IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 3 ta’ Marzu, 2024

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum itina xena iebsa: Ġesù jkeċċi lil-merkanti mit-tempju (cfr Ġw 2,13-25), Ġesù jkeċċi lill-bejjiegħa, jaqleb il-bankijiet tas-sarrafa tal-flus u jwiddeb lil kulħadd b’dal-kliem: “Id-dar tiegħi tagħmulhiex dar tan-negozju: (v. 16).  Nieqfu ftit fuq il-kuntrast bejn dar u suq: dawn huma żewġ modi kif bniedem jippreżenta ruħu quddiem il-Mulej.

Fit-tempju meqjus bħala suq, biex wieħed ikun f’postu ma’ Alla kien biżżejjed jixtri nagħġa, iħallas tagħha u jikkunsmaha fuq il-ħatab tal-altar.  Xiri, ħlas, konsum u wara kulħadd lejn daru.  Fit-tempju meqjus bħala dar jiġri l-maqlub: wieħed imur biex jiltaqa’ mal-Mulej, biex jibqa’ magħqud miegħu, jingħaqad ma’ ħutu u jaqsam il-ferħ u n-niket.  U aktar: fis-suq wieħed jiġġebbed fuq il-prezz, fid-dar m’hemmx kalkoli; fis-suq bniedem ifittex l-interessi tiegħu, fid-dar kollox jingħata b’xejn.  U llum Ġesù huwa iebes għax ma jaċċettax li t-tempju-suq jieħu post it-tempju-dar, ma jaċċettax li r-relazzjoni ma’ Alla tkun distanti u kummerċjali minflok qrubija u fiduċjuża, ma jaċċettax li l-tilari jieħdu post il-medja tal-familja, li l-prezzijiet jieħdu post it-tgħanniq u li l-flus jieħdu post iż-żegħil.  U għala dan kollu Ġesù ma jaċċettahx?  Għax b’hekk tinħoloq barriera bejn Alla u l-bniedem u bejn l-aħwa, filwaqt li Kristu ġie biex iġib il-komunjoni, il-ħniena, jiġifieri l-maħfra, ġie jġib il-qrubija.

L-istedina tal-lum, li tgħodd ukoll għall-mixja tul dan ir-Randan, hi, biex fina u madwarna noħolqu aktar dar u anqas suq. L-ewwel u qabel  kollox fil-konfront ta’ Alla: billi nitolbu ħafna, bħala wlied li bla qatt jgħejjew iħabbtu bil-fiduċja fuq il-bieb tal-Missier, mhux bħala negozjanti xħaħ u diffidenti.  Għalhekk, l-ewwel bit-talb.  Imbagħad billi jxerrdu l-fraternità: hawn tant bżonn tal-fraternità!  Niftakru fis-silenzju imbarazzanti, li jiżola, kultant saħansitra ostili, li niltaqgħu miegħu f’tant postijiet.

Nistaqsu lilna nfusna għalhekk, qabel kollox: kif inhu t-talb tiegħi?  Hu prezz li għandi nħallas jew il-mument li fih nintelaq għal kollox bil-fiduċja, li fih ma noqgħodx inħares lejn l-arloġġ?  U kif inhuma r-relazzjonijiet tiegħi mal-oħrajn?  Naf nagħti bla ma nistenna xejn lura?  Naf immidd l-ewwel pass biex inkisser il-ħitan u l-vojt tad-distanzi?  Dawn huma mistoqsijiet li għandna nagħmluhom lilna nfusna.

Marija tgħinna biex nagħmlu dar li fiha “mgħammru” flimkien ma’ Alla, bejnietna u madwarna.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

B’niket, ta’ kuljum inġorr f’qalbi it-tbatija tal-popolazzjonijiet tal-Palestina u ta’ Iżrael, minħabba l-gwerra li għaddejja.  L-eluf ta’ mejtin, midrubin, imkeċċijin minn djarhom, il-qerda enormi, qed iġibu wġiegħ kbir b’konsegwenzi tremendi fuq iċ-ċkejknin u fuq min hu bla difiża, li qed jaraw il-ġejjieni tagħhom imfarrak.  Nistaqsi lili nnifsi: bis-serjetà hemm min jidhirlu li b’dal-mod jista’ jibni dinja aħjar, li jidhirlu li jista’ jasal għall-paċi?  Biżżejjed, jekk jogħġobkom!  Ngħidu lkoll flimkien: biżżejjed, jekk jogħġobkom!  Ieqfu!  Ninkoraġġixxi t-tkomplija tan-negozjati biex jieqaf il-ġlied minnufih f’Gaża u fir-reġjun kollu, sabiex l-ostaġġi jinħelsu mill-aktar fis u jerġgħu lura fi ħdan l-għeżież tagħhom li qed jistennewhom bil-ħerqa, u sabiex il-popolazzjoni ċivili jkollha aċċess żgur għall-għajnuna umanitarja li hi dritt tagħha.  U, jekk jogħġobkom, ma ninsewx lill Ukrajna mbiċċra fejn qed imutu tant nies ta’ kuljum.

Fil-5 ta’ Marzu jaħbat it-tieni Jum Internazzjonali biex insiru konxji tad-diżarm u biex jieqaf it-tixrid tal-armamenti.  Kemm riżorsi jinħlew fuq spejjez militari, li minħabba s-sitwazzjoni attwali, bi swied il-qalb, qed ikomplu jiżdiedu!  Nawgura minn qiegħ qalbi li l-komunità internazzjonali tifhem li d-diżarm hu qabel kollox dmir, id-diżarm hu dmir morali.  Indaħħluha f’rasna din.  U dan jitlob kuraġġ mill-membri kollha tal-familja kbira tan-Nazzjonijiet biex mill-ekwilibriju tal-biża’ ngħaddu għall-ekwilibriju tal-fiduċja.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-istudenti tal-Università Sénior di Vila Pouca de Aguiar, mill-Portugall; lill-istudenti tal-Istitut “Rodríguez Moñino” minn Bajadoz; u lill-gruppi parrokkjali mill-Polonja.

Insellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Rosolina fid-djoċesi ta’ Chioggia, flimkien mal-familjari tagħhom; lill-fidili li ġew minn Padova, minn Azzano Mella, Capriano u Fenili, minn Taranto u mill-parroċċa ta’ San Albert il-Kbir f’Ruma.

Tislima mimlija għożża liż-żgħażagħ mill-Ukrajna li tlaqqgħu mill-Komunità ta’ Sant’Egidio biex jiddiskutu t-tema “Irbaħ il-ħażin bit-tajjeb.  Talb, foqra, paċi”.  Għeżież żgħażagħ, grazzi tal-impenn tagħkom favur min qed isofri minħabba l-gwerra.  Grazzi!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber