SOLENNITÀ TA’ PENTEKOSTE

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 4 ta’ Ġunju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, Solennità tat-Trinità Qaddisa, l-Evanġelju meħud mid-djalogu bejn Ġesù u Nikodemu (cfr Ġw 3, 16-18).  Nikodemu kien membru tas-Sinedriju, ħerqan bi ħrara kbira għall-misteru ta’ Alla: f’Ġesù jara mgħallem divin u, bil-moħbi, billejl, imur ikellmu.  Ġesù jisimgħu, jifhem li dan bniedem qed ifittex u għalhekk l-ewwel iħallih mistgħaġeb meta jwieġbu li biex wieħed jidħol fis-Saltna t’Alla hemm bżonn jitwieled mill-ġdid; imbagħad jikxiflu l-misteru u jgħidlu li Alla tant ħabb lill-umanità li bagħat lil Ibnu fid-dinja.  Għalhekk, Ġesù, l-Iben, ikellimna dwar il-Missier u dwar l-imħabba bla qies tiegħu.

Missier u Iben.  Hu kwadru familjari illi, jekk naħsbu sew, iżarma l-idea li għandna dwar Alla.  Infatti, l-istess kelma “Alla”, turina realtà singolari, majestuża u distanti, u fl-istess ħin, meta nisimgħu lil min jitkellem dwar Missier u dwar Iben, ħsiebna jdur lejn id-dar.  Iva, nistgħu nimmaġinaw lil Alla, hekk, permezz tat-tixbiha ma’ familja miġbura madwar mejda, fejn kulħadd jaqsam ħajtu mal-oħrajn.  Min-naħa l-oħra, dik il-mejda, li fl-istess ħin hija altar, hi simbolu li bih ċerti ikoni jirrappreżentaw lit-Trinità.  Hi tixbiha li tkellimna dwar Alla komunjoni.  Missier, Iben u Spirtu s-Santu: komunjoni.

Iżda mhijiex biss tixbiha, hi realtà!  Hi realtà għax l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu li l-Missier permezz ta’ Ġesù sawwab fi qlubna (cfr Gal 4,6), iddewwaqna, itina t-togħma tal-preżenza ta’ Alla: preżenza dejjem qrib, mimlija kumpassjoni u tenera.  L-Ispirtu s-Santu magħna jagħmel dak li għamel Ġesù ma’ Nikodemu: idaħħalna fil-misteru tat-twelid ġdid – it-twelid tal-fidi, tal-ħajja nisranija -, jikxfilna l-qalb tal-Missier u jtina sehem mill-istess ħajja ta’ Alla.

Nistgħu ngħidu, li l-istedina li jagħmilna hi li nibqgħu madwar il-mejda ma’ Alla biex miegħu naqsmu mħabbtu.  Din hi t-tixbiha.  Dan jiġri f’kull quddiesa, fuq l-altar tal-mejda ewkaristika, fejn Ġesù joffri ruħu lill-Missier u jbati għalina.  Iva, hekkhu, għeżież ħuti, Alla tagħna hu komunjoni ta’ mħabba: hekk irrivelahulna Ġesù.  U tafu x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu niftakruh?  Bl-iktar ġest sempliċi, li tgħallimna meta konna tfal: is-sinjal tas-salib.  Aħna u nimmarkaw ġisimna bis-salib niftakru kemm Alla ħabbna, sa ta ħajtu għalina; u ntennu lilna nfusna li mħabbtu tfisqina kompletament, minn fuq s’isfel, mix-xellug għal-lemin, qiesha tgħannieqa li ma tabbandunana qatt.  U, fl-istess ħin, aħna nimpenjaw ruħna biex inkunu xhieda ta’ dan Alla-mħabba, billi noħolqu l-komunjoni f’ismu.  Forsi, issa, kull wieħed u waħda minna, u lkoll flimkien, nistgħu rroddu s-salib (irodd is-salib).

Allura llum nistgħu nsaqsu lilna nfusna: aħna xhieda ta’ Alla-mħabba?  Jew Alla-mħabba, sar għalina kunċett, xi ħaġa li diġà smajnieha, li ma ċċaqlaqx u ma tipprovokax aktar il-ħajja?  Ladarba Alla hu mħabba, il-komunitajiet tagħna jixhduh dan?  Jafu jħobbu?  Il-komunitajiet tagħna jafu jħobbu?  U l-familja tagħna, nafu nħobbu fi ħdan il-familja tagħna?  Inżommu dejjem il-bieb miftuħ, nagħrfu nilqgħu lil kulħadd, nisħaq, lil kulħadd, bħala ħutna?  Noffru lil kulħadd l-ikel tal-maħfra ta’ Alla u l-ferħ tal-Evanġelju?  Hemm arja ta’ dar, jew aktar nixbħu uffiċċju jew ximkien riservat fejn jidħlu biss il-magħżulin?  Alla hu mħabba, Alla hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu u ta ħajtu għalina, dik hi r-raġuni għala rrodduh is-salib.

U Marija tgħinna ngħixu fil-Knisja qiesha dik id-dar li fiha hemm imħabba familjari, għall-glorja ta’ Alla l-Missier, Iben u Spirtu s-Santu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Naċċertakom li qed nitlob għall-għadd kbir ta’ vittmi tal-inċident tal-ferrovija li seħħ jumejn ilu fl-Indja.  Jien qrib il-feruti u l-familjari.  Il-Missier ċelesti jilqa’ fis-saltna tiegħu l-erwieħ tal-mejta.

Insellmilkom, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lill-fidili ġejjin minn Villa Alemana (Ċili) u lill-adoloxxenti tal-Ġriżma minn Cork (l-Irlanda).  Insellem lill-gruppi minn Poggiomarino, Roccapriora, Macerata, Recanati, Aragona u Mestrino; kif ukoll lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Santa Giustina in Colle.

Tislima speċjali lir-rappreżentanti tal-Carabinieri, u rrodilhom ħajr għall-qrubija li ta’ kuljum juru mal-popolazzjoni; il-­Virgo Fidelis, Patruna tagħkom, tħares lilkom u lill-familji tagħkom.  Lilha, Omm li tieħu ħsiebna, nafda l-popolazzjonijiet imkissrin bil-flaġell tal-gwerra, speċjalment l-għażiża martri Ukrajna.

Insellem lil kulħadd, liż-żgħażagħ tal-Immacolata wkoll, li huma bravi, u nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi, l-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber