IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

FESTA TAL-QADDISIN KOLLHA

Pjazza San Pietru
It-Tnejn, 1 ta’ Novembru, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum niċċelebraw lill-Qaddisin kollha u fil-Liturġija jidwi l-messaġġ “programmatiku” ta’ Ġesù, jiġifieri l-Beatitudnijiet (cfr Mt 5, 1-12a).  Dawn juruna t-triq li tieħu lejn is-Saltna t’Alla u l-hena: it-triq tal-umiltà, tal-ħniena, tal-manswetudni, tal-ġustizzja u tal-paċi.  Minn dit-triq irridu ngħaddu biex insiru qaddisin.  Issa nieqfu ftit fuq żewġ aspetti ta’ dan l-istil ta’ ħajja.  Żewġ aspetti karatteristiċi ta’ dan l-istil ta’ ħajja ta’ qdusija: il-ferħ u l-profezija

Il-ferħ.  Ġesù jibda’ bil-kelma “Beati” (Imberkin) (Mt 5, 3).  Hi t-tħabbira prinċipali, dik ta’ hena li ma bħala.  Il-beatitudni, il-qdusija mhix programm ta’ ħajja magħmul biss minn sforzi u ċaħdiet, iżda qabel kollox hu l-iskoperta ferrieħa li aħna wlied maħbubin ta’ Alla.  U dan jimlik bil-ferħ.  Mhix xi kisba umana, hu dak li aħna nirċievu: aħna qaddisin għax Alla hu l-Qaddis, jiġi jgħammar f’ħajjitna.  Huwa hu li jtina l-qdusija.  Huwa għalhekk li aħna beati, imberkin!  Allura, l-ferħ nisrani mhux emozzjoni ta’ mument jew sempliċi ottimiżmu uman, imma ċ-ċertezza li nistgħu naffrontaw kull sitwazzjoni taħt il-ħarsa ta’ mħabba ta’ Alla, bil-kuraġġ u l-qawwa li jiġu minnu.  Anki fost bosta tribulazzjonijiet, il-qaddisin għexu dan il-ferħ u taw xhieda tiegħu.  Mingħajr il-ferħ il-fidi tispiċċa tkun taħriġ riġidu u jasar, u hemm ir-riskju li timrad bis-swied il-qalb.  Missier tad-deżert kien jgħid li s-swied il-qalb huwa “dudu tal-qalb”, li jherri l-ħajja (cfr Evarigo Pontico, Gli otto spiriti della malvagità. XI).  Nagħmlu mistoqsija lilna nfusna dwar dan: aħna nsara ferħanin?  Jien nisrani ferrieħ jew le?  Inferrxu l-ferħ jew aħna persuni bla ruħ, qalbna sewda, b’wiċċ ta’ funeral?  Niftakru li m’hemmx qdusija mingħajr ferħ!

It-tieni aspett: il-profezija.  Il-Beatitudnijiet huma indirizzati lill-foqra, lill-imnikkta, lil min hu bil-ġuħ għall-ġustizzja.  Hu messaġġ li jmur kontra l-kurrent.  Infatti d-dinja tgħid li biex tkun kuntent trid tkun għani, setgħan, dejjem żgħażugħ u f’sikktek, tgawdi l-fama u s-suċċess.  Ġesù jaqleb dawn il-kriterji ta’ taħt fuq u jagħmel aħbar profetika – u din hi d-dimensjoni profetika tal-qdusija -: il-veru milja tal-ħajja tinkiseb billi nimxu wara Ġesù, inqiegħdu Kelmtu fis-seħħ.  U dan ifisser faqar ieħor, jiġifieri li tkun fqir minn ġewwa, li tinża’ lilek innifsek biex tagħmel il-wisa’ għal Alla.  Min jemmen li hu sinjur, rebbieħ u żgur, ikun qed jibni kollox fuq nnifsu u jingħalaq għal Alla u għal ħutu, filwaqt li min mhux awtosuffiċjenti, jibqa’ miftuh għal Alla u għall-proxxmu.  U jsib l-hena.  Il-Beatitudnijiet għalhekk,  huma profezija ta’ umanità ġdida, ta’ mod ġdid ta’ ħajja: niċċekknu u nintelqu f’idejn Alla, minflok nirfsu fuq l-oħrajn; inkunu mansweti minflok nippruvaw nimponu ruħna; ikollna l-ħniena, minflok naħsbu biss fina nfusna; nimpenjaw ruħna għall-ġustizzja u l-paċi, minflok li nsaħħu, anki bl-omertà, l-inġustizzji u n-nuqqas ta’ ugwaljanza.  Il-qdusija tfisser li nilqgħu u nqegħdu fis-seħħ, bl-għajnuna t’Alla, din il-profezija li tirrivoluzzjona d-dinja.  Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jien nagħti xhieda tal-profezija ta’ Ġesù?  Nesprimi  l-ispirtu profetiku li rċevejt fil-Magħmudija?  Jew nitpaxxa bil-kumditajiet tal-ħajja u bl-għażż tiegħi, bl-illużjoni li kollox miexi sew ladarba kollox miexi tajjeb għalija?  Mistoqsijiet li jagħmlulna tajjeb jekk nagħmluhom.

Jalla l-Verġni Mqaddsa ttina biċċa mill-ispirtu tagħha, dak l-ispirtu beatu li faħħar bil-ferħ lill-Mulej li “niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin (cfr Lq 1,52).

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini.  Tislima speċjali lill-parteċipanti tal-Ġirja tal-Qaddisin, organizzata mill-Fundazzjoni “Don Bosco nel Mondo”.  Importanti nippromwovu l-valur edukattiv tal-isports.  Grazzi wkoll għall-inizjattiva tagħkom favur it-tfal tal-Kolombja.

Għada filgħodu se mmur fiċ-Ċimiterju Militari Franċiż li hawn f’Ruma: se tkun okkażjoni biex nitlob b’suffraġju għall-mejtin kollha, partikolarment għall-vittmi tal-gwerra u tal-vjolenza.  Jien u nżur dak iċ-ċimiterju se ningħaqad spiritwalment ma’ kull min f’dawn il-ġranet imur jitlob ħdejn l-oqbra tal-għeżież tiegħu, f’kull rokna tad-dinja.

Nawgura lil kulħadd il-festa tal-Qaddisin Kollha t-tajba, fil-kumpanija spiritwali tal-Qaddisin kollha.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber