IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

il-Ħadd, 24 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju ta' dal-Ħadd (cfr Mk 1,14-20), turina, biex ngħidu hekk, lil Ġwanni jgħaddi "x-xettru" lil Ġesù.  Ġwanni kien il-prekursur tiegħu, wittielu l-art u ħejjilu t-triq: issa Ġesù jista' jibda l-missjoni tiegħu u jħabbar is-salvazzjoni li waslet; Hu nnifsu kien is-salvazzjoni.  Il-predikazzjoni tiegħu tinġabar f'dal-kliem: "Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju" (v. 15).  Hekk, sempliċiment.  Ġesù ma kienx juża nofs kliem. Huwa messaġġ li jistedinna nirriflettu fuq żewġ temi essenzjali: iż-żmien u l-konverżjoni.

F'dan it-test tal-evanġelista Marku, iż-żmien nistgħu nqisuh bħala l-medda tal-istorja tas-salvazzjoni msawra minn Alla;  għalhekk, iż-żmien "mitmum" hu dak li fih l-azzjoni salvifika tasal għall-milja tagħha, għas-seħħ sħih tagħha: huwa l-waqt storiku li fih Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja u meta s-Saltna tiegħu qorbot daqs qatt qabel.  Iż-żmien tas-salvazzjoni hu mitmum għax ġie Ġesù.  Madankollu s-salvazzjoni mhix awtomatika; is-salvazzjoni hi don ta' mħabba u bħala don, offrut lill-libertà umana.  Kull meta nitkellmu dwar l-imħabba, dejjem qed nitkellmu dwar il-libertà: imħabba mingħajr libertà mhix imħabba; tista' jkun 'interess', tista' tkun biża', tant affarijiet, imma l-imħabba dejjem hi ħielsa u għax ħielsa titlob lura tweġiba ħielsa; tltob minna l-konverżjoni.  Ifisser li nibdlu l-mentalità - din hi l-konverżjoni, bdil fil-metalità - u nibdlu ħajjitna: ma nibqgħux nimxu fuq il-mudelli tad-dinja, imma fuq dawk ta' Alla, li hu Ġesù, nimxu wara Ġesù, kif ġab ruħu Ġesù u kif għallimna Ġesù.  Hi bidla radikali fil-viżjoni u l-imġieba.  Infatti d-dnub, u l-aktar id-dnub tal-mondanità li bħall-arja jirfed kollox, ġab miegħu mentalità li tmexxi lejn l-affermazzjoni personali kontra l-oħrajn u kontra Alla.  Din ħaġa kurjuża... liema hi l-identità tiegħek?  U bosta drabi naraw li l-identità personali nesprimuha bl-idea ta' "kontra".  Diffiċli li wieħed jesprimi l-identità tiegħu bl-ispirtu tad-dinja f'termini pożittivi u ta' salvazzjoni: ikun jeħodha kontra tiegħu nnifsu, kontra l-oħrajn u kontra Alla.  U għal dan l-għan ma jaħsibhiex darbtejn - il-mentalità tad-dnub, il-mentalità tad-dinja - biex jirrikorri għall-ingann u l-vjolenza.  L-ingann u l-vjolenza.  Naraw x'jiġri bl-ingann u l-vjolenza: regħba, kilba għall-poter minflok għas-servizz, gwerer, sfruttament tan-nies.... din hi l-mentalità tal-ingann li żgur għandha l-bidu tagħha f'missier l-ingann, il-giddieb il-kbir, ix-xitan.  Hu missier il-gideb, hekk jiddeskrivih Ġesù.

Kontra dan kollu għandna l-messaġġ ta' Ġesù li jistedinna biex nagħrfu li aħna neħtieġu lil Alla u l-grazzja tiegħu; biex ikollna atteġġjament meqjus quddiem il-ġid tad-dinja; biex inkunu akkoljenti u umli ma' kulħadd; biex nagħrfu u nwettqu lilna nfusna permezz tal-laqgħa u s-servizz li nagħtu lill-oħrajn.  Għal kull wieħed u waħda minna ż-żmien li fih aħna nistgħu nilqgħu fina s-salvazzjoni huwa qasir; itul kemm indumu ngħixu f'did-dinja.  Qasir.  Forsi jidher twil... Niftakar li kont mort nagħti s-sagramenti, id-Dilka tal-Morda, lil wieħed anzjan twajjeb ħafna, twajjeb ħafna u hu, f'dak il-mument, qabel ma rċieva l-Ewkaristija u d-Dilka tal-Morda qalli dan: "Ħajti taret" qiesu ried jgħid: jien kont naħseb li hi għal dejjem, imma... "ħajti taret".  Hekk inħossuna aħna l-anzjani, inħossu li l-ħajja telqitna.  Qed titlaqna.  U l-ħajja hi don tal-imħabba bla tarf ta' Alla, imma hi wkoll żmien ta' 'eżami' tal-imħabba tagħna lejh.  Għalhekk, kull ħin, kull waqt tal-eżistenza tagħna hu żmien prezzjuz biex inħobbu 'l Alla u nħobbu lill-proxxmu, u b'hekk nidħlu fil-ħajja ta' dejjem.

L-istorja ta' ħajjitna għandha żewġ 'ritmi': wieħed jitkejjel, magħmul mis-siegħat, ġranet, snin; l-ieħor magħmul mill-istaġuni tal-iżvilupp tagħna: it-twelid, it-tfulija, l-adoloxxenza, il-maturità, ix-xjuħija, il-mewt.  Kull żmien, kull fażi, għandha l-valur tagħha u tista' tkun mument privileġġajt ta' laqgħa mal-Mulej.  Il fidi tgħinna niskopru t-tifsira spiritwali ta' dawn il-fażijiet: kull waħda minnhom fiha sejħa partikolari mill-Mulej, li għaliha nistgħu nagħtu tweġiba pożittiva jew negattiva.  Fl-Evanġelju naraw kif wieġbu Xmun, Indrì, Ġakbu u Ġwanni: kienu rġiel maturi, kellhom ix-xogħol ta' sajjieda, kellhom il-ħajja tal-familja... Madankollu, meta għadda Ġesù u sejħilhom, "minnufih ħallew ix-xbiek u marru warajh" (Mk 1, 18).

Għeżież ħuti, noqgħodu attenti u ma nħallux lil Ġesù jgħaddi mingħajr ma nilqgħuh.  Santu Wistin kien jgħid: "Nibża' minn Alla meta jgħaddi"  Biża' minn xiex?  Li ma nagħrfux, li ma narahx, li ma nilqgħux.

Il-Verġni Marija tgħinna kuljum, kull mument, ngħixuhom bħala żmien ta' salvazzjoni, li fih il-Mulej jgħaddi u jsejħilna għal warajh, kull wieħed u waħda skont il-ħajja personali.  U tgħinna nikkonvertu mill-mentalità tad-dinja, dik tal-fantasiji tad-dinja, li hi biss ġiġġifogu, għall dik tal-imħabba u s-serizz.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

dal-Ħadd hu dedikat lill-Kelma t'Alla.  Wieħed mid-doni l-kbar ta' żmienna hi l-iskoperta mill-ġdid tal-Iskrittura Mqaddsa fil-ħajja tal-Knisja fuq kull livell.  Qatt daqs illum il-Bibbja ma kienet aċċessibbli għal kulħadd: fil-lingwi kollha u issa wkoll fil-format awdjoviżiv u diġitali.  San Ġlormu, li ftit ilu fakkart is-16-il ċentinarju ta' mewtu, jgħid, li min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu, min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu (cfr In Isaiam Prol.).  U, bil-maqlub, huwa Ġesù Kristu, Verb magħmul laħam, li miet u rxoxta li jiftħilna moħħna biex nifhmu l-Iskrittura (cfr Lq 24,25).  Dan isir partikolarment permess tal-Liturġija, imma wkoll meta nitolbu waħedna jew fi gruppi, speċjalment bl-Evanġelju u bis-Salmi.  Irrodd ħajr u nagħmel kuraġġ lill-parroċċi għall-impenn bla heda tagħhom biex jedukaw fis-smigħ tal-Kelma tAlla.  Jalla qatt ma jonqosna l-ferħ  li niżirgħu l-Evanġelju!  U nirrepeti għal darb'oħra: għandna d-drawwa li nġorru magħna dejjem kopja żgħira tal-Vanġelu fil-but, fil-handbag, ħalli nkunu nistgħu naqrawh f'xi ħin tal-ġurnata, għallanqas tlieta jew erba' vrus?  il-kopja tal-Evanġelju dejjem fuqna.

Fl-20 ta' Jannar, ftit metri bogħod minn Pjazza San Pietru, instab mejjet minħabba l-kesħa, raġel niġerjan bla dar, ta' 46 sena, jismu Edwin.  L-istorja tiegħu tiżdied ma dik tal-ħafna nies bla saqaf li mietu dan l-aħħar f'Ruma fl-istess ċirkostanzi drammatiċi.  Nitolbu għal Edwin.  Ħalli jkun twissija għalina dak li qal San Grigor il-Kbir, li quddiem il-mewt ta' tallab minħabba l-kesħa, stqarr li dakinhar ma kienx se jkun iċċelebrat quddies għax kien qiesu l-jum tal-Ġimgħa l-Kbira.  Niftakru f'Edwin.  Naħsbu ftit x'seta' ħass dar-raġel ta' 46 sena, fil-kesħa, imwarrab minn kulħadd, abbandunat, minna wkoll.  Nitolbu għalih.

Għada waranofsinhar, fil-Bażilika ta' San Pawl Barra l-Ħitan se niċċelebraw il-Vespri tal-festa tal-Konverżjoni ta' San Pawl, fi tmiem il-Ġimgħa ta' Talb għall-Għaqda fost l-Insara, flimkien mar-rappreżentanti tal-Knejjes l-oħra u l-komunitajiet ekkleżjali.  Nistedinkom tingħaqdu spiritwalment mat-talba tagħna.

Illum ukoll hi t-tifkira ta' San Franġisk di Sales, patrun tal-ġurnalisti.  Ilbieraħ ġie pubblikat il-Messaġġ għall-Jum Dinjii tal-Komunikazzjonijiet Soċjali bit-titlu "Ejja u ara.  Nikkomunikaw  billi niltaqgħu mal-persuni fejn u kif inhuma", ukoll fejn ħadd ma jrid imur, u biex inkunu xhieda tal-verità.

Insellem lilkom ilkoll magħqudin magħna permezz tal-medja.  Niftakru u nitolbu għall-familji li qed ibatu f'dan iż-żmien.  Kuraġġ, nibqgħu mexjin!  Nitolbu għal dawn il-familji, u kif u safejn nistgħu, inkunu qribhom.  U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titlobu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber