SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA
LVII
JUM DINJI TAL-PAĊI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tnejn, 1 ta Jannar, 2024

Għeżież ħuti, is-sena t-tajba!

F’dal-jum li fih niċċelebraw lil Marija Santissma Omm Alla, inqegħedu ż-żmien li ngħatalna taħt il-ħarsien attent tagħha.  Jalla tindukrana tul dis-sena.

L-Evanġelju tal-lum jurina li l-kobor ta’ Marija mhux riżultat ta’ xi azzjoni straordinarja; pjuttost, waqt li r-ragħajja jħaffu lejn Betlehem wara li waslitilhom l-aħbar (cfr Lq 2,15-16), hi tibqa’ siekta.  Hu sinjal sabiħ is-skiet tal-Omm.  Ma jfissirx biss sempliċi fomm magħluq, iżda silenzju mimli stagħġib u adorazzjoni għall-għeġubijieet li qed jagħmel Alla.  “Marija - jinnota San Luqa - ...kienet tgħożż f’qalbha dan kollu” (2,19).  B’hekk hi tagħmel il-wisa’ f’qalbha għal dak li twieled; fis-skiet u l-adorazzjoni, tqiegħed lil Ġesù fiċ-ċentru u tagħti xhieda tiegħu bħala s-Salvatur.  Marija hi Omm is-silenzju; Marija hi l-Omm tal-adorazzzjoni.

B’hekk, hi mhix biss Omm għax ġarret lil Ġesù f’ġufha u wellditu, iżda għaliex tqiegħed lilu fid-dawl bla ma tieħu postu.  Tibqa’ fis-skiet taħt is-salib ukoll, fl-aktar siegħa mudlama, u tkompli tħalli lilu jidher u tiġġenerah għalina.  Reliġjuż u poeta tas-seklu dsatax kiteb: “Verġni katidral tas-silenzju/ ..... int twassal ġisimna fil-ġenna/ lil Alla fil-laħam” (D.M.Turoldo, Laudario alla Vergine. «Via pulchritudinis», Bologna 1980, 35).  Katidral tas-silenzju: tixbiha sabiħa.  Bis-silenzju u l-umiltà tagħha, Marija hi l-ewwel “katidral” ta’ Alla, il-post fejn Hu u l-bniedem jistgħu jitlaqgħu.

Iżda ommijietna wkoll, bl-attenzjoni moħbija tagħhom, bil-premura, spiss huma katidrali meraviljużi tas-silenzju.  Iwellduna u mbagħad ikomplu jsegwuna, bosta drabi bla ma jidhru, sabiex aħna nikbru.  Niftakruh dan: l-imħabba ma toħnoq qatt, l-imħabba tagħmel il-wisa’ għall-ieħor.  L-imħabba sseddaq.

Ħuti, fil-bidu tas-sena l-ġdida nħarsu lejn Marija, u b’qalb mimlija gratitudni niftakru u nħarsu lejn l-ommijiet, biex nitgħallmu dik l-imħabba li tikber speċjalment fis-silenzju, li taf tħalli l-wisa’ għall-ieħor, tirrispetta d-dinjità tiegħu, ittiħ il-libertà li jesprimi ruħu, tiċħad kull għamla ta’ pussess, abbuz ta’ poter u vjolenza.  Hemm bżonn kbir ta’ dan illum, bżonn kbir!  Bżonn kbir ta’ silenzju biex nisimgħu lil xulxin.  Kif ifakkar il-messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi tal-lum: “Il-libertà u l-konvivenza paċifika huma mhedda meta l-bnedmin iċedu għat-tentazzjoni tal-egoiżmu, tal-interess personali, tal-kilba għall-profitt u l-għatx għall-poter”.  Iżda l-imħabba hi magħmula mir-rispett, mill-ġentilezza: b’hekk iġġarraf il-ħitan u tkun għajnuna biex ir-relazzjonijiet ikunu fraterni, tibni soċjetajiet aktar ġusti, aktar umani, aktar paċifiċi.

Nitolbu llum lill-Qaddisa Marija Omm Alla u Ommna sabiex fis-sena l-ġdida nkunu nistgħu nikbru f’din l-imħabba mansweta, siekta u diskreta li tiġġenera l-ħajja, u biex fid-dinja niftħu mogħdijiet ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.

 

Wara l-Angelus

Għeżeiż ħuti,

Irrodd ħajr lis-Sur President tar-Repubblika Taljana għall-awguri li tani fil-messaġġ tal-aħħar tas-sena; jien nirreċiprokahom minn qalbi waqt li ninvoka l-barka tal-Mulej fuq is-servzz li hu jagħti lill-pajjiż.

Qed insegwi bi tħassib kbir dak li qed jiġri fin-Nicaragua, fejn Isqfijiet u saċerdoti tteħditilhom il-libertà.  Nesprimi lilhom, lill-familji tagħhom u lill-Knisja kollha tal-pajjiż il-qrubija tiegħi bit-talb.  Nistieden ukoll lilkom ilkoll li hawn preżenti u lill-Poplu t’Alla kollu biex ma thedewx titolbu, filwaqt li nawgura li dejjem titfittex it-triq tad-djalogu biex jingħelbu d-diffikultajiet.  Nitolbu għan-Nicaragua llum.

L-awguri tiegħi imorru partikolarment għalikom, għeżież rumani u pellegrini li llum tinsabu hawn fi Pjazza San Pietru.  Insellem lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni “Paċi fl-artijiet kollha” organizzata mill-Komunità ta’ Sant’Egidio, fi bliet oħra tad-dinja wkoll; kif ukoll lill-Moviment Ewropew tal-Azzjoni Non-vjolenta.  U niftakar bi gratitudni fl-għadd kbir ta’ inizjattivi ta’ talb u impenn għall-paċi li llum qed isiru fil-kontinenti kollha, imnedijin mill-komunitajiet ekkleżjali; insemmi partikolarment dik fuq livell nazzjonali li lbieraħ saret f’Gorizia.

U, jekk jgħoġobkom, ma ninsewx lill-Ukrajna, il-Palestina, Iżrael li jinsabu fi gwerra.  Nitolbu lkoll flimkien biex tinġieb il-paċi.

Insellem lill-kor taż-żgħażagħ pollakki u ukreni li wasslu l-messaġġ ta’ paċi fis-santwarji franġiskani tat-Toscana, tal-Umbria, tal-Lazio; kif ukoll lil-istudenti tal-“Manhattan College” ta’ New York, lill-grupp tal- Fraterna Domus u lil-fidili minn La Valletta Brianza u Casatenovo.

Jalla l-Verġni Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, ssostni bl-interċessjoni materna tagħha l-impenn tagħna li nkunu operaturi tal-paċi, inwasslu l-paċi.  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba

 u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber