Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija jurina lil Ġesù jħuf minn post għal ieħor:  Infatti għadu kif temm jipprietka u, meta ħareġ mis-sinagoga mar fid-dar ta’ Xmun Pietru fejn fejjaq lill-omm il-mara tiegħu; imbagħad filgħaxija reġa’ ħareġ u mar lejn il-bieb tal-belt fejn iltaqa’ ma’ bosta morda, ippussessati, u fejjaqhom; l-għada filgħodu, jqum kmieni u jmur f’post imwarrab biex jitlob; u fl-aħħar jerġa jibda jterraq madwar il-Galilija (cfr Mk 1,29-39).  Ġesù dejjem għaddej,

Nieqfu ftit dwar dan il-moviment bla hedu ta’ Ġesù, li jgħidilna ħaġa importanti dwar Alla u, fl-istess ħin, jagħmlilna xi mistoqsijiet dwar il-fidi tagħna.

Ġesù li jmur jiltaqa’ mal-umanita’ midruba jurina l-wiċċ tal-Missier.  Jista’ jkun li fina għad għandna l-idea ta’ Alla mbiegħed, biered, indifferenti lejn xortina.  Iżda l-Evanġelju jurina li Ġesù, wara li għallem fis-sinagoga, joħroġ minn hemm biex il-Kelma li pprietka dwarha tkun titsa’ tilħaq, tmiss u tfejjaq lin-nies.  B’dan l-għemil jurina li Alla mhux is-sid imbiegħed li jkellimna minn hemm fuq; għall-kuntrarju, hu Missier mimli mħabba li jersaq qrib, li jżur djarna, li jrid isalva u jeħles, ifejjaq kull mard tal-ġisem u tal-ispirtu.  Alla dejjem qribna.  L-atteġġjament ta’ Alla nistgħu niġbruh fi tliet kelmiet: qrubija, ħniena u ħlewwa.  Alla li jiġi ħdejna biex jakkumpanjana, jurina ħnientu u biex jaħfrilna.  Tinsewhx dan: qrubija, ħniena u ħlewwa.  Dan hu l-atteġġjament ta’ Alla.

Dal-mixi bla hedu ta’ Ġesù hu sfida għalina.  Nistgħu nsaqsu: Skoprejnieh il-wiċċ ta’ Alla bħala Missier il-ħniena jew nemmnu u nħabbru xi Alla biered, Alla mbiegħed?  Il-fidi tnissel fina l-ansjetà tal-mixja jew għalina hi ta’ faraġ interjuri biex iżommna moħħna mistrieħ?  Nitolbu biss biex inħossuna fil-paċi jew inkella l-kelma li nisimgħu u nipprietkaw iġġagħalna noħorġu minna nfusna u bħal Ġesù mmorru niltaqgħu mal-oħrajn biex inxerrdu l-faraġ t’Alla?  Ikun jiswielna tajjeb jekk nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna.

Inħarsu għalhekk lejn il-mixi ta’ Ġesù u niftakru li l-ewwel xogħol spiritwali tagħna hu dan: ninsew lil dak Alla li jidhrilna li nafuh biex ta’ kuljum nikkonvertu lejn dak Alla li jippreżentalna Ġesù fl-Evanġelju, Missier l-imħabba u Missier il-ħniena.  Il-Missier qrib, ħanin u ħelu.  U meta niskopru l-veru wiċċ tal-Missier, il-fidi tagħna timmatura: ma nibqgħux aktar “insara tas-sagristija” jew “tas-salott”, imma nħossu s-sejħa biex inkunu ħabbâra tat-tama u tal-fejqan ta’ Alla.

Marija Santissma, Mara tal-mixi, tgħinna nħabbru u nkunu xhieda tal-Mulej li hu qribna, ħanin u ħelu.

WARA L- ANGELUS

Għeżież ħuti!

Nhar l-10 ta Frar, fl-Asja orjentali u f’diversi nħawi tad-dinja, miljuni ta’ familji se jiċċelebraw il-bidu tas-Sena tal-Qamar.  Ħalli taslilhom it-tislima mill-qalb tiegħi, bl-awgurju li dil-festa tkun okkażjoni li fiha jgħixu l-għożża tar-relazzjonijiet u jagħmlu ġesti ta’ attenzjoni reċiproka bħala kontribut lejn soċjetà solidali u fraterna, fejn kull persuna tingħata għarfien u tkun milqugħa bid-dinjità inaljenabbli tagħha.  Waqt li nitlob il-barka tal-Mulej fuq kulħadd, nistedinkom titolbu għall-paċi, li d-dinja hi tant imxennqa għaliha, u li llum daqs qatt qabel, tinsab f’riskju f’bosta nħawi.  Din mhix responsabbiltà tal-ftit, iżda tal-familja umana kollha kemm hi: nikkoperaw ilkoll biex nibnuha b’ġesti ta’ kumpassjoni u bil-kuraġġ!

U jien qed inkompli nitlob għall-popolazzjonijiet mgħakksin mill-gwerra, speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael.

Illum fl-Itaja hu Jum il-Ħajja, bit-tema “Il-qawwa tal-ħajja tissorprendina”.  Ningħaqad mal-Isqfijiet taljani biex nawgura u nittama li jkunu megħluba l-opinjonijiet ideoloġiċi sabiex mill-ġdid niskopru li kull ħajja umana, anki dik imġarrba minn ħafna limitazzjonijiet, għandha valur bla qies u għandha ħila wkoll tagħti xi ħaġa lill-oħrajn.

Insellem lill-bosta żgħażagħ minn ħafna pajjiżi li ġew għall-Jum Dinji ta’ talb u riflessjoni kontra n-negozjar tal-persuni li se jkun iċċelebrat fit-8 ta’ dan ix-xahar, tifkira ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, is-soru mis-Sudan li fi ċkunitha kienet ilsira.  Illum ukoll, bosta minn ħutna jisfaw ingannati b’wegħdiet foloz u mbagħad jispiċċaw sfruttati u abbużati.  Ningħaqdu lkoll biex niġġieldu dal-fenomenu drammatiku globali tat-traffikar tal-persuni umani.

Nitolbu wkoll għall-mejtin u l-midruba riżultat tan-nirien qerrieda li laqtu ċ-Ċili ċentrali.

U nsellem lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-persuni kkonsagrati, minn aktar minn 60 pajjiż, li qed jieħdu sehem fl-inkontru “Pellegrini ta’ tama fit-triq ta-paċi”, imniedi mid-Dikasteru għall-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.  Insellem lill-istudenti minn Badajoz (Spanja) u lil dawk tal-Iskola Sależjana “Sévigné” minn Marsilja; kif ukoll lill-fidili pollakki minn Varsavja u biet oħra; u lill-gruppi minn San Benedetto del Tronto, Ostra u Cingoli.  U qed nara bnadar ġappuniżi, insellem liġ-ġappuniżi!  U qed nara  wkoll bnadar pollakki, insellem lill-pollakki u lilkom ilkoll adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber