IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 4 ta' Ottubru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 21,33-43) Ġesù jantiċipa l-passjoni u l-mewt tiegħu u jirrakkonta l-parabbola tal-ħaddiema qattiela tad-dielja, biex iwissi lill-kapijiet tas-saċerdoti u lill-anzjani tal-poplu li kienu se jaqbdu triq żbaljata.  Infatti, dawn għandhom intenzjonijiet ħżiena dwaru u jfittxu mod kif jistgħu jeqirduh.

Ir-rakkont allegoriku jiddeskrivi sid li wara li ħa ħsieb sew tal-għalqa tad-dwieli tiegħu (cfr v. 33), peress li ried jitlaq, qabbilha lil xi bdiewa.  Imbagħad, fi żmien il-ħsad jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex jiġbru l-frott; imma dawk il-bdiewa, lill-qaddejja jilqugħhom bid-daqqiet tal-bsaten u lil uħud saħansitra joqtluhom.  Is-sid jibgħat qaddejja oħra, f'għadd akbar, li madankollu tmisshom l-istess xorti.  L-aqwa jasal meta s-sid jaqtagħha li jibgħat lil ibnu: il-bdiewa ma jġibulu ebda rispett, anzi jidhrilhom li jekk jeliminawh ikunu jistgħu jsiru sidjien tal-għalqa u b'hekk, joqtlu lilu wkoll (cfr vv. 37-39).

It-tifsira tal-għalqa tad-dwieli hi ċara: tirrappreżenta lill-poplu li għażel il-Mulej u li rawmu b'tant għożża; il-qaddejja mibgħuta mis-sid huma l-profeti, mibgħutin minn Alla, filwaqt li l-iben hu l-figura ta' Ġesù.  U bħalma l-profeti ma ġewx milqugħin, Kristu wkoll ma jkunx milqugħ u jisfa maqtul.

Fi tmiem ir-rakkont, Ġesù jistqasi lill-kapijiet tal-poplu: "Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?" (v. 40).  U huma, maqbudin fil-loġika tar-rakkont jiddikjaraw huma nfishom il-kundanna tagħhom: is-sid -jgħidu - jikkastiga bl-aħrax lil dawk in-nies ħżiena u "l-għalqa  jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu” (v.41).

B'dil-parabbola iebsa ħafna, Ġesù jqiegħed li dawk li kienu jindirizzawh quddiem ir-responsabbiltà tagħhom u dan jagħmlu b'mod ċar ħafna.  Iżda ma nilludux ruħna li din it-twissija tgħodd biss għal dawk li kienu rrifjutaw lil Ġesù dak iż-żmien.  Din tgħodd għal kull żmien, anki għal żmienna.  Illum ukoll Alla jistenna l-frott tal-għalqa tiegħu minn min huwa bagħat jaħdem fiha.  Ilkoll kemm aħna.

F'kull żmien, kull min għandu l-awtorità, kull għamla ta' awtorità, fil-Knisja wkoll, fost il-poplu t'Alla, jista' jkollu t-tentazzjoni li jaħseb fl-interessi tiegħu, minflok f'dawk ta' Alla nnifsu.  U Ġesù jgħid li l-vera awtorità hi meta jingħata s-servizz, fil-qadi, u mhux meta nisfruttaw lill-oħrajn.  L-għalqa hi tal-Mulej, mhux tagħna.  L-awtorità hi servizz u hekk għandha tkun imħaddma, għall-ġid ta' kulħadd u għat-tixrid tal-Evanġelju.  Ikraħ meta fil-Knisja tara lill-persuni li għandhom l-awtorità jfittxu l-interessi tagħhom.

Fit-tieni qari tal-liturġija tal-lum, San Pawl jgħidilna kif nistgħu nkunu ħaddiema tajbin fl-għalqa tal-Mulej: dak li hu veru, nobbli, ġust, safi, jiġbed l-imħabba, ta' ġieħ; kulma hu virtù, kulma ħaqqu t-tifħir, dan għandu jkun l-impenn tagħna ta' kuljum (cfr Fil 4,8).  Intenni: dak li hu veru, nobbli, ġust, safi, li jiġbed l-imħabba, ta' ġieħ, dan għandu jkun l-impenn tagħna ta' kuljum.  Hu l-atteġġjament ta' min għandu l-awtorità u wkoll ta' kull wieħed u waħda minna, għax ilkoll, fiċ-ċokon tagħna, għandna fina ċerta awtorità.  B'hekk insiru dejjem Knisja aktar għanja bil-frott tal-qdusija, nagħtu ġieħ lill-Missier li jħobbna b'tenerezza infinita, lill-Iben li qatt ma jehda jirregalalna s-salvazzjoni, lill-Ispirtu li jiftħilna qlubna u jimbuttana lejn il-milja tat-tajjeb.

Induru issa lejn Marija Santissma magħqudin spiritwalment mal-fidili miġburin fis-santwarju ta' Pompej għas-supplika, u matul ix-xahar ta' Ottubru ejjew inġeddu l-impenn tagħna li nitolbu r-Rużarju.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ kont Assisi biex niffirma l-Enċiklika l-ġdida "Ilkoll aħwa" dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali.  Offrejta lil Alla fuq il-qabar ta' San Franġisk, li nebbaħhieli, bħalma ġara f'dik ta' qabel, il-Laudato si'.  Is-sinjali taż-żmien qed juru ċar li l-fraternità umana u l-kura tal-ħolqien jiffurmaw it-triq ewlenija lejn żvilupp integrali u l-paċi li diġa wrewna l-qaddisin Papiet Ġwanni XXIII, Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II.  Illum, lilkom li tinsbau fil-pajzza - u anki 'l barra minnha - bi pjaċir noffrilkom l-Enċiklika l-ġdida fl-edizzjoni straordinarja maħruġa mill-Osservatore Romano.  U b'din l-edizzjoni terġa' tibda l-edizzjoni stampata tal-Osservatore Romano.  Jalla San Franġisk jakkumpanja l-mixja ta' fraternità fil-Knisja, bejn dawk li jemmnu ta' kull reliġjon u bejn il-popli kollha.

Ilum jiġi fi tmiemu "Żmien il-Ħolqien" li beda fl-1 ta' Settembru li għadda, li tulu ċċelebrajna "Ġublew tal-Art" flimkien ma' ħutna ta' diversi Knejjes Kristjani.  Insellem lill-Moviment Kattoliku Dinji għall-Klima, iċ-ċirkoli Laudato si' u l-assoċjazzjonijiet marbutin magħhom, li huma impenajti f'mixjiet ta' ekoloġija integrali.  Nifraħ bl-inizjattivi li llum qed isiru f'diversi nħawi, infakkar partikolarment dik li qed issir fiż-żona tad-Delta tax-xmara Po.

Nhar l-4 ta' Ottubru ta' mitt sena ilu fl-Iskozja twieldet l-Opera Stella Maris, biex tkun ta' għajnuna għall-baħħara.  F'dan l-anniversarju hekk importanti, nagħmel kuraġġ lill-kappillani u lill-volontarji biex jagħtu xhieda bil-ferħ tal-preżenza tal-Knisja fil-portijiet, fost il-baħħara, is-sajjieda u l-familji tagħhom.

Illum f'Bologna ġie beatifikat Don Olinto Marella, presbiteru fid-djoċesi ta' Chioggia, imwieled barra mill-Italja, ragħaj skont il-qalb ta' Kristu, missier il-foqra u difensur tad-dgħajfa.  Jalla x-xhieda straordinarja tiegħu tkun mudell għal tant saċerdoti msejħin biex ikunu qaddejja umli u kuraġġużi tal-poplu t'Alla.  Issa applaws lill-Beatu l-ġdid!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi - qed nara ħafna bnadar - familji, gruppi parrokkjali,assoċjazzjonijiet u fidili oħra.  Insellem b'mod partikolari lill-familjari u lill-ħbieb  tal-Gwardji Svizzeri li ġew biex illum jassistu għall-ġurament tar-rekluti l-ġodda.  Dawn iż-żgħażagħ tal-affari tagħhom!  il-Gwardja Svizzera tagħmel mixja tal-ħajja għas-servizz tal-Knisja, tal-Papa.  Huma żgħażagħ bravi li jiġu hawn għal 2, 3, 4 jew aktar snin.  Nitlobkom tagħtu applaws kbir lill-Gwardja Svizzera.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber