IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 1 ta’ Ottubru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum ikellimna dwar żewġ ulied li missierhom talabhom imorru jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli (Mt 21,28-32).  Wieħed minnhom jgħid “iva” minnufih iżda ma jmurx.  L-ieħor jgħid “le”, imbagħad jindem u jmur.

X’nistgħu ngħidu dwar l-imġieba ta’ dawn it-tnejn?  Mill-ewwel jiġi f’moħħna li x-xogħol fl-għalqa tad-dwieli jitlob sagrifiċċju u biex wieħed jissagrifika ruħu fiha prezz, mhix ħaġa spontanja minkejja s-sbuħija tal-fatt li aħna wlied u werrieta.  Iżda hawn, il-problema mhix tant marbuta mar-reżistenza jekk imorrux jaħdmu fl-għalqa jew le, imma s-sinċerità jew in-nuqqas tagħha quddiem il-missier u quddiemhom infushom.  Infatti, jekk ħadd miż-żewġ ulied ma’ ġab ruħu b’mod impekkabbli, tal-ewwel ġideb filwaqt li l-ieħor żablja, imma baqa’ sinċier.

Inħarsu lejn l-iben li qal “iva”, imbagħad ma marx.  Hu ma jridx jagħmel ir-rieda ta’ missieru, imma lanqas irid jiddiskuti jew jitkellem dwar dan l-atteġġjament.  Hekk, jinħeba wara l-“iva”, wara approvazzjoni falza li qed taħbi l-għażż tiegħu u għal waqt qed issalvalu wiċċu, huwa ipokrità.  Jgħaddieha lixxa bla ebda kunflitt, imma jgħaddi ż-żmien u jiddiżapputa lil missieru, jonqsu mir-rispett ferm agħar milli kien jagħmel kieku qabad u qal dritt, dritt, “le”.  Il-problema ta’ bniedem li jġib ruħu hekk hi li ma jkunx biss midneb imma wkoll korrott, għax jigdeb bla problemi biex jgħatti u jaħbi d-diżubbidjenza tiegħu, bla ma jaċċetta ebda djalogu jew konfront onest.

Iżda l-iben l-ieħor, dak li jgħid “le”, imma mbagħad imur, hu sinċier.  Mhux perfett imma sinċier.  Ċertament kien ikun isbaħ kieku rajnieh jgħdi “iva” mill-ewwel.  Mhux hekk għamel, imma tal-anqas juri b’mod spontanju u f’ċertu sens kuraġġuz, ir-riluttanza tiegħu.  Jiġifieri, jerfa’ r-responsabbiltà ta’ mġiebtu u jaġixxi fid-dawl tax-xemx.  Imbagħad, b’din l-onestà fundamentali, jispiċċa biex jiddubita minnu nnifsu, jasal jifhem li żbalja u jerġa’ lura. Nistgħu ngħidu għalhekk li hu midneb imma mhux korrott.  Ismgħuha sewwa din: dan hu midneb imma mhux korrott.  Għax għall-midneb dejjem hemm it-tama tas-salvazzjoni; iżda għall-korrott dan hu aktar diffiċli.  Infatti l-“iva” foloz tiegħu, il-bixra eleganti imma ipokrita u l-falsità, li fih saru drawwa, jixbħu “ħajt oħxon tal-lasktu”, li hu jinħeba warajh kull meta tniggżu l-kuxjenza.  U dawn l-ipokriti jagħmlu tant ħsara!  Ħuti, midinbin iva - ilkoll kemm aħna - korrotti le!  Midinbin iva, korrotti le!

Nagħtu issa ħarsa fina nfusna u fid-dawl ta’ dan kollu, nagħmlu xi ftit mistoqsijiet.   Quddiem l-iebes li ġġib magħha ħajja onesta u ġeneruża, ta’ impenn skont ir-rieda tal-Missier, jien lest ngħid “iva” kuljum tiswa x’tiswa?  U meta ma nasalx, jien niddiskuti sinċerament id-diffikultajiet ma’ Alla, il-waqgħat tiegħi, id-dgħufijiet tiegħi?  U meta ngħid “le”, wara nerġa’ lura?  Nitkellmu mal-Mulej dwar dan.  Meta niżbalja lest nindem u ndawwar ir-rotta?  Jew ngħamel tabirruħi qiesu ma ġara xejn u ngħix imlibbes maskra, moħħi biss biex nidher “bravu” u tajjeb?  Fl-aħħar mill-aħħar, jien midneb bħal kulħadd, jew fija hemm xi ħaġa korrotta?  Tinsewhiex din: midinbin iva, korrotti le.

Il-Madonna, mera tal-qdusija, tgħinna nkunu nsara sinċieri.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ fi Piacenza kien dikjarat beatu Dun Giuseppe Beotti li nqatel minnħabba l-mibegħda lejn il-fidi fl-1944.  Kien ragħaj skont il-qalb ta’ Kristu, ma ħadhiex bi kbira joffri ħajtu biex iħares il-merħla afdata f’idejh.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Dal-ġranet qed insegwi s-sitwazzjoni drammatika tal-isfullati fin-Nagorno-Karabakh.  Inġedded l-appell tiegħi għad-djalogu bejn l-Ażerbajġan u l-Armenia bit-tama li t-taħdidiet bejn il-partijiet, bl-appoġġ tal-Komunità internazzjonali, iħaffu ftehim dejjiemi li jġib fi tmiemha dil-kriżi umanitarja.  Niżgura t-talb tiegħi għall-vittmi tal-isplużjoni fil-ħażna tal-fjuwil li seħħet fl-inħawi tal-belt ta’ Stepanakert.

Illum jibda x-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar tar-Rużarju u tal-missjonijiet.  Inħeġġeġ lil kulħadd iġarrab is-sbuħija tat-talba tar-Rużarju meta flimkien ma’ Marija jikkuntempla l-misteri ta’ Kristu u jitlob l-interċessjoni tagħha għall-ħtiġijiet tal-Knisja u tad-dinja.  Nitolbu għall-paċi fl-Ukrajna mifluġa u fl-artijiet kollha miġrugħin bil-gwerra.  Nitolbu għall-evanġelizzazzjoni tal-popli.  U nitolbu wkoll għas-Sinodu tal-Isqfijiet li dax-xahar se jiltaqa’ għall-ewwel Assemblea bit-tema tas-sinodalità tal-Knisja.

Illum il-festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Santa Tereżina, il-qaddisa tal-fiduċja.  Fil-15 ta’ Ottubru se tkun ippubblikata Eżortazzjoni Appostolika dwar il-messaġġ tagħha.  Nitolbu lil Santa Tereżina u lill-Madonna.  Jalla Santa Tereżina ssaħħaħna fil-fiduċja u biex naħdmu għall-missjonijiet.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-grupp mis-Santwarju tal-Verġni tar-Rivelazzjoni miż-żona tat-Tre Fontane f’Ruma, lill-fidili mill-parroċċa ta’ Catania, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Porto Sant’Elpidio, lill-iscouts minn Afragola u lill-konfraternitajiet tal-Arċieri Storiċi u l-kavallieri ta’ San Sebastjan.  Ħsieb u inkoraġġiment imorru lejn l-Assoċjazzjoni tan-Nisa Operati f’Sidirhom.

Illum maġenbi tistgħu taraw ħamest itfal, li jirrappreżentaw il-ħames kontinenti.  Flimkien magħhom nixtieq inħabbar li nhar is-6 ta’ Novembru waranofsinhar, fl-Awla Pawlu VI, se niltaqa’ ma’ tfal mid-dinja kollha.  L-avveniment, patroċinat mid-Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, se jkollu t-tema “Nitgħallmu mit-tfal subjien u bniet”. Se tkun laqgħa li turi bil-miftuħ ix-xewqa ta’ kulħadd: li nerġgħu lura ħalli jkollna sentimenti safjin bħat-tfal, għax is-Saltna tas-Smewwiet hi għal min hu bħat-tfal.  It-tfal jgħallmuna t-trasparenza tar-relazzjonijiet u l-akkoljenza spontanja tal-frustier u r-rispett lejn kulma hu maħluq. Għeżież tfal nistennikom ilkoll biex nitgħallem minnkom ukoll.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber