SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tlieta, 1 ta’ Novembru, 2022

Għeżież ħuti, il-festa t-tajba, il-jum it-tajjeb!

 

Illum qed niċċelebraw lill-Qaddisin kollha u nistgħu nieħdu impressjoni li tqarraq bina: għandna mnejn naħsbu li qed niċċelebraw lil ħutna nisa u rġiel li tul ħajjithom kienu dejjem perfetti, lineari, preċiżi, anzi “illamtati”.  Iżda l-Evanġelju tal-lum igiddeb dil-viżjoni stereotipata, din “il-qdusija tas-santi”.  Infatti l-Beatitudnijiet ta’ Ġesù (cfr Mt 5, 1-12), li huma l-karta tal-identità tal-qaddisin, pjuttost juruna l-oppost: ikellmuna dwar ħajja kontra l-kurrent, ħajja rivoluzzjonarja!  Il-qaddisin huma l-veri rivoluzzjonarji.

Nieħdu per eżempju beatitudni attwali ħafna: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (v. 9), u naraw kif il-paċi ta’ Ġesù hi differenti ħafna minn dak li nimmaġinaw aħna.  Ilkoll nixtiequ l-paċi, imma spiss dak li nixtiequ aħna ma jkunx il-vera paċi, ikun ifisser li noqgħodu bi kwietna, iħalluna fil-paċi, li ma jkollniex problemi imma kwiet u kalma.  Iżda Ġesù ma jsejjaħx beati lil dawk li jħossuhom relaxed, iżda lil dawk li jġibu l-paċi u jitqabdu biex iġibu l-paċi, il-bennejja, l-operaturi tal-paċi.  Infatti l-paċi trid tinbena u bħal kull kostruzzjoni oħra titlob impenn, kollaborazzjoni, paċenzja.  Aħna kieku nixtiequ li l-paċi tinżel mill-għoli, imma l-Bibbja tkellimna dwar “iż-żerriegħa tal-paċi” (Żk 8, 12) għax tinbet mill-ħamrija tal-ħajja, miż-żerriegħa ta’ qlubna; tikber fis-silenzju, jum wara ieħor, permezz ta’ opri ta’ ġustizzja u ta’ ħniena, kif juruna x-xhieda mdawwla li qed nagħmlu l-festa tagħhom illum.  U aktar, aħna għandna l-idea li l-paċi tinkiseb bil-forza u s-setgħa: għal Ġesù hu l-maqlub.  Ħajtu u ħajjet il-qaddisin jgħidulna li ż-żerriegħa tal-paċi, biex tikber u tagħti l-frott, l-ewwel trid tmut.  Il-paċi ma tinkisibx billi ngħelbu jew nirbħu fuq xi ħadd, qatt mhi vjolenti, qatt mhi armata.  Kont qed nara l-programm “A Sua Immagine”, tant qaddisin nisa u rġiel li tqabdu, ġabu l-paċi imma bil-ħidma, billi taw ħajjithom, offrew ħajjithom.

Allura kif nistgħu nagħmlu biex insiru operaturi tal-paċi?  Qabel kollox hemm bżonn inneħħu l-armi minn qlubna.  Iva, għax ilkoll kemm aħna armati bi ħsibijiet aggressivi, wieħed kontra l-ieħor, bi kliem li jaqta’, u naħsbu li nistgħu niddefendu ruħna bil-barbed wire” tal-ilmenti u bil-ħitan tas-siment tal-indifferenza; u niddefendu ruħna bl-ilmenti u bl-indifferenza.  Iżda din mhix paċi, din hi gwerra.  Iż-żerriegħa tal-paċi titlob minna li l-għalqa ta’ qalbna nżarmawha mill-armi.  Kif inhi sejra qalbek?  Imneżża’ mill-armi jew hi mimlija b’dawn is-sentimenti, bl-ilmenti u l-indifferenza, bl-aggressjoni?  U kif nistgħu nneħħu l-armi minn qlubna?  Billi ninfetħu għal Ġesù, li hu “l-paċi tagħna” (Ef 2, 14).  Minn hawn irridu nibdew, għax mhux b’ħilitna nkunu operaturi tal-paċi, qaddisin, hu don tiegħu, hija grazzja.

Ħuti, inħarsu fina nfusna u nistaqsu: aħna bennejja tal-paċi?  Hemm, fejn ngħixu, nistudjaw, naħdmu, inġibu t-tensjoni, kliem li jweġġa’ tqassis velenuz, polemiki li jifirdu? Jew inkella niftħu t-triq tal-paċi: naħfru li min offendiena, nieħdu ħsieb lil min jinsab imwarrab fil-ġenb, infejqu xi inġustizzja billi ngħinu li min għandu anqas?  Dan jissejjaħ “bini tal-paċi”.

Tista’ tqum mistoqsija tal-aħħar, li tgħodd għall-beatitudnijjiet kollha: sewwa lil ngħixu hekk?  Mhux ħajja ta’ tellief?  Ġesù nnifsu jtina t-tweġiba: dawk li jġibu l-paċi “jissejħu ulied Alla” (Mt 5,9): fid-dinja jidhru qieshom barra minn posthom, għax ma jċedux għal-loġika tas-setgħa u li jkunu minn fuq, fis-Sema jkunu eqreb lejn Alla, l-aktar li jkunu jixbħuh.  Imma, fir-realtà, anki min jipprevarika jibqa’ b’idejh vojta, filwaqt li min iħobb lil kulħadd u ma jweġġa’ lil ħadd, jirbaħ: kif jgħid is-Salm: ”Ulied iħalli min iħobb is-sliem” (cfr Salm 237, 37).

Il-Verġni Marija, Reġina tal-Qaddisin kollha, tgħinna nkunu bennejja tal-paċi fil-ħajja ta’ kuljum.

 

Wara l-Angelus

Pitgħada se nibda Vjaġġ Appostoliku fir-Renju tal-Bahrein, fejn se nibqa’ sal-Ħadd li ġej.  Minn issa nixtieq insellem u nirringrazzja minn qalbi lir-Re, lill-Awtoritajiet, lil ħuti fil-fidi u l-popolazzjoni kollha tal-pajjiż, speċjalment dawk li ilhom żmien jaħdmu biex titħejja diż-żjara.  Se jkun vjaġġ f’isem id-djalogu: infatti se nieħu sehem f’Forum bit-tema dwar il-ħtieġa assoluta li l-Orjent u l-Oċċident joqorbu ferm aktar lejn xulxin għall-ġid tal-konvivenza umana; se jkolli opportunità niltaqa’ ma’ rappreżentanti reliġjużi, partikolarment iżlamiċi.  Nitlob lil kulħadd jakkumpanjani bit-talb ħalli kull laqgħa u avveniment jiswew ta’ ġid biex, f’isem Alla, jsostnu l-kawża tal-fraternità u tal-paċi, li ż-żminijiet tal-lum għandhom bżonn estrem u urġenti tagħha.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Setúbal, fil-Portugall, u l-adoloxxenti tal-professjoni tal-fidi minn Cassina de’ Pecchi, djoċesi ta’ Milan.

Jien kuntent nilqa’ lill-parteċipanti tal-Ġirja tal-Qaddisin imnedija mill-Fundazzjoni “Missjonijiet Don Bosco” biex il-festa tal-Qaddisin Kollha jgħixuha f’dimensjoni popolari.  Grazzi tal-inizjattiva sabiħa tagħkom u tal-preżenza tagħkom!

Għeżież ħuti, jekk jogħġobkom, ma ninsewx lill-Ukrajna li għaddejja minn martirju: nitolbu għall-paċi, nitolbu sabiex fl-Ukrajna jkun hemm il-paċi.

Il-ġurnata ta’ għada hi dedikata għat-tifkira tal-fidili mejtin kollha.  Minbarra li nagħmlu ż-żjara tradizzjonali lill-oqbra tal-għeżież tagħna, nistedinkom tiftakru fihom ukoll peremzz ta’ talb ta’ suffraġju, speċjlament waqt il-quddiesa.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber