SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ġimgħa, 6 ta’ Jannar, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Illum, solennità tal-Epifanija, l-Evanġelju jkellimna dwar il-Maġi, li meta waslu Betlehem, fetħu r-rigali u lil Ġesù offrewlu deheb, inċens u mirra (cfr Mt 2, 11).  Dawn l-għorrief mill-Orjent huma famużi minħabba r-rigali li tawh; iżda, meta naħsbu fl-istorja tagħhom, nistgħu ngħidu li huma, qabel kollox, jirċievu tlett rigali: huma rċevew tliet doni, tliet doni prezzjużi li jolqtu lilna wkoll.  Jagħtu deheb, inċens u mirra, imma liema huma t-tlett rigali li rċevew?

L-ewwel don hu dak tas-sejħa.  Il-Maġi ma ġarrbuhiex għax kienu qraw l-Iskrittura jew għax kellhom xi viżjoni mill-anġli, imma ħassewha huma u jistudjaw il-kwiekeb.  Dan jurina ħaġa importanti: Alla jsejħilna permezz tal-aspirazzjonijiet tagħna u permezz tal-akbar xewqat tagħna.  Il-Maġi baqgħu mistgħaġbin u skomodaw ruħhom min-novità tal-kewkba u telqu jimxu lejn xi ħaġa li ma kienux jafu biha.  Nies ta’ kultura u għerf, baqgħu msaħħrin aktar minn dak li ma kinux jafu milli minn dak li kienu jafu diġà: infetħu għal dak li ma kinux jafu bih.  Ħassew sejħa biex imorru aktar ‘l hin, ħassew li ma kinux kuntenti jibqgħu fejn kienu, imma ħassew is-sejħa li jmorru aktar ‘l hinn.  Dan hu importanti għalina wkoll: aħna msejħin biex ma nikkuntentawx, biex infittxu l-Mulej billi ninsew il-kumditajiet  nimxu lejh flimkien mal-oħrajn billi ninżlu fil-qiegħ tar-realtà.  Għax Alla jsejjaħ kuljum, hawnhekk u llum.  Alla qed isejħilna, isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna, kuljum, qed isejħilna hawnhekk u jsejħilna llum, fid-dinja li ninsabu fiha.

Iżda l-Maġi jkellmuna wkoll dwar it-tieni don: id-dixxerniment.  Ladarba kienu qed ifittxu re, imorru Ġerusalemm jitkellmu mar-re Erodi, illi hu bniedem miklub għas-setgħa u jrid jużahom biex jelimina lill-Messija Tarbija.  Imma l-Maġi ma jippermettux li Erodi jidħak bihom.  Jafu jagħmlu għażla bejn l-għan tal-mixja tagħhom u t-tentazzjonijiet li jsibu tul triqithom.  Setgħu baqgħu hemm, fil-plazz ta’ Erodi, kalmi: imma le, baqgħu sejrin.  Iħallu l-palazz ta’ Erodi u, attenti għas-sinjali ta’ Alla me jerġgħux lura hemmhekk, imma jmorru lura minn triq oħra (cfr v. 12).  Kemm hu importanti, ħuti, li nkunu nafu niddistingwu bejn l-għan tal-ħajja u t-tentazzjonijiet tal-mixja, biex nifhmu u nagħżlu t-toroq ta’ Alla!  Id-dixxerniment hu don kbir, qatt m’għandna ngħejjew nitolbu għad-dixxerniment fit-talb tagħna.  Nitolbu dil-grazzja!  Mulej, tina l-ħila li niddexxrnu bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn kulma hu l-aħjar u dak li mhux.

Fl-aħħar il-Maġi jkellmuna wkoll dwar it-tielet don: is-sorpriża.  Wara vjaġġ twil, dawn l-irġiel ta’ klassi soċjali għolja xi jsibu?  Tarbija flimkien ma ommha (cfr v. 11): xena ċertament tenera, imma xejn ta’ stagħġib!  Ma jarawx l-anġli bħar-rgħajja, imma jiltaqgħu mal-Mulej fil-faqar.  Forsi kienu qed jistennew Messija qawwi u setgħani, u jsibu tarbija.  Madankollu ma jgħaddilhomx minn moħhom li żbaljaw, irnexxilhom jagħrfuh.  Jilqgħu s-sorpriża ta’ Alla u bi stagħġib jgħixu l-laqgħa tagħhom miegħu, u jadurawh: fiċ-ċokon jagħrfu l-wiċċ ta’ Alla. Umanament aħna inklinati li nfittxu s-setgħa, imma hu rigal li nagħrfu nsibuha verament: nagħrfu nsibu l-kobor fiċ-ċokon li Alla tant iħobb.  Għax il-Mulej hekk niltaqgħu miegħu: fl-umiltà, fis-silenzju, fl-adorazzjoni, fiż-żgħar, fil-foqra.

Ħuti, ilkoll għandna sejħa – l-ewwel don: is-sejħa – mingħand Ġesù; ilkoll nistgħu niddixxernu – it-tieni don, id-dixxerniment -, niddixxernu l-preżenza tiegħu; ilkoll nistgħu nġarrbu s-sorpriżi tiegħu – it-tielet don, is-sorpriża.  Illum ikun sabih li dawn inżommuhom f’moħħna: is-sejħa, id-dixxerniment u s-sorpriża, doni li diġà rċevejna: nerġgħu naħsbu dwar meta ġarrabna s-sejħa t’Alla f’ħajjitna; inkella meta, forsi wara ħafna tbatija, irnexxilna niddixxernu leħnu; jew ukoll, xi sorpriża li ma nistgħux ninsewha li għamlilna, li ħallietna mistagħġbin. Il-Madonna tgħinna niftakru u nħarsu d-doni li rċevejna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Minn qalbi nagħti l-isbaħ xewqat lill-komunità tal-Knejjes Orjentali, kemm kattoliċi u ortodossi, li għada se jiċċelebraw il-Milied tal-Mulej.  Irrid li dawn ix-xewqat jaslu b’mod partikolari lill-ħutna tal-poplu ukren li għaddej minn martirju.  Jalla t-twelid tal-Mulej isawwab il-faraġ u jħawwel it-tama; u jispira passi konkreti li fl-aħħar jistgħu jwasslu għat-tmiem tat-taqbid u għall-paċi. Nitolbu ħafna għall-Ukrajna u għall-paċi.

Fil-jum tal-Epifanija niċċelebraw ukoll il-Jum Missjunarju Dinji tat-Tfal.  Insellem lit-tfal kollha subien u bniet, lill-adoloxxenti, li f’kull rokna tad-dinja jifirxu l-ferħ li huma ħbieb ta’ Ġesù u li bit-talb, sagrifiċċji u offerti jimpenjaw ruħhom biex ikun ta’ fejda għall-missjunarji tal-Evanġelju.

Insellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi diversi.  Insellem partikolarment lill-korteo storiku-folkloristiku “Viva la Befana”, li dis-sena kien organizzat mill-Komun ta’ Foligno bit-temi tal-paċi, tas-solidarjetà u l-fratellanza bejn il-popli.  Irrodd ħajr lis-Sindku u lill-Isqof ta’ Foligno flimkien mal-awtoritajiet, l-assoċjazzjonijiet, l-istudenti tal-iskejjel, lill-baned mużikali u lil kull min jieħu sehem fil-manifestazzjoni storika “Giostra della Quintana”.  U ndawwar ħsiebi wkoll lejn il-“Korteo tar-Re Maġi” li llum isir f’tant bliet u rħula tal-Polonja.

Insellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Romano di Lombardia, l-Assoċjazzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Familji minn Podenzano (djoċesi ta’ Piacenza), lill-ħbieb u l-volontarji tal-“Fraterna Domus.  U nsellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber