IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

il-Ħadd, 10 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed nagħmlu l-festa tal-Magħmudija tal-Mulej,  Ftit jiem ilu ħallejna lil Ġesù Bambin waqt iż-żjara li għamlulu l-Maġi; illum qed insibuh adult fix-xatt tal-Ġordan.  Il-liturġija tagħmel qabża ta' bejn wieħed u ieħor, tletin sena, tletin sena li dwarhom nafu ħaġa: kienu snin ta' ħajja moħbija, li Ġesù għadda fi ħdan il-familja tiegħu - parti minnhom, fil-bidu, fl-Eġittu, bħala migrant li kien qed jaħrab mill-persekuzzjoni ta' Erodi, oħrajn f'Nażaret, fejn kien jitgħallem is-sengħa ta' Ġużeppi - fil-familja jobdi lill-ġenituri tiegħu, jistudja u jaħdem.  Jolqtok il-fatt li l-biċċa l-kbira ta' ħajtu fuq l-art il-Mulej għaddieha b'dal-mod, jgħix il-ħajja ta' kuljum, bla dieher.  Nosservaw li skont l-Evanġelji, kienu tlieta s-snin li għadda jipprietka, jagħmel il-mirakli u ħafna aktar.  Tlieta.  U l-oħrajn, l-oħrajn kollha, ħajja moħbija fil-familja.  Huwa messaġġ sabih għalina: jurina l-kobor tal-ħajja ta' kuljum, l-importanza ta' kull ġest u kull waqt tal-ħajja f'għajnejn Alla, anki dawk l-aktar sempliċi, dawk l-aktar moħbija.

Wara dawn it-tletin sena ta' ħajja moħbija tibda l-ħajja pubblika ta' Ġesù.  U tibda propju bil-magħmudija fix-xmara Ġordan.  Imma Ġesù hu Alla, għaliex ried jitgħammed?  Il-magħmudija ta' Ġwanni kienet rit penitenzjali, kienet sinjal tar-rieda li bniedem irid jikkonverti, ikun aħjar, jitlob maħfra għal dnubietu.  Ġesù żgur li ma kellux bżonn jagħmel dan.  Infatti l-Battista jipprova jopponi, imma Ġesù jinsisti.  Għaliex?  Għaliex irid ikun mal-midinbin: għalhekk hu joqgħod fil-kju magħhom u jagħmel l-istess ġest li jagħmlu huma.  Jagħmel hekk bl-istess atteġġjament tal-poplu, bl-atteġġjament tagħhom li, kif jgħid innu liturġiku, kien joqrob "bi spirtu għeri u ħafi".  L-ispirtu għeri, jiġifieri bla ebda għata, hekk, midneb.  Dan hu l-ġest li jagħmel Ġesù, u jinżel fix-xmara biex 'jogħdos' fl-istess kundizzjoni tagħna.  Il-kelma magħmudija infatti, tfisser propju "immersjoni".  fl-ewwel jum tal-ministeru tiegħu Ġesù jurina "l-programm" tiegħu.  Jgħidilna li Hu ma jsalvniex mill-għoli, b'xi deċiżjoni sovrana jew b'xi att ta' forza, b'xi digriet, le:  Hu jsalvana billi jiġi jiltaqa' magħna u billi jitgħabba bi dnubietna.  Dan hu l-mod li bih Alla jegħleb il-ħażen tad-dinja: billi jiċċekken, billi jitgħabba bih.  Dan hu l-mod li bih aħna nistgħu 'nerfgħu' lill-oħrajn: billi ma niġġudikawx, billi ma nikkmandawx x'għandu jsir, imma billi nkunu qrib, nikkumpatixxu, naqsmu mal-oħrajn l-imħabba t'Alla.  Il-qrubija hi l-istil ta' Alla magħna: Hu stess qalu lil Mosè: "Aħsbu ftit, liema poplu għandu l-allat qrib tiegħu bħalma jien qrib tagħkom?".  L-istil ta' Alla magħna huwa l-qrubija.

Wara dan il-ġest ta' kumpassjoni ta' Ġesù tiġri xi ħaġa straordinarja: is-smewwiet jiċċartu u fl-aħħar tidher it-Trinità.  L-Ispirtu s-Santu jinżel f'għamla ta' ħamiema (cfr Mk 1,10) u l-Missier jgħid lil Ġesù: "Int Ibni l-maħbub" (v. 11).  Alla jimmanifesta ruħu fil-mument li fih tidher il-ħniena.  Tinsewhiex din:  Alla juri ruħu fil-ħin li tidher il-ħniena, għax dak hu wiċċu.  Ġesù jsir qaddej tal-midinbin u jkun dikjarat Iben; jiċċekken magħna u l-Ispirtu jinżel fuqu.  L-imħabba ssejjaħ l-imħabba.  Jgħodd għalina wkoll: f'kull ġest ta' qadi, f'kull opra ta' ħniena li nagħmlu, hemm jidher Alla, Alla jitfa' ħarstu fuq  id-dinja.  Dan jgħodd għalina.

Imma qabel ma nagħmlu kull ħaġa, ħajjitna hi mmarkata mill-ħniena li strieħet fuqna.  Aħna ġejna salvati gratwitament.  Is-salvazzjoni hi b'xejn.  Huwa l-ġest gratwit tal-ħniena t'Alla magħna.  Sagramentalment dan isir fil-jum tal-Magħmudija tagħna; imma dawk li mhumiex mgħammdin ukoll jirċievu l-ħniena t'Alla, dejjem, għax Alla qiegħed hemm, jistenna li jinfetħu l-bibien tal-qlub.  Joqrob, nasal ngħid, imellisna bil-ħniena tiegħu.

Il-Madonna, li issa se nitolbuha, tgħinna nħarsu l-identità tagħna, jiġifieri l-identità li aħna "rċevejna l-ħniena" li hi s-sies tal-fidi u tal-ħajja.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

nagħti tislima minn qalbi lill-poplu tal-Istati Uniti tal-Amerika, mifxul minħabba l-assedju ta' dan l-aħħar fuq il-bini tal-Kungress.  Niltob għal dawk li tilfu ħajjithom - ħamsa - tilfuha waqt dawk il-waqtiet drammatiċi.  Intenni li l-vjolenza dejjem hi qerda minnha nfisha.  Xejn ma jinkiseb bil-vjolenza, anzi, iġġib ħafna telf.  Inħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istat u lill-popolazzjoni kollha kemm hi biex biex ikollhom sens ta' responsabbiltà kbir, bl-għan li jitberrdu l-irjus, jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u jħarsu l-valuri demokratiċi li hemm fl-għeruq tas-soċjetà amerikana.  Jalla l-Verġni Immakulata, Patruna tal-Istati Uniti, żżomm ħajja l-kultura tal-laqgħa, il-kultura tal-kura, bħala t-triq ewlenija biex kulħadd flimkien jibni l-ġid komuni; u jalla tagħmel dan ma' kull min jgħix f'dik l-art.

U issa nsellem minn qalbi lilkom ilkoll, li intom magħqudin permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  Kif tafu, minħabba l-pandemija, illum ma stajtx niċċelebra bħas-soltu l-Magħmudijiet fil-Cappella Sistina.  Madankollu nixtieq li xorta waħda naċċerta li qed nitlob għal dawk it-trabi li kienu mniżżlin fil-lista u għall-ġenituri tagħhom, u l-parrini; u nestendi talbi għat-tfal kollha li daż-żmien qed jirċievu l-Magħmudija, qed jirċievu l-identità nisranija, qed jirċievu l-grazzja tal-maħfra tar-redenzjoni.  Alla jbierek lil kulħadd.

U għada, għeżież ħuti, issa li ġie fi tmiemu Żmien il-Milied, nerġgħu nibdew il-mixja liturġika taż-Żmien Ordinarju.  M'għandniex ngħejew nitolbu għad-dawl u għall-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, sabiex jgħinna ngħixu bl-imħabba kull ħaġa ta' kuljum u b'hekk nagħmulha straordinarja.  Hija l-imħabba li tibdel: kulma hu ordinarju se jkompli jidher bħala ħaġa ordinarja, imma meta jsir bl-imħabba jsir straordinarju.  Jekk nibqgħu miftuħin, doċli, għall-Ispirtu s-Santu, Hu jdawwal ħsibijietna u l-azzjonijiet tagħna tal-ħajja ta' kuljum.

Naguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titlobu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber