IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

3 ta’ Lulju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija ta’ dal-Ħadd naqraw li “l-Mulej għażel tnejn u sebgħin dixxipli oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u raħal fejn kien se jmur” (Lq 10,1).  Id-dixxipli ntbagħtu tnejn tnejn, mhux wieħed waħdu.  F’ċertu aspett, li tmur għall-missjoni tnejn tnejn tidher ħaġa mhix prattika, tidher li fiha aktar żvantaġġi milli vantaġġi.  Hemm ir-riskju li tnejn ma jiftehemux, li l-pass ta’ wieħed ikun eħfef minn tal-ieħor, li wieħed minnhom jgħejja jew jimrad mat-triq, u minħabba f’hekk l-ieħor ikollu jieqaf.  Iżda meta xi ħadd ikun waħdu, donnu li l-pass ikun eħfef u bla xkiel.  Iżda Ġesù mhux hekk jaħsibha: qablu ma jibgħat lil ħadd waħdu imma dixxipli li jmorru tnejn tnejn.  Nagħmlu mistoqsija: għal liema raġuni il-Mulej għamel din l-għażla?

Xogħol id-dixxipli hu li jmorru qablu fil-villaġġi biex iħejju n-nies ħalli jilqgħu lil Ġesù; u l-istruzzjonijiet li Hu tahom mhumiex tant dwar dak li għandhom jgħidu, jiġifieri mhux dwar ‘il-handbook’  ta’ diskorshom, le; fuq ix-xhieda tal-ħajja, ix-xhieda li kellhom jagħtu aktar milli fuq dak li kellhom jgħidu.  Infatti Hu jsejħilhom ħaddiema: jiġifieri huma għandhom sejħa biex jaħdmu, biex jevanġelizzaw bl-imġieba tagħhom.  U l-ewwel azzjoni konkreta li biha huma jwettqu l-missjoni tagħhom hi propju li jmorru tnejn tnejn.  Id-dixxipli mhumiex nies b’ras iebsa li jriduha tgħaddi tagħhom, li ma jafux iħallu lill-ieħor jitkellem.  Qabel kollox hi l-istess ħajja tad-dixxipli li tħabbar l-Evanġelju: il-fatt li jafu jgħixu flimkien, jirrispettaw lil xulxin, li mhux moħħhom biex juru li huma aħjar mill-ieħor, ir-riferiment maqbul bejniethom hu l-Imgħallem waħdu.

Jistgħu jinħmew pjanijiet pastorali perfetti, jitwettqu proġetti magħmulin tajjeb, nistgħu norganizzaw ruħna sal-anqas dettall; nistgħu niġbru folol u jkollna ħafna mezzi; imma jekk m’hemmx id-disponibbiltà għall-fraternità, il-missjoni evanġelika ma timxix ‘il quddiem.  Darba waħda, missjunarju rrakkonta li kien mar l-Afrika flimkien ma’ sieħbu tal-komunità reliġjuża.  Iżda ftit wara nfired minnu u waqaf f’villaġġ fejn b’suċċess wettaq serje ta’ attivitajiet ta’ bini għall-ġid tal-komunità.  Kollox kien miexi ħarir.  Imma ġurnata waħda kellu xokk: induna li ħajtu kienet saret dik ta’ imprenditur tal-affari tiegħu, dejjem idur mas-siti tal-bini u l-karti tal-kontijiet!  Iżda.... u “l-iżda” baqa’ fejn kien.  Għalhekk ħalla t-tmexxija f’idejn ħaddieħor, f’idejn il-lajċi, u mar jitlaqa’ ma sieħbu.  Fehem dan għax il-Mulej kien bagħat lid-dixxipli “tnejn tnejn”: il-missjoni evanġelizzatriċi ma tinbeniex fuq l-attiviżmu personali, jiġifieri fuq “x’tagħmel” imma fuq ix-xhieda tal-imħabba fraterna, anki fid-diffikultajiet li jinqalgħu bl-għajxien f’komunità.

Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: kif qed inwassluha aħna l-aħbar it-tajba tal-Evanġelju?  Qed nagħmlu dan bi stil ta’ fraternità, jew bil-mod tad-dinja, bil-protagoniżmu, bil-kompetizzjoni u l-effiċjenza?  Nistaqsu lilna nfusna jekk għandniex ħila nikkollaboraw, jekk nafux nieħdu deċiżjonijiet flimkien, b’rispett sinċier lejn min jinsab ħdejna, filwaqt li nagħtu importanza lill-opinjoni tiegħu, jekk aħniex nagħmlu dan f’komunità, mhux għal rasna.  Infatti hu fuq kollox b’dal-mod li l-ħajja tad-dixxiplu turi li tixbaħ lil dik tal-Imgħallem, billi tħabbru lill-oħrajn realment.

Il-Verġni Marija, Omm il-Knisja, tgħallimna nħejju t-triq għall-Mulej bix-xhieda tal-fraternità.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżie ħuti!

Ilbieraħ f’San Ramon de la Nueva Oran, fl-Arġentina kienu beatifikati Pedro Ortiz de Zárate, saċerdot djoċesan u Giovanni Antonio Solinas, presbiteru tal-Kumpanijja ta’ Ġesù.  Dawn iż-żewġ missjunarji, li ddedikaw ħajjithom għat-tixrid tal-fidi u biex jiddefendu l-popolazzjonijiet indiġeni, inqatlu fl-1683 għax kienu qed iwasslu l-messaġġ tal-paċi tal-Evanġelju.  Jalla l-eżempju ta’ dawn iż-żewġ martri jgħinna nkunu xhieda tal-Bxara t-Tajba mingħajr kompromessi billi niddedikaw ruħna bil-ġenerożità għas-servizz tal-aktar dgħajfa.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

Inkomplu nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna u fid-dinja kollha kemm hi.  Nappella lill-Kapijiet tan-nazzjonijiet u tal-Organizzazzjonijiet internazzjonali biex jirreaġixxu għat-tendenza li l-konflittwalità u l-kontrapożizzjoni jkomplu jissaħħnu.  Id-dinja għandha bżonn il-paċi.  Mhux paċi mibnija fuq l-ekwilibriju tal-armamenti, fuq il-biża’ reċiproku.  Le, dan mhux sew.  Dan ifisser li rreġġgħu lura l-istorja sebgħin sena.  Il-kriżi fl-Ukrajna kellha tkun, - iżda jekk hemm ir-rieda għad tista’ ssir -, sfida għall-istatisti għorrief, li għandhom ħila li bid-djalogu jibnu dinja aħjar għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Bl-għajnuna t’Alla, dan dejjem hu possibbli!  Imma hemm bżonn li mill-istrateġija tal-poter politiku, ekonomiku u militari ngħaddu għal-proġett ta’ paċi globali: le għal dinja mifruda bejn qawwiet jiġġieldu; iva għal dinja magħquda bejn il-popli u ċ-ċiviltajiet li jirrispettaw lil xulxin.

Insellem lilkom illkoll, għeżież rumani u pellegrini!  Insellem partikolarment lill-letturi u l-ministranti minn Dobra, fil-Polonja; lill-istudenti minn Slavonski Brod, fil-Korazja; lill-fidili albaniżi flimkien mal-kappillani tagħhom u l-ġemgħa itineranti tal-Mixja Neokatekumenali tal-Albanija.  Insellem lill-fidili minn Napli, Aascoli Piceno, Perugia u Catania u lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Tremignon u Vaccarino, fid-djoċesi ta’ Vicenza.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber