-tajba.  Nhar il-Ħamis li ġej se niċċelebraw is-soletnnità tal-Immakulata.  Nafdaw lilha t-talb tagħna għall-paċi speċjalment għall-poplu martirizzat tal-Ukrajna.

Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber