SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru, 2024

 

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

 

Illum, Solennità tal-Qaddisin Kollha, fl-Evanġelju (cfr Mt 5,1-12), Ġesù iħabbar solennement il-karta tal-identità tan-nisrani.  U liema hi l-karta tal-identità tan-nisrani?  Il-Beatitudnijiet.  Hi l-karta tal-identità tagħna u wkoll it-triq tal-qdusija (cfr Eż. App. Gaudete et exsultate, 63).  Ġesù jurina triq, dik tal-imħabba li hu stess l-ewwel wieħed għadda minnha meta sar bniedem, u li għalina hi fl-istess ħin don t’Alla u tweġiba tagħna.  Don u tweġiba. 

 

Hi don t’Alla għax, kif jgħid San Pawl, huwa hu li jqaddes (cfr 1 Kor 6,11)).  Hufuqkollox għal dir-raġuni li aħna nitolbu lill-Mulej biex jagħmilna qaddisin, jagħmlilna qalb tixbaħ lil tiegħu (cfr Enċ. Dilexit nos, 168).  Bil-grazzja tiegħu ifejjaqna u jeħlisna minn dak kollu li jimpedina milli nħobbu bħalma jħobb hu (cfr Ġw 13,34) biex fina, kif kien jgħid il-Beatu Carlo Avutis, dejjem ikun hemm “anqas jien biex nagħmel il-wisa’ għal Alla”.

 

U dan iwassalna għat-tieni punt: it-tweġiba tagħna.  Il-Missier tas-Sema, infatti, joffrilna l-qdusija tiegħu imma ma jimponihiex fuqna.  Jiżragħha fina, idewwaqna t-togħma tagħha u jurina sbuħitha, imma mbagħad jistenna t-tweġiba tagħna.  Iħallina liberi nimxux fuq l-ispirazzjonijiet tajba tiegħu, inħallux il-proġetti tiegħu  jinvolvuna, is-sentimenti tiegħu nagħmluhomx tagħna (cfr Dilexit nos, 179), billi, kif għallimna hu, inkunu ta’ servizz għall-oħrajn b’karità dejjem aktar universali, miftuha, orjentata lejn kulħadd, lejn id-dinja kollha.

 

Dan kollu narawh fil-ħajja tal-qaddisin, anki f’dawk ta’ żmienna.  Niftakru, per eżempju, f’San Massimiljanu Kolbe, li f’Auschwitz talab li jieħu post missier ta’ familja kundannat għall-mewt; jew f’Santa Tereża ta’ Kalkutta, li qattgħet l-eżistenza tagħha taqdi lill-aktar foqra; jew l-Isqof San Oscar Romero, li safa assassinat fuq l-altar għax iddefenda d-drittijiet ta’ min hu tal-aħħar, mill-oppressjoni tal-prepotenti.  U nistgħu inkomplu nagħmlu lista ta’ tant qaddisin, bosta qaddisin: dawk li nqimuhom fuq l-altari u oħrajn, li jien inħobb insejħilhom il-qaddisin “tal-bieb ta’ maġenbna”, dawk li kuljum, fis-satra, jgħixu ħajja verament nisranija.  Ħuti, kemm hemm qdusija moħbija fil-Knisja!  Fiha nagħrfu lil tant ħutna ‘magħġunin’ mal-Beatitudnijiet: foqra, mansweti, li jħennu, bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, operaturi tal-paċi.  Huma persuni “mimlijin b’Alla”, li ma jafux jibqgħu indifferenti quddiem il-bżonnijiet tal-proxxmu; huma xhieda ta’ mixjiet imdawla, mixjiet possibbli għalina wkoll.

 

Issa nsaqsu lilna nfusna: fit-talb, lil Alla nitolbu d-don ta’ ħajja qaddisa?  Inħalli l-istimulu li l-Ispirtu tiegħu iqanqal fija, imexxini?  U jien impenjat personalment biex fl-ambjenti fejn ngħix inqiegħed fis-seħħ il-Beatitudnijiet tal-Evanġelju?

 

Marija, Sultana tal-Qaddisin kollha, tgħinna biex ħajjitna nagħmluha mixja ta’ qdusija.

 

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

 

Nesprimi l-qrubija tiegħu mal-poplu ta’ Chad, partikolarment mal-familji u l-vittmi tal-attentat terroristiku gravi li seħħ xi jiem ilu, kif ukoll ma’ dawk li ntlaqtu mill-għarar.  U, a propożitu ta’ dawn il-katastrofi ambjentali, nitolbu għall-popolazzjonijiet tal-peniżola iberika, speċjalment għall-komunità ta’ Valencia devastata mit-tempesta “DANA”: għall-mejtin u għall-għeżież tagħhom u għall-familji kollha li sofrew tant ħsara.  Il-Mulej iwieżen lil dawk li qed isofru u lil min qed jgħinhom.  Aħna qrib il-poplu ta’ Valencia.

 

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Pellegrini minn pajjiżi varji, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u tfal tal-iskola.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili ġejjin minn Rignac (Franza).

 

U nsellem lill-parteċipanti tal-“Ġirja tal-Qaddisin”, organizzata mill-Fundazzjoni Missioni Don Bosco.  Għeżież ħbieb, din is-sena wkoll qed tfakkruna li l-ħajja nisranija hi ġirja, imma mhux kif tiġri d-dinja, le!  Hi l-ġirja ta’ qalb li tħobb!  U grazzi għall-għajnuna li qed tagħtu biex jinbena ċentru sportiv fl-Ukrajna,

 

Nitolbu għall-Ukrajna mifluġa, nitolbu għall-Palestina, għal Iżrael, għal-Libanu, għall-Myanmar, għas-Sudan, u għall-popli kollha li qed isofru minħabba l-gwerer.  Ħuti, il-gwerra hi dejjem telfa, dejjem!  U hija spreġevoli għax hi t-trijonf tal-gidba, tal-falsità: fiha kull naħa tfittex l-akbar interessi tagħha u l-akbar dannu tal-avversarju, tikkalpesta l-ħajja umana, l-ambjent, l-infrastrutturi, kollox; u kollox liebes il-maskra tal-gideb.  U jbatu l-innoċenti!  Qed jiġuni quddiem għajnejja l-153 mara u tfal immasakrati f’Gaża fil-jiem li għaddew.

 

Għada ssir it-tifkira ta’ kull sena tal-fidili mejtin kollha. Min jista’ f’dal-ġranet imur jitlob fuq il-qabar tal-għeżież tiegħu.  Jiena wkoll, għada se mmur niċċelebra Quddiesa fiċ-Ċimiterju Laurentino f’Ruma.  Ma nisewx: l-Ewkaristija hi l-akbar talba u l-aktar waħda effikaċi għall-erwieħ tal-mejtin.

 

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba fil-kumpanija tal-Qaddisin.  Insellem lilkom ilkoll, lill-membri tal-Immacolata li huma bravi ħafna!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-festa t-tajba!  L-ikla t-tajba u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber