SOLENNITÀ TA' MARIJ SANTISSMA OMM ALLA

LIV JUM DINJI TAL-PAĊI

IL-PAPA FRANĠISK

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appsotoliku

Il-Ġimgħa, 1 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba!

Qed nibdew sena ġdida taħt il-ħarsa materna u mimlija mħabba ta' Marija Santissma, li llum il-liturġija tiċċelebraha bħala Omm Alla.  B'hekk nibdew mill-ġdid il-mixja għal għonq il-medda taż-żmien, billi l-ansjetajiet tagħna u t-turmenti tagħna noffruhom lil Dik li tista' kollox.  Marija tħares lejna bit-tenerezza materna bl-istess ħarsa li biha kienet tħares lejn binha Ġesù.  U jekk aħna nħarsu lejn il-presepju (idur iħares lejn il-presepju fis-sala), naraw li Ġesù mhux qiegħed fil-benniena, u jgħidu li l-Madonna qalet: "Ħalluni nżommu ftit f'dirgħajja lil dan ibni?"  U l-Madonna l-istess tagħmel magħna: trid iżżommna f'dirgħajha biex tħarisna kif kienet tħares u tħobb lil Binha.  Il-ħarsa ta' faraġ u konsolazzjoni tal-Verġni Qaddisa hi inkoraġġiment biex nagħmlu ħilitna ħalli dan iż-żmien, irregalat lilna mill-Mulej, ikun ta' fejda għat-tisħiħ uman u spiritwali tagħna, ikun żmien biex inneħħu l-mibgħeda u l-firdiet - kemm hemm minnhom - ikun żmien  biex aħna nħossuna lkoll aktar aħwa, ikun żmien li fih nibnu u mhux inkissru, nieħdu ħsieb xulxin u l-maħluq.  Żmien li fih inkattru, żmien ta' paċi.

It-tema tal-Jum Dinji tal-Paċi li qed niċċelebraw illum hi dedikata propju lill-kura tal-proxxmu u tal-ħolqien: il-kultura tal-kura bħala t-triq tal-paċi.  Il-ġrajjiet ta' niket li ħallew marka fuq il-mixja tal-umanità fis-sena li ntemmet, speċjalment il-pandemija, hu tagħlima għalina biex nindunaw kemm hu meħtieġ li ninteressaw ruħna fil-problemi tal-oħrajn u naqsmu magħhom il-preokkupazzjonijiet tagħhom.  Dan l-atteġġjament jirrappreżenta t-triq li tmexxina lejn il-paċi għax jiffavorixxi l-bini ta' soċjetà mibnija fuq relazzjonijiet ta' fratellanza.  Kull wieħed u waħda minna, irġiel u nisa ta' daż-żmien, aħna msejħin biex inġibu l-paċi: kull wieħed u waħda minna, ma nistgħux nibqgħu indifferenti għal dan.  Ilkoll kemm aħna għandna s-sejħa li nġibu l-paċi u li nwettquha kuljum u f'kull ambjent tal-ħajja, billi nnewlu jdejna lil ħuna fil-bżonn ta' kelma ta' faraġ, ġest ta' tenerezza, għajnuna solidali.  U dan għalina hu dmir mogħti lilna minn Alla. Il-Mulej jagħbbina bid-dmir li nkunu operaturi tal-paċi.

U l-paċi tista' tinbena jekk nibdew billi nkunu paċi magħna nfusna - fil-paċi internament, fi qlubna - u ma' kull min hu qribna, billi nneħħu l-ostakli li minħabba fihom ma nkunux nistgħu nieħdu ħsieb min ikun fil-bżonn jew fil-faqar.  Ifisser li jeħtieġ niżviluppaw mentalità u kultura "tal-attenzjoni", bl-għan li ngħelbu l-indifferenza, li ngħelbu l-iskart u r-rivalità - indifferenza, skart, rivalitajiet - li sfortunatament qed isaltnu.  Inwarrbu dawn l-atteġġjamenti.  U b'hekk il-paċi ma tkunx biss in-nuqqas tal-gwerer.  Il-paċi qatt mhi sterili, le, ma teżistix il-paċi tal-"quirofano" (kelma bl-Ispanjol li tfisser "is-sala tal-operazzjonijiet").  Il-paċi hi mwaħħda mal-ħajja: mhijiex biss in-nuqqas tal-gwerra, iżda hi ħajja għanja bis-sens, imsejsa u mgħejxa fit-twettiq tal-milja personali u l-qsim fratern mal-oħrajn.  Allura, dik il-paċi tant mixtieqa u dejjem fil-periklu minħabba l-vjolenza, l-egoiżmu u l-ħruxija, dik il-paċi li tkun tinsab fil-periklu ssir possibbli u tkun tista sseħħ jekk jiena naraha bħala dmir mogħti lili minn Alla.

Il-Verġni Marija, li welldet lill-Prinċep tal-Paċi (Iż 9,6) u li tbennu hekk, b'tant tenerezza fuq dirgħajha, taqlgħalna mis-sema il-ġid prezzjuz tal-paċi li bil-ħiliet tal-bniedem waħdu qatt ma tista' tintlaħaq fil-milja tagħha.  Il-forzi umani waħedhom mhumiex biżżejjed, għax qabel kollox il-paċi hi don, rigal t'Alla; għandna nitolbu bil-ħrara għaliha bit-talb ma jaqta' xejn,  imweżnuha bi djalogu mimli paċenzja u rispett, nibnuha bil-kollaborazzjoni miftuha għall-verità u l-ġustizzja u dejjem attenta għall-aspirazzjonijiet leġittimi tal-persuni u tal-popli.  L-awgurju tiegħi hu li ssaltan il-paċi fil-qlub tal-bnedmin u fil-familji; fil-postijiet tax-xogħol u tad-divertiment; fil-komunitajiet u bejn in-nazzjonijiet: paċi, paċi.  Ninsabu fi żmien fejn naħsbu li l-ħajja llum nistgħu nirranġawha bil-gwerer, bir-rivalitajiet ħorox, b'tant affarijiet ta' qerda....  Irridu l-paċi. U din hi rigal.

Fil-bidu ta' dis-sena, insellem u nawgura minn qalbi li s-sena 2021 tkun waħdna hienja u serena.  Kull wieħed u waħda minna naraw illi din tkun sena ta' solidarjetà fraterna u paċi għal kulħadd: sena miżgħuda bi stennija fiduċjuża u tamiet, li aħna nafdaw fil-protezzjoni ta' Marija, Omm Alla u Ommna.

 

Waral-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Lilkom ilkoll, magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, intikom l-awguri ta' paċi u hena għas-sena l-ġdida.

Irrodd ħajr lill-President tar-Repubblika Taljana, l-Onorevoli Sergio Mattarella, għall-awguri li tani lbieraħ filgħaxija waqt il-messaġġ tal-aħħar tas-sena, u jiena rroddhom lura minn qiegħ qalbi.

Jien grat għal kull min, f'kull rokna tad-dinja, bir-rispett lejn ir-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija, organiżża waqtiet ta' talb u riflessjoni fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Paċi tal-lum.  Qed niftakar, b'mod partikolari, fil-mixja virtwali tal-bieraħ filgħaxija, organiżżata mill-Isqfijiet Taljani, il-Pax Christi, il-Caritas u l-Azzjoni Kattolika; kif ukoll dik li kien hawn dalgħodu, imnedija mil-Komunità Sant'Egidio f'kollegament streaming mondjali.  Grazzi lil kulħadd għal dawn u tant inizjattivi oħra favur ir-rikonċiljazzjoni u l-ftehim bejn il-popli.

F'dal-kuntest nesprimi n-niket u t-tħassib tiegħi għall-fatt li l-vjolenza fil-Yemen ħraxet ħafna u qed tħalli warajha għadd kbir ta' vittmi innoċenti u nitlob biex ikun hemm impenn ħalli jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu li terġa' tibda ssaltan il-paċi fost dawk il-popolazzjonijiet itturmentati.  Ħuti, niftakru fit-tfal tal-Yemen!  Mingħajr edukazzjoni, mingħajr mediċini, imġewħin.  Nitolbu għall-Yemen flimkiem.

Nistedinkom ukoll biex tingħaqdu bit-talb mal-Arċidjoċesi ta' Owerri, fin-Niġerja, għall-Isqof Monsinjur Moses Chikwe u s-sewwieq tiegħu, li nħatfu dawn l-aħħar ġranet.  Nitolbu lill-Mulej biex huma u kull min hu vittma ta' atti bħal dawn fin-Niġerja jerġgħu lura liberi, qawwijin u sħaħ u sabiex dak il-pajjiż għażiż jikseb lura s-sigurtà, il-ftehim u l-paċi.

Nagħti tislima speċjali lill-"iStrernsinger", "il-Kantanti tal-Kewkba", tfal u adoloxxenti li fil-Ġermanja u l-Awstrija, minkejja li ma setħux iżuru l-familji fi djarhom, sabu mod kif iwasslulhom l-aħbar hienja tal-Milied u jiġbru donazzjonijiet għal tapmarhom li jinsabu fil-bżonn

Nawgura lil kulħadd sena ta' paċi u tama, bil-protezzjoni ta' Marija, l-Omm Qaddisa ta' Alla.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber