IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 1 ta’ Awwissu, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ix-xena tal-bidu tal-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 6, 24-35) tippreżenatalna xi dgħajjes ibaħħru lejn Kafarnahum: il-folla sejra tfittex lil Ġesù.  Probabbli nistgħu naħsbu li hi xi ħaġa tajba ħafna, madankollu l-Evanġelju jgħallimna li mhux biżżejjed infittxu lil Alla, hemm bżonn nistaqsu lilna nfusna għalfejn qed infittxuh.  Infatti Ġesù jafferma: “Intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (v. 26).  Infatti n-nies kienu raw il-mirakli tat-tkattir tal-ħobż, imma ma kinux fehmu t-tifsira ta’ dak il-ġest: kienu waqfu fuq il-miraklu li jidher: waqfu hemm biss bla ma marru aktar ‘l hinn, lejn it-tifsira ta’ tiegħu.

Allura din hi l-ewwel mistoqsija li rridu nagħmlu lkoll kemm aħna: għalfejn qed infittxuh lill-Mulej?  Għalfejn qed infittxu jiena?  X’inhuma l-għanijiet tal-fidi tiegħi, tal-fidi tagħna?  Jeħtieġ li niddixxernu dan għax fost il-ħafna tentazzjonijiet li jkollna fil-ħajja, fost il-ħafna tentazzjonijiet hemm waħda li nistgħu nsejħulha tentazzjoni idolatrika.  Dik li nfittxu ‘l Alla skont il-qisien tagħna, kif jaqbel lilna, biex insolvu l-problemi, biex mingħandu naqilgħu l-grazzji li waħedna ma naslux għalihom, għall-interess.  Imma b’hekk il-fidi tagħna tibqa’ superfiċjali u wkoll - ippermettuli l-kelma – tkun fidi ‘mirakolistika’: infittxu ‘l Alla biex naqtgħu l-ġuħ u mbagħad ninsewh meta nixbgħu u nkunu sodisfatti.  Fil-qalba ta’ dil-fidi immatura m’hemmx Alla, hemm biss il-ħtiġijiet tagħna.  Qed naħseb fl-interessi tagħna, tant affarijiet...  Huwa tajjeb li nippreżentaw il-ħtiġijiet tagħna lill-qalb ta’ Alla, imma l-Mulej, li l-ħidma tiegħu tmur ferm aktar ‘l hinn minn dak li nistennew aħna, jixtieq jgħix magħna qabel kollox f’relazzjoni ta’ mħabba.  U l-imħabba vera ma tħarisx lejn l-interessi, hi b’xejn:  aħna ma nħobbux biex ikollna retribuzzjoni!  Dan ikun biss interess; u bosta drabi tul ħajjitna dak li nagħmlu nagħmluh għall-interess tagħna.

Tista’ tgħinna t-tieni mistoqsija, dik li l-folla tagħmel lil Ġesù: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri t’Alla?” (v. 28).  Qiesu li n-nies, ipprovokati minn Ġesù, qed tgħid: “Kif nistgħu nagħmlu biex insaffu t-tfittxija tagħna għal Alla?”  Kif nistgħu ngħaddu minn fidi tal-maġija, li taħseb biss f’dak li teħtieġ u naslu għadl fidi li togħġob lil Alla?”  U Ġesù juri t-triq: iwieġeb li l-opra t’Alla hi li nilqgħu lil dak li bagħat il-Missier, jiġifieri li nilqgħu lilu stess, lil Ġesù.  Mhux li jiżdiedu xi attivitajiet reliġjużi jew li nosservaw xi preċetti speċjali; ifisser li nilqgħu lil Ġesù, nilqgħuh f’ħajjitna, u ngħixu storja ta’ maħbba ma’ Ġesù.  Ikun Hu li jsaffilna l-fidi.  Waħedna ma naslux.  Imma l-Mulej jixtieq li jkollu relazzjoni ta’ mħabba magħna: qabel dak li nirċievu jew li nagħmlu, hemm Hu biex inħobbuh.  Hemm relazzjoni miegħu li tmur ‘l hinn mil-loġika tal-interessi u tal-kalkoli.

Dan jgħodd ukoll fejn jidħol Alla, imma jgħodd ukoll fir-relazzjonijiet umani u soċjali ta’ bejnietna:  meta aktar minn kollox infittxu li nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna nkunu qed nirriskjaw li lill-persuni nużawhom u nistrumentalizzaw is-sitwazzjoni għall-għanijiet tagħna.  Kemm drabi smajna  dwar xi persuna: “Imma dan juża lin-nies u mbagħad jinsa kollox”. Nużaw lill-persuni għall-profitt personali: kerha ħafna din.  Soċjeta li fin-nofs tqiegħed aktar l-interssi tagħha minflok il-persuni, hi soċjetà li ma tiġġenerax il-ħajja.  L-istedina tal-Evanġelju hi din: aktar milli nħabblu rasna biss għall-ħobż materjali li jaqta’ l-ġuħ, nilqgħu lil Ġesù bħala l-ħobż tal-ħajja u, ibda mill-ħbiberija tagħna miegħu, ejjew nitgħallmu ninħabbu bejnietna.  Bil-gratwità, mingħajr kalkoli.  Imħabba gratwita, bil-ġenerożità, b’qalb kbira.

Issa nitolbu lill-Verġni Qaddisa, dik li għexet l-isbaħ storja ta’ mħabba ma’ Alla, sabiex ittina l-grazzja li ninfetħu għal-laqgħa ma’ Binha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Minn qalbi nsellmilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi.

B’mod partikolari, dan il-Ħadd ukoll, bil-ferħ insellem lill gruppi varji ta’ żgħażagħ: dawk minn Zoppola, fid-djoċesi ta’ Concordia-Pordenone; dawk minn Bologna, li ġew bir-roti tul il-Via Francigena minn Orvieto sa Ruma; dawk tal-camping itineranti organizzat f’Ruma mis-Sorijiet Pie Discepole del Divin Maestro.  Insellem ukoll b’għożża lill-adoloxxenti u l-edukaturi tal-grupp “Dopo di noi” minn Villa Iris di Gradisciutta di Varmo, fil-provinċja ta’ Udine.

Qed nara xi bnadar peruvjani u nsellmilkom, lilkom peruvjani, li għandkom President ġdid.  Jalla l-Mulej ibierek għal dejjem lil pajjiżkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u x-xahar ta’ Awwissu hieni....  Wisq sħana, imma jalla jkun hieni!  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber