SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA
LVI
JUM DINJI TAL-PAĊI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 1 ta’ Jannar, 2023

 

Għeżeież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba!

Il-bidu ta’ sena ġdida hu offrut lil Marija Santissma, li llum qed niċċelebrawha bħala Omm Alla.  F’dal-ħin nitolbu bil-ħrara l-interċessjoni tagħha partikolarment għall-Papa Emeritu Benedittu XVI, li lbieraħ filgħodu ħalla din id-dinja.  Ningħaqdu flimkien, b’qalb waħda u ruħ waħda, biex niżżu ħajr lil Alla għad-don ta’ dan il-qaddej fidil tal-Evanġelju u tal-Knisja.  Ftit ħin ilu fuq it-tv, fil-programm “A Sua immagine”, konna qed naraw l-attivitajiet kollha u l-ħajja tal-Papa Beneditu.

Filwaqt li għadna qed nikkuntemplaw lil Marija fil-grotta fejn twieled Ġesù, nistgħu insaqsu lilna nfusna: b’liema lingwaġġ qed tkellimna l-Verġni Marija?  X’nistgħu nitgħallmu mingħandha għal dis-siena li qed tibda?  Nistgħu ngħidu: “Madonna, għallimna x’għandna nagħmlu matul dis-sena”.

Fis-sewwa, jekk nosservaw ix-xena li qed tippreżentalna l-Liturġija tal-lum,  ninnutaw li Marija ma titkellimx.  Hi tilqa’ bi stagħġib il-misteru li qed tgħix, iżżomm kollox f’qalbha u, fuq kollox, moħħha fil-Bambin, li – jgħid l-Evanġelju – “kien imqiegħed fil-maxtura” (Lq 2,16).  Dan il-verb “imqiegħed” ifisser li għamlet ġest ta’ ħlewwa, u jgħidilna li l-lingwaġġ propju ta’ Marija hu dak tal-maternità: li tieħu ħsieb tal-Bambin bit-tenerezza.  Dan hu l-kobor ta’ Marija: filwaqt li l-anġli jagħmlu festa, ir-rgħajja jmorru jagħġlu u kulħadd qed ifaħħar lil Alla b’leħen għoli għall-ġrajja li seħħet, Marija tibqa’ fommha sieket, ma tilqax mistednin u toqgħod tispjegalhom x’ġara, ma tisraqx ix-xena – aħna nħobbu ħafna nisirqu x-xena! – bil-maqlub, tqiegħed fiċ-ċentru lit-Tarbija, tieħu ħsiebha bl-imħabba.  Waħda poetessa ktibet dan dwar Marija “kienet taf tkun fommha sieket solennement, (...) għax ma riditx taqla’ għajnejha minn fuq Alla tagħha” (A. Merini, Corpo d’amore.  Un incontro con Ġesù, Milan 2001, 114). 

Dan hu l-lingwaġġ tipiku tal-maternità: it-tenerezza, l-għożża.  Infatti, wara li jġorru f’ġufhom għal disa’ xhur id-don ta’ miraklu misterjuz, l-ommijiet ikomplu jagħtu attenzjoni f’kollox lil uliedhom: imantnuhom, iħaddnuhom f’dirgħajhom, imidduhom bil-ħlewwa fil-benniena.  Tieħu ħsieb b’għożża: dan huwa l-lingwaġġ ta’ Omm Alla wkoll; lingwaġġ ta’ Omm: tieħu ħsieb b’għożża.

Ħuti, bħall-ommijiet kollha, Marija ġġor f’ġufha l-ħajja u, hekk, tkellimna dwar il-ġejjieni tagħna.  Imma fl-isess waqt tfakkarna li jekk verament irridu li s-sena l-ġdida tkun tajba, jekk irrifu nibnu mill-ġdid it-tama, hemm bżonn nabbandunaw il-lingwaġġi, il-ġesti l-għażliet imnebbħin mill-egoiżmu, u nitgħallmu l-lingwaġġ tal-imħabba li jfisser nieħdu ħsieb bl-għożża.  L-għożża hi lingwaġġ ġdid li joħodha kontra l-lingwaġġi tal-egoiżmu.  Dan hu l-impenn: nieħdu ħsieb ħajjitna – kull wieħed u waħda minna jeħtieġ li nieħdu ħsieb ħajjitna -; nieħdu ħsieb il-ħin tagħna, ruħna; nieħdu ħsieb il-maħluq u l-ambjent li ngħixu fih; u, aktar u aktar, nieħdu ħsieb il-proxxmu tagħna, dawk li l-Mulej qiegħed maġenbna, kif ukoll l-aħwa li jinsabu fil-bżonn u qed jitolbu minna attenzjoni u ħniena.  Aħna u nħarsu lejn il-Madonna bil-Bambin, waqt li qiegħda tieħu ħsiebu, nitgħallmu nieħdu ħsieb l-oħrajn, u nieħdu ħsieb tagħna nfusna wkoll, billi nindukraw is-saħħa interjuri tagħna, il-ħajja spiritwali, il-karità.

Aħna w niċċelebraw illum Il-Jum Dinji tal-Paċi, ejjew nerġgħu nsiru konxji mir-responsabbiltà li ġiet afdata f’idejna dwar il-ġejjieni: quddiem il-kriżijiet personali u soċjali li qed ngħixu fihom, quddiem it-traġedja tal-gwerra “għandna sejħa li nagħtu tweġiba għall-isfidi tad-dinja tagħna bir-responsabbiltà u l-kumpassjoni” (Messaġġ għall-LVI Jum Dinji tal-Paċi, 5).  U nistgħu nagħmlu dan jekk nieħdu ħsieb xulxin, u jekk, ilkoll flimkien, nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

Nitolbu bil-ħrara lil Marija Santissma, Omm Alla, sabiex f’din l-epoka mniġġsa min-nuqqas ta’ fiduċja u l-indifferenza, ttina l-ħila nħennu u l-għożża – ħila li jkollna ħniena u ngħożżu -, ħila li “nitqanqlu u nieqfu quddiem l-ieħor kull dabra li jkun meħtieġ” (Eż. App. IL-ferħ tal-Vanġelu, 169).

 

Wara l-Angelus

Lilkom ilkoll li hawn preżenti u lil kulmin hu magħqud magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, nagħtikom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida.  Nesprimi gratitudni kbira lill-President tar-Repubblika, l-Onorevoli Segrio Mattarella, u ninvoka ġid lill-poplu taljan; u l-istess awguri jmorru wkoll lejn il-President tal-Gvern.

F’dal-jum li San Pawlu VI ried li jkun iddedikat għat-talb u r-riflessjoni għall-paċi fid-dinja, inħossu b’qawwa akbar, il-kuntrast intollerabbli tal-gwerra li fl-Ukrajna u f’reġjuni oħra tad-dinja qed tiżra’ mewt u distruzzjoni. Madnakollu, ma nitilfux it-tama, għax għandna l-fidi f’Alla, li f’Ġesù Kristu fetħilna t-triq tal-paċi.  L-esperjenza tal-pandemija tgħallimna li ħadd ma jista’ jsalva bil-ħila tiegħu waħdu, imma li flimkien nistgħu nterrqu moghdijiet ta’ paċi u żvilupp.

Fid-dinja kollha, fil-popli kollha titla’ l-għajta: le għall-gwerra!  Le għar-riarm!  Ir-riżorsi għandhom imorru għall-iżvilupp: is-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni, ix-xogħol.  Fost il-bosta inizjattivi medijin mill-komunitajiet insara, niftakar fil-Marċ nazzjonali li sar ilbieraħ f’Altamura, wara l-erba’ karwani li wasslu s-solidarjetà tagħhom fl-Ukrajna.  Insellem u rrodd ħajr lill-bosta ħbieb tal-Komunità Sant’Egidio, li dis-sena wkoll ġew jagħtu t-testimonjanza tal-impenn tagħhom “għall-paċi fl-artijiet kollha”, hawn u f’bosta bliet tad-dinja.  Grazzi għeżież ħbieb ta’ Sant’Egidio!

Insellem liż-żewġ baned mużikali minn Virginia u mill-Alabama, fl-Istati Uniti tal-Amerika – wara nixtiequ nisimgħuhom!  Insellem liż-żgħażagħ tal-moviment Regnum Christi – grazzi, qed jinstemgħu sew! – minn diversi pajjiżi tal-Amerika u tal-Ewropa; kif ukoll lill-adoloxxenti u l-familji tal-Komunità Ċenaklu, u barka lill-Madre Elvira u lill-komunitajiet kollha.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u s-sena t-tajba.  Tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber