IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 25 ta’ Frar, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum, it-tieni Ħadd tar-Randan, jippreżentalna l-episodju tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (cfr Mk 9,2-10).

Wara li ħabbar il-Passjoni tiegħu lid-dixxipli, Ġesù jieħu miegħu lil Pietru lil Ġakbu u ‘l Ġwanni, jitla’ fuq l-għolja u hemm juri ruħu fiżikament fid-dawl kollu tiegħu.  B’hekk jurihom is-sens ta’ dak li kienu għexu flimkien sa dak il-waqt.  Il-predikazzjoni tas-Saltna, il-maħfra tad-dnubiet, il-fejqan u s-sinjali li saru, infatti, kienu xrar ta’ dawl ferm akbar:  id-dawl ta’ Ġesu, id-dawl li hu Ġesù.  U d-dixxipli qatt aktar ma kellhom iwarrbu għajnejhom minn dan id-dawl, speċjalment fil-waqtiet tal-prova, bħalma kienu dawk qrib, tal-Passjoni.

Dan hu l-messaġġ: qatt taqla’ għajnejk minn fuq id-dawl ta’ Ġesù.  Ftit jew wisq bħalma kienu jagħmlu l-bdiewa fl-imgħoddi, li waqt il-ħrit kienu jwaħħlu għajnejhom fuq xi punt preċiz quddiemhom u b’hekk ir-raddiet kienu jagħmluhom dritti.  Aħna l-insara msejħin biex nagħmlu l-istess fil-mixja tal-ħajja: qatt ma nwarrbu lil Ġesù minn quddiem għajnejna.

Ħuti, ninfetħu għad-dawl ta’ Ġesù!  Ġesù huwa mħabba, huwa ħajja bla tmiem.  Tul il-mogħdijiet tal-eżistenza, kultant imħattba, infittxu wiċċu mimli ħniena, fedeltà, tama.  Jgħinna nagħmlu dan it-talb, is-smigħ tal-Kelma, is-Sagramenti: it-talb, is-smigħ tal-Kelma u s-Sagramenti jgħinuna nżommu għajnejna fissi fuq Ġesù.  U dan hu proponiment tajjeb għar-Randan: nikkultivaw ħars miftuħ, insiru “bnedmin li jfittxu d-dawl”, li jfittxu d-dawl ta’ Ġesù fit-talb u fil-bnedmin l-oħra.

Allura nsaqsu: fil-mixja tiegħi inżomm ħarsti fissa fuq Kristu li dejjem jakkumpanjani?  U biex nagħmel dan, inħalli spajzu għas-silenzju, għat-talb, għall-adorazzjoni?  Fl-aħħar, immur inħuf biex infittex imqar l-iċken raġġ tad-dawl ta’ Ġesù, li jirrifletti fija u f’kull wieħed u waħda minn dawk li niltaqa’ magħhom?  Niftkakar li għandi niżżi ħajr lill-Mulej għal dan kollu?

Marija, li tiddi bid-dawl ta’ Alla, tgħinna nżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù u biex inħarsu lejn xulxin bil-fiduċja u bl-imħabba.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ, 24 ta’ Frar, b’niket fakkarna t-tieni anniversarju mill-bidu ta’ gwerra mifruxa fl-Ukrajna.  Kemm vittmi, nies midrubin, qerda, skarsezza, dmugħ, fi żmien li qed jitwal b’mod terribbli u li għad ma jidhirx riesaq lejn it-tmiem!  Hi gwerra li mhux qed teqred biss dak ir-reġjun tal-Ewropa, imma qed tnissel mewġa ta’ biża’ u mibgħeda.  Filwaqt li nġedded l-għożża kbira tiegħi lill-poplu ukren mikdud għall-aħħar u nitlob għal kulħadd, partikolarment għall-għadd bla qies ta’ vittmi innoċenti, nitlob bil-ħerqa li tinstab dik ix-xrara ta’ umanità li tippermetti li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal soluzzjoni dilpomatika u għat-tfittxija tal-paċi ġusta u dejjiema.  U, ħuti, ma ninsewx nitolbu għall-Palestina, għal Iżrael u għal tant popli mbiċċrin bil-gwerra, u ngħinu konkretament lil min qed ibati!  Niftakru f’tant tbatija, niftakru fit-tfal midruba, innoċenti.

Qed insegwi bi preokkupazzjoni ż-żjieda tal-vjolenza fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.  Ningħaqad mal-istedina tal-Isqfijiet fit-talb għall-paċi, waqt li nawgura li jieqaf il-ġlied u t-tfittxija ta’ djalogu sinċier u kostruttiv.

Qed ikun ta’ nkwiet il-ħtif ta’ persuni dejjem jiżdied fin-Niġerja.  Lill-poplu niġerjan nesprimilu l-qrubija tiegħi bit-talb, u nawgura li jkun hemm impenn serju biex il-firxa ta’ dawn l-episodji titnaqqas kemm jista’ jkun.

Jien qrib ukoll tal-popolazzjoni tal-Mongolja li ntlaqtet minn mewġa ta’ kesħa kbira li qed ikollha konsegwenzi umanitarji gravi.  Dal-fenomenu estrem ukoll hu sinjal tat-tibdil fil-klima u tal-effetti tiegħu.  Il-kriżi tal-klima hi problema soċjali globali, li tolqot fil-laħam il-ħaj il-ħajja ta’ bosta minn ħutna, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa: nitolbu biex jibdew isiru għażliet għaqlin u kuraġġużi għall-ħarsien tal-maħluq.

Insellem lilkom, fidili minn Ruma u minn bosta nħawi tad-dinja, speċjalment lill-pellegrini minn Jaén (Spanja), liż-żgħażagħ greko-kattoliċi rumeni minn Pariġi, lill-Komunità Neokatekumenali mill-Polonja, mir-Rumanija u mill-Italja.

Insellem lis-Seminarju Pontifiċju Inter-reġjonali Campano, minn Posillipo, lis-Segretarjat tal-Forum Internazzjonali tal-Azzjoni Kattolika, lill-iScouts minn Paliano u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Lastra Signa, Torre Maina u Gorzano.

Insellem ukoll lill-Federazjzoni Taljana Mard Rari, liċ-Ċircolo Kulturali “Reggio Ricama”, lill-membri tal-Moviment Nonvjolenti u lill-volontarji tal-Assoċjazzjoni N.O.E.T.A.A.  Insellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber