Laikos

 

ANGELUS

Il-Ħadd, 2 ta’ Marzu, 2025

Test imħejji mil-Papa Franġisku

 

Għeżież ħuti!

 

Fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (Lq 6,39-45) Ġesù jridna nirriflettu fuq tnejn mill-ħames sensi tagħna: il-ħars u t-togħma.

 

Dwar il-ħars, jitlobna nħarrġu għajnejna biex nosservaw tajjeb id-dinja u niġġudikaw lill-proxxmu bil-karità.  Jgħid hekk: “Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk” (v. 42).  Hu biss b’ħarsa ta’ kura bħal din, mhux bil-kundanna, li l-korezzjoni fraterna tista’ tkun virtù.  Għax jekk ma tkunx fraterna, mhi korrezzjoni xejn!

 

Dwar it-togħma Ġesù jfakkarna li “kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf” (v. 44).  U l-frott li jiġi mill-bniedem hu per eżempju, kliemu, li joħroġ minn fommu tant illi “mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (v. 45).  Il-frott ħażin hu l-kliem vjolenti, falz, vulgari; il-frott tajjeb huwa l-kliem xieraq u onest li jagħti togħma tajba lid-djalogi ta’ bejnietna.

 

Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien kif inħares lejn l-oħrajn, lejn dawk li huma ħuti?  U kif inħoss

 li qed iħarsu lejja huma?  Kliemi fih togħma tajba jew mimli morr u vanità?

 

Ħuti, qed nibgħatilkom dawn il-ħsibijiet meta għadni l-isptar, fejn, kif tafu, ilni għadd ta’ ġranet, akkumpnjat mit-tobba u mill-operaturi sanitarji, li nirringrazzja għall-attenzjoni li biha jieħdu ħsiebi.  F’qalbi qed inġarrab “il-barka” li tinsab fid-dgħufija, għax propju  f’dal-mumenti nitgħallmu ferm aktar nafdaw fil-Mulej; fl-istess ħin niżżi ħajr lil Alla li qed itini din l-opportunità li naqsam fil-ġisem u fl-ispirtu l-kundizzjoni ta’ tant morda u batuti.

 

Nixtieq irroddilkom ħajr għat-talb li qed jitla’ lejn il-Mulej mill-qalb ta’ tant fidili f’bosta nħawi tad-dinja: qed inġarrab l-għożża kollha tagħkom u l-qrubija tagħkom, u f’dal-mument partikolari, inħoss li l-Poplu t’Alla qiesu qed “iġorrni” miegħu u jweżinni.  Grazzi lil kulħadd!

 

Jien ukoll nitlob għalikom.  U fuq kollox, nitlob għall-paċi.  Minn hawn jidher aktar kemm il-gwerra hi  assurda.  Nitolbu għall-Ukrajna mbiċċra, għall-Palestina, għal Iżrael, għal-Libanu, għall-Myanmar, għas-Sudan, għal Kivu.  Bil-fiduċja nafdaw ruħna f’idejn Marija, Ommna.  Il-Ħadd it-tajjeb u arrivederci!

Ss

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber