IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 1 ta' Novembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F'dil-festa solenni tal-Qaddisin Kollha, il-Knisja tistedinna nirriflettu dwar it-tama l-kbira mibnija fuq il-qawmien ta' Kristu:  Kristu qam u aħna wkoll għad inkunu miegħu.  Il-Qaddisin u l-Beati huma x-xhieda l-aktar awtorevoli tat-tama nisranija għax għexuha fil-milja tagħha tul l-eżistenza tagħhom, bejn ferħ u tbatijiet, billi ħaddmu l-Beatitudnijiet li pprietka Ġesù u li llum jidwu fil-Liturġija (cfr Mt 5,1-12a).  Il-Beatitudnijiet evanġeliċi, infatti, huma t-triq tal-qdusija.  Issa se nieqaf fuq żewġ Beatitudnijiet, it-tieni u t-tielet.

It-tieni hija din: Henjin  dawk li jibku għax huma jkunu mfarrġa" (v. 4).  Jidhru kliem kontradittorju għax il-biki mhux sinjal tal-ferħ u hena.  Ir-raġunijiet tal-biki u tat-tbatija huma l-mewt, il-mard, il-kuntrarju morali, id-dnub u l-iżbalji: sempliċiment il-ħajja ta' kuljum, fraġli u dgħajfa u mmarkata bid-diffikultajiet.  Ħajja, li ximindaqqiet tkun miġrugħa u mikduda mill-ingratitudni u n-nuqqas ta' fehim.  Ġesù jiddikjara li huma beati, dawk li jibku minħabba dawn ir-realtajiet u, minkejja kollox, jafdaw fil-Mulej u joqgħodu għad-dell tiegħu.  Mhumiex indifferenti u lanqas iwebbsu qlubhom fin-niket, imma bil-paċenzja, jittamaw fil-faraġ ta' Alla.  U dan il-faraġ iġarrbuh kuljum sa minn dil-ħajja.

Fit-tielet Beatitudni Ġesù jafferma: Henjin ta' qalbhom ħelwa għax huma jkollhom b'wirthom l-art (v. 5).  Ħuti, il-manswetudni!  il-manswetudni hi l-karatteristika ta' Ġesù li jgħid dwaru nnifsu: "Tgħallmu minni għax jien ta' qalb ħelwa u umli" (Mt 11,29).  Il-mansweti huma dawk li jafu jikkontrollaw lilhom infushom, li jħallu wisa' għall-ieħor, jisimugħ u jirrispettaw il-mod kif jgħix, il-bżonnijiet u dak li jitlob.  M'għandhomx ħsieb li jiddominawh jew li jbaxxuh, ma jridux jitkabbru u jiddominaw kollox, lanqas jimponu l-ideat tagħhom u l-interessi tagħhom b'dannu għal ħaddieħor.  Iżda dawn il-persuni li l-mentalita mondana ma tapprezzahomx, huma prezzjużi f'għajnejn Alla, li jtihom b'wirt l-art imwiegħda, jiġifieri l-ħajja ta' dejjem.  Dil-Beatitudni wkoll tibda hawn fid-dinja u tilħaq il-milja tagħha fis-Sema, fi Kristu.  Il-manswetudni.  F'dan il-waqt tal-ħajja, anki dik tad-dinja, fejn hemm tant aggressività....; u wkoll fil-ħajja ta' kuljum, l-ewwel ħaġa li toħroġ minn ġo fina hija l-aggressività, id-difiża... Neħtieġu qalb ħelwa biex nistgħu nibqgħu mexjin fit-triq tal-qdusija.  Nisimgħu, nirrispettaw, ma nattakkawx: il-manswetudni.

Għeżież ħuti, nagħżlu s-safa, il-manswetudni u l-ħniena; nagħżlu li nintelqu fil-Mulej bil-faqar tal-ispirtu u fin-niket; nimpenjaw ruħna għall-ġustizzja u għall-paċi.  Dan kollu jifsser li naqdfu kontra l-kurrent tal-mentalita ta' did-dinja, kontra l-kultura tar-regħba, tad-divertiment bla sens, tal-arroganza mal-aktar dghajfa.  Din it-triq evanġelika tterqet mill-Qaddisin u l-Beati.  Is-solennità tal-lum, li tiċċelebra lill-Qaddisin Kollha, tfakkarna fil-vokazzjoni personali u universali għall-qudsija, u ttina mudelli żguri għal dil-mixja li kull wieħed u waħda minnha jimxieha b'mod uniku, irripetibbli.  Biżżejjed niftakru fil-varjetà bla qies ta' doni u stejjer konkreti li nsibu fost il-qaddisin irġiel u nisa: mhumiex l-istess, kull wieħed u waħda  għandhom il-personalità tagħhom u żviluppaw ħajjithom fil-qduisja skont il-personalità propja tagħhom.  Aħna lkoll nistgħu nagħmluh dan, nimxu f'dik it-triq.  Manswetudni, manswetudni jekk jogħġobkom u nimxu lejn il-qdusija.

Din il-familja bla għadd ta' fidili, dixxipli ta' Kristu għandha Omm, il-Verġni Marija.  Aħna nqimuha bħala Reġina tal-Qaddisin Kollha, imma qabel kollox hija l-Omm, li tgħallem lil kull wieħed u waħda minna biex nilqgħu u nimxu wara Binha.  Hi tgħinna mmantnu x-xewqa tagħna għall-qdusija aħna u mexjin fit-triq tal-Beatitudnijiet.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ, f'Hartford, fl-Istati Uniti tal-Amerika, kien ipproklamat Beatu, Michael McGivney, saċerdot djoċesan, fundatur tal-Kavallieri ta' Kolombu.  Bl-impenn tiegħu fl-evanġeliżżazzjoni għamel ħiltu kollha biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet ta' min ikun bil-bżonn billi ħadem sfiq fil-'mutuo soccorso'.  L-eżempju tiegħu għandu jsuqna lilna lkoll biex inkunu dejjem aktar xhieda tal-Evanġelju tal-karità.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

F'dan il-jum ta' festa ma ninsewx dak li qed jiġri f'Nagorno-Karabakh, fejn il-ġlied bl-armi u l-waqfien fraġli mill-ġlied jalternaw u jġibu magħhom żjieda fl-għadd tal-vittmi, qerda tad-djar, tal-infrastrutturi u tal-imkejjen tal-kult u qed jolqtu b'qawwa liema bħala lill-popolazzjonijiet ċivili.  Hi traġedja!  Nixtieq inġedded l-appell tiegħi minn qiegħ qalbi lil min hu responsabbli fuq kull naħa tal-kunflitt, sabiex "bla dewmien jintervjenu ħalli jieqaf it-tixrid tad-demm innoċenti" (Enċ. Fratelli tutti, 192): m'għandniex naħsbu li se nsolvu  l-kontroversji li jifirduna bil-vjolenza, imma b'impenn sinċier f'negozjati bl-għajnuna tal-Komunità Internazzjonali.  Min-naħa tiegħi, inħossni qrib kull min qed ibati u nistieden lil kulħadd jitlob l-interċessjoni tal-Qaddisin biex ikun hemm paċi stabbli fir-reġjun.

Nitolbu wkoll għall-popolazzjoni taż-żona tal-Baħar Eġew li jumejn ilu ntlaqtu minn terremot qawwi.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti.  Insellem partikolarment lil dawk li qed jieħdu sehem fil-"Ġirja tal-Qaddisin", organiżżata mill-Fundazzjoni "Don Bosco fid-Dinja" li dis-sena qed jiġru aktar fit-tul u anki individwalment.  Minkejja li din issir fi gruppi żgħar biex tkun rispettata d-distanza soċjali minħabba l-pandemija, dan l-avveniment sportiv joffri dimensjoni ta' festa popolari liċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Qaddisin Kollha.  Grazzi tal-inizjattiva tagħkom u tal-preżenza tagħkom!

Għada se niċċelebra quddiesa b'sufraġju għall-mejtin fiċ-ċimiterju Tewtoniku, post ta' dfin fil-belt tal-Vatikan.  B'hekk ningħaqad spiritwalent ma kull min f'dawn il-jiem, bl-osservazzjoni ta-regoli sanitarji, imur jitlob fuq l-oqbra tal-għeżież tiegħu, f'kull rokna tad-dinja.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba fil-kumpanija spiritwali tal-Qaddisin.s  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber