SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANITISSMA OMM ALLA
LV
JUM DINJI TAL-PAĊI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Is-Sibt, 1 ta’ Jannar, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb! Is-sena t-tajba!

Qed nibdew is-sena l-ġdida billi nqegħduha f’idejn Marija, Omm Alla.  L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum ikellimna dwarha, u jeħodna lura lejn is-seħer tal-presepju.  Ir-ragħajja jmorru bla telf ta’ żmien lejn il-grotta u x’isibu?  Isibu – jgħidilna t-test- “lil Marija, lil Ġużeppi u lit-tarbija mimduda fi-maxtura” (Lq 2, 16).  Nieqfu fuq din ix-xena u nimmaġinaw lil Marija li, bħala omm tenera u attenta għadha kif middet bil-ħlewwa lil Ġesù fil-maxtura.  F’dak il-ġest nistgħu naraw rigal mogħti lilna: il-Madonna ma żżommx lil Binha għaliha waħedha, imma tippreżentah lilna; ma toqgħodx tħaddnu biss f’dirgħajha imma tqegħedu (fil-maxtura) biex tistedinna nħarsu lejh, nilqgħuh u nadurawh.  Din hi l-maternità ta’ Marija: l-Iben li twieled toffrih lilna lkoll.  Dejjem tagħti lil Binha, turi lil Binha, qatt ma żżommu għaliha qiesu propjetà tagħha, le.  U hekk jibqa’ jiġri tul il-ħajja kollha ta’ Ġesù.

U hi u tpoġġiehulna quddiem għajnejna, bla ma tlissen kelma, ittina messaġġ stupend: Alla huwa qrib, fejn nistgħu nilħquh.  Ma jiġix bis-setgħa ta’ xi ħadd li jrid lil min jibża’ minnu, imma bid-dgħufija ta’ min jitlob li jkun maħbub; ma jagħmilx ħaqq minn fuq xi tron imma jħares lejna minn isfel bħala ħuna, anzi, bħala l-iben tagħna.  Jitwieled ċkejken u fil-bżonn sabiex ħadd ma jkollu għalfejn jistħi minnu nnifsu: propju meta nġarrbu l-esperjenza tad-debbulizzi tagħna, tad-dgħufija tagħna, inkunu nistgħu nħossu lil Alla aktar qribna, għax hekk deher għalina, dgħajjef u fraġli.  Huwa l-Alla-tfajjel li jitwieled biex ma jħalli barra lil ħadd.  Biex jagħmilna lkoll aħwa.

Hekkhu, allura: is-sena l-ġdida tibda b’Alla, li f’digħrajn Marija u mqiegħed bil-ħlewwa f’maxtura, jinkoraġġina bit-tenerezza.  Għandna bżonnu dan l-inkoraġġiment.  Għadna qed ngħixu fi żminijiet inċerti u diffiċli minħabba l-pandemija.  Ħafna qed jibżgħu mill-ġejjieni u jinsabu mtaqqlin mis-sitwazzjonijiet soċjali, minn problemi personali, minn perikli ġejjin mill-kriżi ekoloġika, minn inġustizzji u żbilanċ ekonomiku planetarju.  Jien u nħares lejn Marija b’Binha f’dirgħajha niftakar fl-ommijiet żgħażagħ u wliedhom ċkejknin li qed jaħarbu mill-gwerer u l-karestiji jew jinsabu jistennew fil-kampijiet tar-rifuġjati.  Huma bosta!  U jien u nikkuntempla lil Marija hi u tqiegħed bil-ħlewwa lil Ġesù fil-maxtura, u tqegħedu għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd, niftakru li d-dinja tinbidel u l-ħajja ta’ kulħadd titjieb biss, jekk aħna nqegħedu lilna nfusna għad-dispożizzjoni tal-oħrajn bla ma nistennew li jibdew jagħmlu hekk huma.  Jekk insiru artiġjani tal-fraternità, nistgħu nerġgħu ninsġu mill-ġdid il-ħjut tad-dinja mċarrta mill-gwerer u l-vjolenza.

Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Paċi.  Il-paċi hi “taħlita ta’ rigal mis-sema u l-frott ta’ impenn reċiproku” (Messaġġ għall-LV Jum Dinji tal-Paċi, 1).  Rigal mill-għoli: irridu nitolbu għaliha lil Ġesù b’ħerqa kbira għax waħedna ma naslux li nħarsuha.  Il-paċi nistgħu nibnuha verament biss, jekk diġà tinsab f’qalbna, biss, jekk nirċevuha mingħand il-Prinċep tal-paċi.  Imma l-paċi hi wkoll impenn għalina: titlobna nagħmlu l-ewwel pass, titlob minna ġesti konkreti.  Tinbena billi nagħtu attenzjoni lil tal-aħħar, billi nsaħħu l-ġustizzja, bil-kuraġġ tal-maħfra li titfi n-nar tal-mibegħda.  U titlob minna wkoll attitudni pożittiva: li nħarsu dejjem – fil-Knisja kif ukoll fis-soċjetà – mhux lejn il-ħażen li jifridna, iżda lejn it-tajjeb li jista’ jgħaqqadna!  Ma jiswa xejn li naqtgħu qalbna jew li ngemgmu, imma għandna nxammru l-kmiem biex nibnu l-paċi.  Omm Alla, Sultana tal-Paċi, fil-bidu ta’ din is-sena, ġġibilna l-armonija fi qlubna u fid-dinja kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fil-bidu ta’ sena ġdida nawgura lil kulħadd il-paċi, li fiha tiġbor kull ġid.  Paċi!  Irrodd minn qalbi u bi gratitudni t-tislima li tani l-President tar-Repubblika Taljana, Sergio Mattarella, u niżgura talbi għalih u għall-poplu taljan.

Illum hu l-Jum Dinji tal-Paċi li kien tnieda minn San Pawlu VI fl-1968.  Fil-messaġġ ta’ dis-sena sħaqt li l-paċi tinbena bid-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, bl-edukazzjoni u bix-xogħol.  Mingħajr dawn it-tlett elementi, s-sies ikun bla saħħa.

Irrodd ħajr għall-inizjattivi kollha li tniedew fid-dinja fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum, dejjem b’rispett lejn is-sitwazzjoni tal-pandemija; b’mod partikolari l-Velja li saret ilbieraħ filgħaxija fil-Katidral ta’ Savona bħala espressjoni tal-Knisja fl-Italja.

Insellem lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni “Paċi fl-artijiet kollha”, li organizzat il-Komunità ta’ Sant’Egidio hawn f’Ruma u f’bosta nħawi oħra tad-dinja – bravi dawn ta’ Sant’Egidio, veramnet bravi! – b’kollaborazzzjoni mad-Djoċesijiet u l-parroċċi.  Grazzi tal-preżenza tagħkom u tal-impenn tagħkom!

U nsellem lilkom ilkoll, għeżież rumani u pellegrini!  Insellem liż-żgħażagħ minn Curtatone, lill-familji minn Forlimpopoli, lill-fidili minn Padova u ‘l dawak minn Comun Nuovo, qrib Sotto il Monte – patrija ta’ San Ġwanni XXIII, il-Papa tal-Enċiklika Pacem in Terris, li hi attwali llum daqs qatt qabel!

Nerġgħu lura lejn id-dar bil-ħsieb: paċi, paċi, paċi!  Hemm bżonn il-paċi.  Kont qed nara l-clips fil -progamm televiżiv “A sua immagine”, illum kienu dwar il-gwerra, l-itturufnati, il-miżerji...  U dan qed iseħħ illum fid-dinja.  Irridu l-paċi!

Awguri lil kulħadd!  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Is-sena t-tajba!  L-ikla t-tajba u arrivederci għal għada.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber