IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 2 ta’ Lulju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-llum Ġesù jgħid: “Min jilqa’ profeta għax hu profeta ħlas ta’ profeta jieħu” (Mt 10,41).  Tliet darbiet il-kelma “profeta”; imma min hu l-profeta?  Hemm min jimmaġinah qiesu xi saħħar li jbasssar il-futur, iżda din hi idea superstizzjuża u n-nisrani ma jemminx fis-superstizzjonijiet, qieshom xi maġija, il-karti jew oroskopu u affarijiet bħal dawn.  Ħa ngħiduha: ħafna u ħafna nsara jmorru biex jaqrawlhom idejhom: jekk jogħġobkom!  Oħrajn lill-profeta jpinġuh qiesu xi persunaġġ tal-imgħoddi, li kien jgħix qabel Kristu biex iħabbar il-miġja tiegħu.  Madankollu, illum Ġesù jgħidilna li hemm bżonn nilqgħu lill-profeti; allura għadhom jeżistu, imma min huma?  Min hu l-profeta?

Ħuti, kull wieħed u waħda minn aħna profeti: infatti, bil-Magħmudija lkoll irċeveja d-don tal-missjoni tal-profezija (cfr Katekiżmu, tal-Knisja Kattolika, 1268).  Il-profeta hu dak li, bis-saħħa tal-Magħmudija jgħin lill-oħrajn jaqraw il-preżent bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu.  Dan importanti ħafna: naqraw il-preżent mhux qiesu rakkont ta’ kronaka, imma fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, li jgħinna nifhmu l-proġetti ta’ Alla u nwieġbu għalihom.  Fi kliem ieħor, il-profeta hu dak li juri lil Ġesù lill-oħrajn, li jkun xhud tiegħu, li jgħin biex ngħixu l-illum ħalli nibnu għada aħjar skont il-pjanijiet tiegħu.  Għalhekk, aħna lkoll profeti, xhieda ta Ġesù “sabiex il-qawwa tal-Evanġelju tiddi fil-ħajja ta’ kuljum, familjari u soċjali” (Lumen Gentium, 35).  Il-profeta hu sinjal ħaj li juri ‘l Alla lill-oħrajn, il-profeta hu rifless tad-dawl ta’ Kristu fit-triq ta’ ħuh/oħtu.  Allura nistgħu insaqsu lilna nfusna: jien, li “nħtart profeta” bil-Magħmudija, nitkellem, u, fuq kollox, ngħix bħala xhud ta’ Ġesù?  Inwassal xi ftit mid-dawl tiegħu fil-ħajja ta’ xi ħadd?  Nagħrbel lili nnifsi dwar dan?  Nistqasi lili nnifsi: kif inhi sejra x-xhieda tiegħi, kif inhi sejra l-profezija tiegħi?

Fl-Evanġelju l-Mulej jitlob ukoll biex nilqgħu lill-profeti; għalhekk importanti nilqgħu lill xulxin bħala tali, bħala persuni li jġorru l-messaġġġ ta’ Alla, kulħadd skont l-istat jew il-vokazzjoni tiegħu, u nagħmlu dan kull fejn ngħixu, jiġifieri fil-familja, fil-parroċċa, fil-komunitajiet reliġjużi, fl-ambjenti l-oħra tal-Knisja u tas-soċjetà.  L-Ispirtu qassam doni ta’ profezija lill-poplu qaddis ta’ Alla: din hi r-raġuni għala għandna nisimgħu lil kulħadd.  Per eżempju, meta jkun hemm bżonn tittieħed deċiżjoni, importanti, qabel kollox nitolbu lill-Ispirtu, imma mbagħad nisimgħu u niddjalogaw, lil u ma’ kulħadd bil-fiduċja, anki l-anqas wieħed għandu xi ħaġa importanti x’jgħid, don profetiku li jrid jaqsam magħna.  B’hekk infittxu l-verità u tinħoloq klima ta’ smigħ ta’ Alla u tal-aħwa, li fiha dak li jkun mhux biss iħossu milqgħuh jekk jgħid dak li ma jdoqqx għal widnejja, imma jħossu aċċettat u mogħti l-valur li jistħoqqlu bħala don fih innifsu.

Naħsbu f’kemm kunflitti nistgħu nevitaw u nsolvu b’dan il-mod, meta nisimgħu lill-oħrajn b’xewqa sinċiera li nifhmu lil xulxin!  Allura, fl-aħħar, insaqsu: jien naf nilqa’ lill-aħwa bħala doni profetiċi?  Nemmen li għandi bżonnhom? Nismagħhom bir-rispett, bix-xewqa li nitgħallem?  Għax kull wieħed u waħda minna għandna bżonn nitgħallmu mill-oħrajn, kull wieħed u waħda minna jeħtieġlu jitgħallem mill-oħrajn.

Marija, Sultana tal-Profeti, tgħinna nagħrfu u nilqgħu it-tajjeb li l-Ispirtu żera’ fl-oħrajn/

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Matul daż-żmien tas-sajf ukoll, m’għandna qatt negħejjew nitolbu għall-paċi, b’mod speċjali għall-poplu ukren, tant mikdud.  U ma ninsewx lanqas il-gwerer l-oħra, li sfortunatament spiss ninsewhom, u l-għadd kbir ta’ kunflitti u taqbid li jdemmu ħafna mkejjen tad-dinja; tant gwerer illum...  Ejjew ninteressaw ruħna f’dak li qed jiġri, ngħinu lil min qed ibati u nitlobu, għax it-talb hu l-forza ġentili li tipproteġi u twieżen id-dinja.

Insellem lilkom, rumani u pellegrini ġejjin minn pajjiżi varji u minn postijiet oħra fl-Italja; b’mod partikolari lis-Sorijiet ta’ San Ġużepp Benedittu Cottolengo, liż-żgħażagħ li għamlu l-Griżma minn Ibiza u Formentera, lill-adoloxxenti tal-Unità Pastorali minn Tremignon u Vaccarino, (Vicenza).  Insellem ukoll lill-“Grupp San Mauro” minn Cavarzese u l-kindergarten: “Madonna dell’Olmo” minn Verdellino.  U nsellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber