SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
L-Erbgħa, 1 ta’ Novembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

 

Illum qed niċċelebraw is-Solennità tal-Qaddisin Kollha.  Fid-dawl ta’ dil-festa, nieqfu ftit biex nirriflettu dwar il-qdusija, partikolarment  iż-żewġ karatteristiċi tal-qdusija vera: hi don – hi rigal, li ma jistax jinxtara – u fl-istess ħin hi mixja.

Qabel xejn don.  Il-qdusija hi don ta’ Alla li rċevejna bil-Magħmudija: jekk inħalluh jikber jista’ jibdlilna ħajjitna għal kollox (cfr Eż. app. Gaudete et Exsultate, 15).  Il-qaddisin mhumiex eroj li ma nistgħux nimitawhom jew imbegħedin, imma huma persuni bħalna, huma ħbiebna, li l-punt tat-tluq tagħhom hu l-istess wieħed li rċevejna aħna wkoll: il-Magħmudija.  Anzi, jekk naħsbu sew, żgur li ltqajna ma’ xi wieħed jew waħda minnhom, xi qaddis tal-ħajja ta’ kuljum, xi persuna ġusta, xi persuna li tgħix ħajja nisranija bis-serjetà, bis-sempliċità... huma dawk li jien inħobb insejħilhom “il-qaddisin tal-bieb ta’ ħdejna”, li jgħixu ħajja normali fostna.  Il-qdusija hi don offrut lil kulħadd biex jgħix ħajja hienja. 

U, wara kollox, meta nirċievu rigal, xi tkun l-ewwel reazzjoni tagħna?  Propju hi li nħossuna ferħana għax ikun ifisser li aħna għeżież għal xi ħadd; u d-don tal-qdusija jhennina għax aħna għeżież għal Alla.  Imma kull rigal irid ikun milqugħ u miegħu jġib ir-responsabbiltà ta’ tweġiba, “grazzi”.  Imma kif ngħiduha dil-grazzi?  Hi stedina biex inkunu impenjati ħalli (id-don) ma jisfax moħli.

L-imgħammdin kollha kemm aħna kellna l-istess sejħa biex “b’ħajjitna nindukraw u nipperfezzjonaw il-qdusija li rċevejna” (Lumen gentium, 40).  U hekk - naslu għat-tieni  punt – il-qdusija hi wkoll mixja, mixja li rridu nagħmlu flimkien, magħqudin ma’ dik il-kumpanija mill-isbaħ, diak ix-Xirka ta’ Qaddisin.

Huma ħutna, ħutna l-kbar li nistgħu norbtu fuqhom dejjem: il-qaddisin jgħinuna u meta niżbaljaw it-triq tul il-mixja tagħna, bil-preżenza silenzjuża tagħhom qatt ma jhedew jikkoreġuna; huma ħbieb sinċieri li nistgħu nafdawhom għax huma jridulna l-ġid.  Fil-ħajja tagħhom naraw eżempju, fit-talb tagħhom nirċievu għajnuna u ħbiberija, u magħhom aħna nitħaddnu b’rabta ta’ mħabba fraterna.

Il-qdusija hi mixja, hi don.  Allura nistgħu nsaqsu: niftakar, konxju, li rċevejt id-don tal-Ispirtu s-Santu, li jsejjaħli għall-qdusija u jgħinni biex nilħaq dan l-għan?  Niżżi ħajr lill-Ispirtu s-Santu ta’ dan, għad-don tal-qdusija?  Il-Qaddisin inħosshom qribi, nitkellem magħhom, indur lejhom?  Naf l-istorja ta’ xi wħud minnhom?  Jagħmlilna tajjeb inkunu nafu l-ħajjiet tal-qaddisin u nħallu l-eżempju tagħhom imexxina.  U jagħmlilna tajjeb ħafna li nduru lejhom bit-talb.

Marija, Reġina tal-Qaddisin kollha, tgħinna nħossu l-ferħ tad-don li rċevejna u tkattar fina x-xewqa tal-ħajja eterna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, pellegrini minn diversi pajjiżi, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u tfal tal-iskola.

Insellem partikolarment lill-fidili minn Allensbach (fil-Ġermanja), lil dawk minn Monterrey (fil-Messiku) u l-istudenti tal-Iskola tas-Sorijiet San Ġużepp minn Nykøbing Falster, fid-Danimarka; kif ukoll il-grupp minn Ruma tal-volontarji tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Puluzija tal-Istat.

Nagħti merħba mill-qalb lill-perteċipanti tal-Ġirja tal-Qaddisin, imnedija mill-Fundazzjoni “Missjonijiet Don Bosco” li tagħti  dimesnjoni ta’ festa popolari lir-rikorrenza tal-Qaddisin Kollha.  Grazzi tal-inizjattiva sabiħa tagħkom u tal-preżenza tagħkom!

Għada filgħodu se nqaddes fiċ-Ċimiterju tal-vittmi mill-Commonwealth li mietu fit-tieni gwerra dinjija.

U ejjew inkomplu nitolbu għall-popolazzjonijiet li qed isofru minħabba l-gwerer tal-lum.  Ma ninsewx lill-martri Ukrajna, ma ninsewx il-Palestina, ma ninsewx lil Iżrael u ma ninsewx lil bosta reġjuni oħrajn fejn il-gwerra għadha wisq ħarxa.

U nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba fil-kumpanija spiritwali tal-Qaddisin.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber