DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 
LILL-MEMBRI TAL-KORP DIPLOMATIKU AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE
GĦALL-BDIL TAL-AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA

Awla tal-Benedizzjoni
It-Tnejn, 9 ta’ Jannar, 2023

 

Eminenza, Eċċellenzi, Sinjuri

Irroddilkom ħajr għall-preżenza tagħkom għal dan l-appuntament tas-soltu, li dis-sena nixtieq li jkun invokazzjoni għall-paċi fid-dinja li qed tara l-firdiet u l-gwerer jiżdiedu.

Jien grat partikolarment lejn id-Dekan tal-Korp Diplomatiku, l-Eċċellenza Tiegħu is-Sur Georges Poulides, għall-awguri li tani f’isimkom ilkoll.  It-tislima tiegħi tmur lejn kull wieħed u waħda  minnkom, lejn il-familji tagħkom, il-kollaboraturi u l-popli u l-gvernijiet tal-pajjiżi li tirrappreżentaw.  Lilkom ilkoll u lill-Awtoritajiet tagħkom nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi ukoll għall-messaġġi ta’ kondoljanzi li ntbagħtu fl-okkażjoni tal-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, u għall-qrubija murija waqt il-funeral.

Għadna kif temmejna ż-żmien tal-Milied, li fih l-insara jiċċelebraw il-memorja tal-misteru tat-twelid ta’ Iben Alla.  Il-Profeta Iżaija kien ħabbar dan minn qabel b’dal-kliem: “Tweldilna tifel, inagħtalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh u jsemmuh: “Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem” ( 9,5).

Il-preżenza tagħkom tafferma l-valur tal-paċi u tal-fraternità umana li tinbena bil-kontribuzzjoni tad-djalogu.  Min-naħa l-oħra, il-kompitu tad-diplomazija hu propju li jwitti l-kuntrasti u jiffavorixxi klima ta’ kollaborazzjoni reċiproka u fiduċja li tissodisfa l-ħtiġijiet komuni.  Nistgħu ngħidu li dan hu eżerċizzju ta’ umiltà għax jitlob li wieħed jissagrifika xi ftit ta’ amor propju biex jidħol f’relazzjoni mal-ieħor, biex jifhem ir-raġunijiet u l-punti di vista tal-ieħor, biex jgħakkes il-kburija u s-suppervja umana, il-kawża ta’ kull rieda belliġerenti.

Jien rikonoxxenti wkoll għall-attenzjoni li l-pajjiżi tagħkom jagħtu lis-Santa Sede, li, fost kollox, matul l-aħħar sena ssaħħet bl-għażla tal-Izvizzera, tar-Repubblika tal-Congo, tal-Mozambique u tal-Ażerbajġan li jinnominaw ambaxxaturi residenti f’Ruma, kif ukoll għall-iffirmar tal-ftehim bilaterali ġdid mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Principe u mar-Repubblika tal-Każakstan.

F’dis-sede hu importanti għalija wkoll li, fil-qafas ta’ djalogu rispettuz u kostruttiv, is-Santa Sede u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, waslu għal ftehim biex iġeddu għal sentejn oħra l-Ftehim Proviżorju dwar in-nomina tal-Isqfijiet, ftehim li kien tnieda f’Pekin fl-2018.  Nawgura li dal-ftehim ta’ kollaborazzjoni jkun jista’ jissaħħaħ biex ikun ta’ fejda għall-ħajja tal-Knisja kattolika u għall-ġid tal-poplu ċiniz.

Fl-istess waqt, inġedded u niżgura kollaborazzjoni sħiħa min-naħa tas-Segreterija tal-Istat u tad-Dikasteri tal-Kurja Rumana, li bit-tnedija tal-Kostituzzjoni Appostolika l-ġdida Praedicate Evangelium, saritilhom riforma f’xi strutturi biex jesegwixxu l-funzjoni tagħhom “bi spirtu evanġeliku u jaħdmu għall-ġid u għas-servizz tal-komunjoni, tal-għaqda u l-bini tal-Knisja universali u jieħdu kont ta’ dak li titlob id-dinja li fiha l-Knisja għandha s-sejħa li twettaq il-missjoni tagħha” (1).

Għeżież Ambaxxaturi,

Dis-sena jaħbat is-sittin anniversarju tal-Enċiklika Pacem in terris ta’ San Ġwanni XXIII, li kienet ippubblikata anqas minn xahrejn qabel ma’ miet (2).

Quddiem għajnejn “il-Papa t-twajjeb” kien għadu ħaj il-periklu ta’ gwerra nuklejari, ipprovokata, f’Ottubru tal-1962, minn dik li nafuha bħala l-kriżi tal-missili f’Kuba.  L-umanità kienet pass bogħod milli tinqered għal kollox, kieku ma rnexxietx l-istrateġija li jirbaħ id-djalogu, meta kulħadd kien konxju tal-effetti qerrieda tal-armi atomiċi.

Sfortunatament, illum ukoll, it-theddida nukelari qed terġa’ tqajjem rasha, u lid-dinja qed timlieha bil-biża’ u d-dieqa.  Ma nistax ma ntennix, f’dis-sede, li l-pussess tal-armi atomiċi hu immorali għaliex – kif kien osserva Ġwanni XXIII – ladarba hu diffiċli nipperswadu ruħna li hemm nies kapaċi jerfgħu r-reponsabbiltà tad-distruzzjoni u tan-niket li tista’ ġġib magħha l-gwerra, ma nistgħux neskludu li xi fatt mhux mistenni u bla kontroll jista’ jkebbes ix-xrara li tattiva l-apparat tal-gwerra” (3).  Taħt it-theddida tal-armi nuklejari lkoll kemm aħna telliefa, ilkoll!

Minn dan l-aspett, iqanqal tħassib kbir il-waqfien tan-negozjati biex jerġa’ jidħol fis-seħħ il-Pjan ta’ azzjoni globali konġjunt, jew kif inhu magħruf aħjar, il-Ftehim nuklejari Iranjan.  Nawgura li malajr kemm jista’ jkun tinstab soluzzjoni konkreta biex is-siġurtà tal-ġejjieni tkun garantita.

Illum għandna għaddejja t-tielet gwerra dinjija f’dinja globalizzata, fejn il-kunflitti jolqtu direttament xi nħawi partikolari tal-pjaneta, imma fis-sutanza għandhom effett fuq kulħadd.  L-aktar eżempju qrib hu propju l-gwerra fl-Ukrajna, bil-konsegwenzi tal-imwiet u l-qerda; b’attakki fuq l-infrastrutturi ċivili li lin-nies mhux biss teħdilhom ħajjithom minħabba l-bombi u l-vjolenza, imma wkoll minħabba l-ġuħ u kesħa.  Dwar dan, il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Gaudium et  spes, tafferma li “kull att ta’ gwerra, li jimmira bla diskriminazzjoni li jeqred bliet sħaħ jew żoni kbar flimkien mal-abitanti tagħhom, hu delitt kontra Alla u kontra l-umanità nfisha u għandu jkun ikundannat bil-qawwa u bla ebda tlaqliq” (n. 80).  Marridux ninsew imbagħad, li l-gwerra tolqot l-aktar lill-persuni l-aktar fraġli – it-tfal, l-anzjani, id-diżabbli – u tkisser indelibbilment il-familji.  Ma nistax illum ma nġeddidx l-appell tiegħi biex dal-kunflitt bla sens jitwaqqaf minnufih, għax l-effetti tiegħu qed jolqtu reġjuni sħaħ, ‘il barra mill-Ewropa wkoll, minħabba r-riperkussjonijiet li għandu fil-qasam tal-enerġija u fl-ambjent tal-produzzjoni tal-ikel, fuq kollox fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani.

It-tielet gwerra dinjija bil-biċċa li qed ngħixu bħalissa taghtina lok biex nagħtu daqqa t’għajn lil xeni oħra ta’ tensjonijiet u kunflitti.  Dis-sena wkoll, b’uġigħ ta’ qalb kbir, irridu nħarsu lejn is-Sirja bħala art li għaddejja minn martirju.  It-twelid ġdid ta’ dak il-pajjiż għandu jgħaddi minn riformi meħtieġa, kostituzzjonali wkoll, b’tentattiv li jagħti tama lill-poplu sirjan, mikdud minn faqar dejjem jikber, u b’attenzjoni li s-sanzjonijiet internazzjonali ma jkollhomx effett fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ popolazzjoni li diġà sofriet bil-bosta.

Is-Santa Sede qed issegwi bi tħassib kbir iż-żjieda fil-vjolenza bejn il-palestinjani u l-iżraeljani, bil-konsegwenza drammatika ta’ bosta vittmi u sfiduċja reċiproka totali.  Ġerusalemm, milquta b’mod partikolari, hi belt qaddisa għal-lhud, għall-insara u għall-musulmani.  Il-vokazzjoni mnaqxxa f’isimha hi, li hi Belt tal-Paċi, imma, sfortunatament hija teatru ta’ taqbid.  Jien nemmen li tista’ ssib mill-ġdid dil-vokazzjoni u tkun imkien simbolu ta’ laqgħa u koeżistenza paċifika, u li l-aċċess u l-libertà tal-kult fl-Imkejjen Qaddisa jkompli jkun garantit u rispettat skont l-istatus quo.  Fl-istess ħin nawgura li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ Iżrael u dawk tal-Istat tal-Palestina jiksbu mill-ġdid il-kuraġġ u d-determinazzjoni biex jiddjalogaw direttament ħalli tidħol fis-seħħ is-soluzzjoni ta’ żewġ stati fl-aspetti kollha tagħhom, bi qbil mad-dritt internazzjonali u ma’ kull riżoluzzjoni meħuda għal dan il-għan mill-Ġnus Magħquda.

Kif tafu, fl-aħħar ta’ dax-xahar, se nkun nista’ mmur bħala pellegrin tal-paċi fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, bl-awgurju li tintemm il-vjolenza fil-lvant tal-pajjiż u jirbaħ id-djalogu u r-rieda ta’ ħidma għas-sigurtà u l-ġid komuni.  Il-pellegrinaġġ se jkompli fis-Sudan t’Isfel, fejn se nkun akkumpanjat mill-Arċisqof ta’ Canterbury u mill-Moderatur Ġenerali tal-Knisja Presbiterjana tal-Iskozja.  Flimkien nixtiequ ningħaqdu mal-għajta tal-paċi tal-poplazzjoni u nkunu ta’ kontribut fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Marridux ninsew lanqas sitwazzjonijiet oħra li huma mtaqqlin mill-konsegwenzi tal-kunflitti li għadhom mhux solvuti.  Qed naħseb b’mod partikolari fis-sitwazzjoni fil-Kawkażu tan-nofsinhar.  Inħeġġeġ lill-partijiet biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, u ntenni li l-ħelsien tal-priġunieri militari u ċivili għandu jkun pass importanti lejn il-ftehim tal-paċi tant mixtieqa.

Qed naħseb ukoll fil-Yemen, fejn il-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq f’Ottubru li għadda għadu jżomm, imma fejn bosta ċivili għadhom imutu minħabba l-mini, u fl-Etjopja, fejn nawgura li jkompli l-proċess ta’ paċifikazzjoni u jissaħħaħ l-impenn tal-Komunità Internazzjonali biex tkun affrontata l-kriżi umanitarja li għaddej minnha l-pajjiż.

Qed insegwi wkoll b’niket, is-sitwazzjoni fl-Afrika tal-Punent, dejjem aktar mgħakksa minħabba l-vjolenza u t-terroriżmu.  Qed niftakar b’mod partikolari fid-drammi li għaddejjin minnhom il-popolazzjonijiet tal-Burkina Faso, tal-Mali u tan-Niġerja u nawgura li l-proċess ta’ tranżizzjoni li għaddej bħalissa fis-Sudan, fil-Mali, fiċ-Chad, fil-Guinea u fil-Burkina Faso jsir b’rispett lejn l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-popolazzjonijiet milquta.

Bl-istess mod qed insegwi b’attenzjoni partikolari s-sitwazzjoni fil-Myanmar, li minn sentejn ‘l hawn qed iġġarrab il-vjolenza, niket u mewt.  Nistieden lill-Komunità Internazzjonali biex timpenja ruħha ħalli dawn il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni jsiru konkreti u nħeġġeġ lill-partijiet biex jerġgħu jaqbdu t-triq tad-djalogu sabiex lill-popolazzjonijiet ta’ dik l-art maħbuba jroddulhom lura t-tama.

Fl-aħħar qed naħseb ukoll fil-peniżola tal-Korea, u nawgura li ma tiġix nieqsa r-rieda tajba u l-impenn għall-armonija, bl-għan li tinbena l-paċi u jkun hemm il-prosperità tant mixtieqa għall-poplu korean kollu.

Il-kunflitti kollha jġibu għad-dawl il-konsegwenzi letali tal-ġirja għall-produzzjoni ta’ armamenti ġodda u dejjem aktar sofistikati, li xi drabi tkun ġustifikata “għar-raġuni li jekk illum il-paċi hi possibbli, ma jistax ikun li l-paċi tinbena fuq l-ekwilibriju tal-qawwiet” (4).  Din il-loġika jeħtieġ titkisser biex tinqabad it-triq ta’ diżarm integrali, għax ebda paċi mhi possibbli kull fejn hemm firxa kbira ta’ strumenti tal-mewt.

Għeżież Ambaxxaturi,

Fi żmien tant konflittwali, ma nistgħux naħarbu mill-mistoqsija dwar kif jistgħu jintisġu l-ħjut tal-paċi.  Mnejn nerġgħu nibdew?  Biex nabbozza tweġiba, nixtieq flimkien magħkom nikkwota xi elementi mill-Pacem in terris, test estremament attwali minkejja li l-kuntest internazzjonali, fil-biċċa l-kbira tiegħu, inbidel.  Għal San Ġwanni XXIII, il-paċi hi possibbli fid-dawl ta’ erba’ prinċipji fundamentali: il-verità, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-libertà.  Dawn huma l-fortizzi li jirregolaw kemm ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin individwalment kif ukoll bejn il-komunitajiet politiċi (5).

Dawn id-dimensjonijiet jintisġu fi ħdan premessa fundamentali li “kull bniedem hu persuna, jiġifieri natura mżejna b’intelliġenza u rieda ħielsa; u għalhekk hu suġġett għad-drittijiet u d-dmirijiet li jinbtu minnufih u fl-istess waqt, mill-istess natura tiegħu: drittijiet u dmirijiet li għalhekk huma universali, invjolabbli u inaljenabbli” (6).

 

Paċi fil-verità

Li l-paċi tinbena fil-verità jfisser qabel kollox ir-rispett lejn il-persuna umana, “bid-dritt għall-eżistenza u għall-integrità fiżika” (7), li lilha għandha tkun garantita “l-libertà fit-tiftix ta’ dak li hu veru, fil-manifestazzjoni tal-ħsieb u t-tifrix tiegħu” (8).  Dan jesiġi illi “s-setgħat pubbliċi jikkontribwixxu pożittivament għall-ħolqien ta’ ambjent uman li fih il-membri kollha tal-korp soċjali jkollhom il-possibbiltà u jkun faċli għalihom it-tħaddim tad-drittijiet ikkwotati, kif ukoll l-osservanza tad-dmirijiet rispettivi tagħhom” (9).

Minkejja l-impenji li ħadu l-istati kollha li se jirrispettaw id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali ta’ kull persuna, f’ħafna pajjiżi n-nisa għadhom sal-lum meqjusa bħala ċittadini tat-tieni klassi.  Huma vittmi ta’ vjolenza u abbużi u jkunu mċaħħdin mill-possibbiltà li jistudjaw, jaħdmu, jesprimu t-talenti tagħhom, miċħud lilhom l-aċċess għall-kura tas-saħħa u saħansitra għall-ikel.  Iżda, fejn id-drittijiet umani jitħaddmu kif jixraq għal kulħadd, in-nisa jistgħu jagħtu l-kontribut insostitwibbli tagħhom fil-ħajja soċjali u jkunu l-ewwel allejati tal-paċi.

Il-paċi tesiġi qabel kollox id-difiża tal-ħajja, beni li llum jinsab fil-periklu mhux biss minħabba l-kunflitti, il-ġuħ u l-mard, imma wisq spiss iżżejjed, saħansitra fil-ġuf tal-omm, bl-iskuża tad-dritt mistħajjel “tal-abort”.  Iżda ħadd ma jista’ jarroga għalih id-drittijiet fuq il-ħajja ta’ essri uman ieħor, speċjalment jekk bla difiża u għalhekk bla ebda possibbiltà li jiddefendi ruħu.  Għalhekk nappella lill-kuxjenzi tal-irġiel u nisa ta’ rieda tajba, partikolarment dawk li għandhom responsabbiltajiet politiċi, biex jimpenjaw ruħhom ħalli jħarsu d-drittijiet tal-aktar dgħajfa u b’hekk tinqered il-kultura tal-iskart, li tolqot ukoll lill-morda, lid-diżabbli u lill-anzjani.  Hija responsabbiltà ewlenija tal-istati li jiggarantixxu l-assistenza liċ-ċittadini f’kull fażi tal-ħajja umana, sal-mewt naturali, u jaraw li kulħadd iħoss li hu akkumpanjat u mogħti l-kura wkoll fil-waqtiet l-aktar delikati tal-eżistenza tiegħu/tagħha.

Id-dritt għall-ħajja hu mhedded ukoll fejn għadha fis-seħħ il-piena tal-mewt kif qed jiġri f’dal-ġranet fl-Iran minħabba l-manifestazzjonijiet ta’ protesta ta’ dan l-aħħar, protesti biex id-dinjità tal-mara tingħata rispett akbar.  Il-piena tal-mewt ma tistax tintuża bħala att ta’ ġustizzja mistħajla tal-istat, għax dik mhix deterrent, u lanqas toffri ġustizzja lill-vittmi, imma tisqi biss l-għatx tal-vendetta.  Għaldaqstant irrid nagħmel appell sabiex il-piena tal-mewt, li qatt ma tista’ tkun ammissibbli għax hija attentat għall-invjolabbiltà u għad-dinjità tal-persuna, tkun imneħħijja mill-liġijiet tal-pajjiżi kollha tad-dinja.  Ma nistgħux ninsew li sal-aħħar mument, persuna tista’ tikkonverti u tinbidel.

Sfortunatament, donnu jidher li qed tiżdied dejjem aktar “il-biża’” mill-ħajja, li f’ħafna postijiet tissarraf f’biża’ mill-ġejjieni u f’diffikulta li tkun iffurmata familja u twelled l-ulied.  F’xi sitwazzjonijiet, qed naħseb per eżempju fl-Italja, hemm nuqqas ta’ natalità perikoluz, veru u propju xitwa demografika, li qed ipoġġi f’periklu l-futur tas-soċjeta nfisha.  Lill-għażiż poplu taljan, nixtieq inġedded l-inkoraġġiment tiegħi biex b’rieda soda u tama jaffronta l-isfidi taż-żmien ta’ issa, imsaħħaħ mill-għeruq reliġjużi u kulturali tiegħu.

L-injoranza u l-preġudizzju jżżoqqu l-biżgħat u faċilment jiddeġeneraw f’kunflitti.  L-antidotu tagħhom hi l-edukazzjoni.  Is-Santa Sede tippromwovi viżjoni integrali tal-edukazzjoni li tħaddan “il-kult tal-valuri reliġjużi u l-irfinir tal-kuxjenza morali li jimxu id f’id huma w jistgħanu bl-assimilazzjoni ta’ elementi xjentifiċi/tekniċi” (10).  L-edukazzjoni tesiġi dejjem ir-rispett integrali tal-persuna u tal-fiżjonomija naturali tagħha u tevita li timponi viżjoni ġdida u konfuża tal-essri uman.  Dan jimplika li jkunu integrati r-rotot tat-tkabbir uman, spiritwali, intellettwali u professjonali, biex jippermettu lill-persuna tinħeles mill-bosta għamliet ta’ jasar u tafferma ruħha fis-soċjeta b’mod ħieles u responsabbli.  F’das-sens, hu inaċċettabbli li parti mill-popolazzjoni tkun eskluża mill-edukazzjoni kif qed jiġri lin-nies tal-Afghanistan.

L-edukazzjoni għaddejja minn maltempata ta’ kriżi li intensifikat ruħha bħala konsegwenza tal-pandemija u tax-xenarju ġeo-politiku li jħasseb.  L-assemblea dwar it-trasformazzjoni tal-edukazzjoni, imsejħa mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li saret f’Settembru li għadda fi New York, kienet opportunità unika għall-gvernijiet biex ifasslu politika kuraġġuża li timmira biex taffronta “l-katastrofi edukattiva” li għaddejja bħalissa u biex iqiegħedu fis-seħħ għażliet konkreti ħalli sas-sena 2030 ikunu jistgħu jagħtu edukazzjoni ta’ kwalità lil kulħadd.  L-istati għadu jkollhom il-kuraġġ li jdawwru r-rotta imbarazzanti u assimetrika tal-paragun bejn l-ispiża pubblika għall-edukazzjoni u l-fondi destinati għall-armamenti!

Il-paċi tesiġi wkoll li l-libertà reliġjuża tingħata għarfien universali.  Hu preokkupanti li hemm persuni persegwitati esklussivament għax jistqarru pubblikament il-fidi tagħhom u huma bosta l-pajjiżi li fihom il-libertà reliġjuża hi limitata.  Madwar terz tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix f’kundizzjonijiet bħal dawn.  Flimkien man-nuqqas ta’ libertà reliġjuża, hemm ukoll il-persekuzzjoni għal raġunijiet reliġjużi.  Ma nistax ma nsemmix, kif juru l-istatistiċi, li nisrani minn kull seba’ hu persegwitat.  Rigward dan, nesprimi l-awgurju tiegħi li l-Mibgħut speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew kredu ‘l barra mill-Unjoni Ewropea l-ġdid, ikollu biżżejjed riżorsi u mezzi meħtieġa biex ikun jista’ jeżerċita l-mandat tiegħu kif xieraq.

Fl-istess ħin tajjeb ma ninsewx li l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-insara qed jiżdiedu wkoll fil-pajjiżi fejn dawn mhumiex f’minoranza.  Il-libertà reliġjuża tinsab fil-periklu wkoll fejn min jemmen qed isib li mhux possibbli għalih jesprimi għal kollox il-konvinzjonijiet tiegħu fl-ambitu tal-ħajja soċjali, f’isem kunċett żbaljat tal-inklużjoni.  Il-libertà reliġjuża, li ma tistax titqies biss sempliċi libertà tal-kult, hi waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa biex bniedem jgħix ħajja dinjituża u l-gvernijiet għandhom id-dmir li jipproteġuha u jiggarantixxu li kull persuna, kompatibbilment mal-ġid komuni, jkollha l-opportunità li ġġib ruħha skont il-kuxjenza anki fl-ambjent tal-ħajja pubblika u fit-tħaddim tal-professjoni tagħha.

Ir-reliġjon hi opportunità effettiva ta’ djalogu u inkontru bejn popli u kulturi differenti, kif tixhed id-deċiżjoni tal-Parlament ta’ Timor-Leste li unanimament approva d-Dokument dwar il-Fratellanza umana li jien kont iffirmajt flimkien mal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar fl-2019, u inkludewh fil-programmi edukattivi u kulturali nazzjonali, u kif ġarrabt personalment fil-vjaġġ li għamilt fil-Kazakhstan f’Settembru li għadda, fl-okkażjoni tas-VII Laqgħa bejn il-Mexxejja reliġjużi tad-dinja, li magħhom qsamt uħud mill-preokkupazzjonijiet ta’ żmenna u missejt b’idejja kif ir-reliġjonijiet “mhumiex problema, iżda parti mis-soluzzjoni għal konvivenza aktar armonjuża” (11).  Daqstant ieħor hi ta’ tifsir iż-żjara li għamilt fil-Bahrein, fejn irnexxilhom jagħmlu pass ġdid għall-konvivenza bejn l-insara li jemmnu u l-musulmani.

Spiss, ir-reliġjonijiet jingħatalhom it-timbru li joħolqu kunflitti li jakkumpanjaw l-umanità u kultant ma jonqsux attentati effettivi u kundannabbli bl-akkuża li r-reliġjon tintuża’ strumentalment għal għanijiet esklussivament politiċi.  Madankollu, dan hu kuntrarju għall-perspettiva nisranija li tberraħ l-għeruq ta’ kull kunflitt li juri n-nuqqas ta’ ekwilibriju fil-qalb umana: “Għax minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet ħżiena” (Mk, 7,21), kif ifakkarna l-Evanġelju.  Il-kristjaneżmu jixprunana għall-paċi, għax iħeġġiġna biex nikkonvertu u biex inħaddmu l-virtù.

 

Paċi fil-ġustizzja

Il-bini tal-paċi jesiġi li nimxu fit-triq tal-ġustizzja.  Il-kriżi tal-1962 inħallet għax bnedmin ta’ rieda tajba għarfu jsibu soluzzjonijiet xierqa biex jevitaw li t-tensjoni politika tiddeġenera u ssir gwerra.  Dan kien possibbli wkoll minħabba l-konvinzjoni li kull taqbid jista’ jissolva fil-qafas tad-dritt internazzjonali u permezz ta’ dawk l-organizzazzjonijiet, prinċipalment il-Ġnus Magħquda, li twieldu wara t-tieni igwerra dinjija, li żviluppaw id-diplomazija multi-laterali.  San Ġwanni XXIII ifakkar illi “l-Ġnus Magħquda pproponew li jżommu u jsaħħu l-paċi bejn il-ġnus, filwaqt li jiżviluppaw bejniethom relazzjonijiet ta’ ħbiberija mibnijin fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza, tar-rispett lejn xulxin u ta’ kooperazzjoni ta’ kull xorta f’kull qasam tal-konvivenza” (12)

Il-kunflitt li għaddej bħalissa fl-Ukrajna berraħ bla qies il-kriżi li ilha żmien tolqot is-sistema multilaterali, li hemm bżonn terġa’ tinħema mill-ġdid u fil-fond, biex tkun tweġiba għall-isfidi ta’ żmienna.  Dan jesiġi riforma tal-organiżmi biex jippermettu li s-sistema taħdem ħalli tkun rappreżentazzjoni reali tal-ħtiġijiet u s-sensibbiltajiet tal-popli kollha billi tevita li xi wħud ikollhom aktar saħħa b’dannu ta’ oħrajn.  Għalhekk dan m’għandux jissarraf f’bini tal-blokki ta’ allejanzi, imma f’ħolqien ta’ opportunitajiet sabiex kuħadd ikun jista’ jiddjaloga.

Flimkien jista’ jsir ġid kbir, biżżejjed niftakru fl-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom, immirati biex inaqqsu l-faqar, jgħinu lill-migranti, jikkumbattu t-tibdil fil-klima, jiffavorixxu d-diżarm nuklejari u joffru għajnuna umanitarja.  Madankollu, fiż-żminijiet reċenti, qed naraw li fora internazzjonali qed isiru dejjem aktar polarizzati u qed jippruvaw jimponu ħsieb uniku li ma jħallix wisa’ għad-djalogu u jwarrab fil-ġenb lil min jaħsibha mod ieħor.  Hemm riskju li se jġorrna kurrent li dejjem aktar qed jikseb il-wiċċ tat-totalitarjaniżmu ideoloġiku, li jiffavorixxi l-intolleranza fil-konfront ta’ min ma jsegwix il-pożizzjonijiet ta’ “progress” mistħajjel li fir-realtà, pjuttost donnhom qed iwasslu għal rigress ġenerali tal-umanità, bi vjolazzjoni tal-libertà tal-ħsieb u tal-kuxjenza.

Minbarra dan, qed jintużaw riżorsi dejjem akbar biex, speċjalment fil-konfront tal-pajjiżi l-aktar foqra, jimponu għamliet ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika, li dejjem aktar qed joħolqu rabta diretta bejn id-donazzjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ dawn l-ideoloġiji.  Dan dgħajjef id-dibattitu intern fi ħdan l-orgniazzazzjonijiet internazzjonali, u hu tfixkil fl-iskambji li jħallu l-frott, filwaqt li spiss huma tentazzjoni biex il-kwistjonijiet ikunu affrontati awtonomament, u bħala konsegwenza fuq bażi ta’ superjorità u qawwa militari.

Mill-banda l-oħra, waqt il-vjaġġ li għamilt fil-Kanada f’Lulju li għadda, stajt immiss b’idejja l-konsegwenzi tal-kolonizzazzjoni speċjalment meta ltqajt mal-popolazzjonijiet indiġeni, li batew minħabba l-politika tal-assimilazzjoni tal-imgħoddi.  Kull fejn lill-kulturi oħra saru tentattivi biex jimponulhom għamliet ta’ ħsieb differenti li mhumiex tagħhom, infetħet it-triq tal-konfrontazzjoni ħarxa u kultant għall-vjolenza wkoll.

Hemm bżonn nerġgħu nirrikorru għad-djalogu, nisimgħu lil xulxin, għan-negozjati, li jkunu ta’ fejda għall-kondiviżjoni u l-kooperazzjoni fit-tfittxija tal-ġid komuni, f’isem dik is-solidarjetà li “titnissel mill-fatt li nagħrfu li aħna responsabbli tal-fraġilità tal-oħrajn aħna u nfittxu destin komuni” (13).  Meta neskludu u nbarru lil xulxin ma nkunu qed nagħmlu xejn aktar ħlief inkebbsu aktar firdiet.

 

Paċi fis-solidarjetà

Fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, li joħroġ kull sena, ġibt għad-dawl il-mod kif il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet b’wirt “l-għarfien li lkoll għandna bżonn xulxin” (14).  Il-mogħdijiet tal-paċi huma mogħdijiet ta’ solidarjetà, għax ħadd ma jista’ jsalva waħdu.  Qed ngħixu f’dinja tant minsuġa ħaġa waħda li l-aġir ta’ kull wieħed u waħda jispiċċa jkollu effett fuq kulħadd.

F’dis-Sede, nixtieq nagħmel enfasi fuq tliet ambiti, li fihom b’qawwa partikolari tidher ir-rabta li llum torbot ħaġa waħda lill-umanità u li jitolbu b’mod partikolari u urġenti solidarjetà sħiħa.

L-ewwel dak tal-migrazzjoni, li jolqot reġjuni sħaħ tal-Art.  Ħafna drabi jkunu persuni maħrubin minn gwerer u persekuzzjonijiet, li jħabbtu wiċċhom ma’ perikli kbar ħafna.  Min-naħa l-oħra, “kull persuna umana għandha dritt għall-libertà tal-moviment(...), li tistabbilixxi ruħha f’komunitajiet oħra u tgħix fihom” (15) u għandu jkollha l-possibbiltà li terġa’ lura lejn l-art minn fejn ġiet.

Ma nistgħux naċċettaw li fil-kwistjoni tal-migrazzjoni “kulħadd jaqdef għal rasu”.  Biex dan nifhmuh, biżżejjed inħarsu lejn il-Mediterran, li sar ċimiterju enormi.  Dawk il-ħajjiet mitlufa huma l-emblema tan-nawfraġju taċ-ċivilta tagħna, kif ġbidt l-attenzjoni tul il-vjaġġ tiegħi f’Malta fir-rebbiegħa li għaddiet.  Hemm bżonn urġenti li fl-Ewropa jissaħħaħ il-kwadru normattiv bl-approvazzjoni ta’ Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, ħalli tkun tista’ titqiegħed fis-seħħ politka li tilqa’, takkumpanja, tippromwovi u tintegra lill-migranti.  Fl-istess ħin, is-solidarjetà tesiġi li l-operazzjonijiet ta’ assistenza dovuti u l-kura tan-nawfragi ma tispiċċax biex il-popolazzjonijiet tal-postijiet fejn dawn jaslu, ikollhom jerfgħu fuq spallejhom il-piż kollu.

It-tieni ambitu jolqot l-ekonomija u x-xogħol.  Il-kriżijiet waħda wara l-oħra ta’ dawn l-aħħar snin ħarġu għad-dawl il-limitazzjonijiet ta’ sistema ekonomika li aktar timmira lejn il-profitt tal-ftit milli biex tkun opportunità ta’ fejda għall-ħafna; ekonomija li ċ-ċentru tagħha huma l-flus aktar milli l-produzzjoni tal-ġid għal kulħadd.  Dan welled impriżi dgħajfa u swieq tax-xogħol inġusti għall-aħħar.  Hemm bżonn tingħata mill-ġdid id-dinjità lill-impriża u lix-xogħol, biex ikun miġġieled l-isfruttament li jispiċċa jqis lill-ħaddiem biċċa merċa, għax “mingħajr xogħol xieraq u mħallas kif imiss iż-żgħażagħ qatt ma jsiru verament adulti, (u) d-diżugwaljanzi joktru” (16).

It-tielet ambitu hu l-kura tad-dar komuni tagħna.  Għandna quddiemna l-ħin kollu l-effetti tat-tibdil tal-klima u l-konsegwenzi gravi li dan għandu fuq il-ħajja ta’ popolazzjonijiet sħaħ, kemm minħabba l-qerda li kultant iġibu magħhom, kif ukoll, kif ġara fil-Pakistan, fiż-żoni milqutin mill-għarar, fejn qed ifaqqas il-mard ħtija tal-ilma qiegħed; kif ukoll f’żoni kbar tal-oċejan Paċifiku fejn iż-żjieda tat-temperatura globali qed iġib danni bla qies għas-sajd li hu l-pedament tal-ħajja ta’ kuljum ta’ popolazzjonijiet sħaħ; kif ukoll fis-Somalja u fiċ-ċentru tal-Qarn tal-Afrika fejn in-nixfa hi kawża ta’ karestija kbira; kif ukoll bħalma ġara dawn l-aħħar ġranet fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn kesħa kbira intensa u bla mistennija ħalliet għadd ta’ mejtin.

Fis-sajf li għadda, is-Santa Sede qatgħetha li tissieħeb fil-­Konvenzjoni-Kwadru tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil tal-Klima, bl-intenzjoni li tkun ta’ sostenn morali għall-isforzi tal-istati kollha biex jikkoperaw, skont il-qies tar-responsabbiltà u sa fejn jistgħu jaslu, bħala tweġiba effikaċi għall-isfidi li qed iġib miegħu it-tibdil fil-klima.  Nittamaw li l-passi li saru waqt il-konferenza COP27, bl-adozzjoni tax-Sharm el-Sheikh Implementation Plan, minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom, iwasslu biex l-umanità kollha tieħu pożizzjoni dwar dil-kwistjoni urġenti li ma nistgħux naħarbu minnha.  Imma fil-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar il-Biodiversità (COP15) li saret f’Montreal ix-xahar li għadda, intlaħqu miri li jtuna kuraġġ.

 

Paċi fil-libertà

Fl-aħħar, il-bini tal-paċi jesiġi li ma titħalliex wisa’ biex “issir ħsara lil-libertà, lill-integrità u lis-sigurtà ta’ nazzjonijiet oħra, hi xinhi l-estensjoni territorjali tagħhom jew il-ħila li jiddefendu ruħhom” (17).  Dan ikun possibbli jekk f’kull komunità singola ma tiddominax il-kultura tal-abbuż tal-poter u l-aggressjoni, li jwassal biex il-proxxmu jitqies bħala għadu li għandu jkun miġġieled pjuttost milli bħala ħuk li għandek tilqgħu u tħaddnu miegħek (18).

Hu ta’ tħassib kbir li f’bosta nħawi tad-dinja qed tiddgħajjef id-demokrazija u l-possibbiltà tal-libertà li din tippermetti, minkejja l-limitazzjonijiet ta’ sistema uman.  Ħafna drabi huma n-nisa u l-minoranzi etniċi li jmorru minn taħt, kif ukoll l-ekwilibriju ta’ soċjetajiet sħaħ li fihom il-miżerja tispiċċa f’tensjonijiet soċjali u saħansitra f’taqbid bl-armi.

F’ħafna nħawi, is-sinjal li d-demokrazija qed tnin hu l-polarizzazzjonijiet politiċi u soċjali dejjem jiżdiedu, li ma jgħinux biex jissolvew il-problemi urġenti taċ-ċittadini.  Qed niftakar fil-ħafna kriżijiet politiċi f’diversi pajjiżi tal-kontinent amerikan, bit-tagħbija ta’ tensjonijiet u għamliet ta’ vjolenza li jħarrxu l-kunflitti soċjali.  Qed niftakar speċjalment f’dak li ġara m’ilux fil-Perù u f’dawn l-aħħar siegħat fil-Brażil, u fis-sitwazzjoni preokkupanti f’Haiti fejn fl-aħħar qed jittieħdu xi passi biex jaffrontaw il-kriżi politika li ilha sejra żmien.  Hemm bżonn li dejjem negħlbu l-loġika settarja u nimpenjaw ruħna aktar biex jitkattar il-ġid komuni.

Qed insegwi wkoll b’attenzjoni s-sitwazzjoni fil-Libanu fejn għad hemm l-istennija tal-elezzjoni tal-President tar-Repubblika l-ġdid u nawgura li l-atturi politiċi kollha jimpenjaw ruħhom biex lill-pajjiż iħalluh jistejqer mis-sitwazzjoni ekonomika drammatika u soċjali li qed jgħum fiha.

 

Eċċellenzi Sinjuri,

Ikun sabiħ li għal darba nkunu nistgħu niltaqgħu biex niżżu ħajr lill-Mulej li jista’ kollox għall-benefiċċji li dejjem itina, bla ma jkollna nagħmlu lista tas-sitwazzjonijiet drammatiċi li qed jifilġu l-umanità.  Kif kien jgħid Ġwanni XXIII: “Hu leċitu, minkejja dan kollu, nibqgħu nittamaw li meta l-bnedmin jiltaqgħu u jinnegozjaw, ikollhom id-dehen jiskopru aħjar ir-rabtiet li jorbtuhom flimkien, li jitnisslu mill-umanità komuni ta’ bejniethom, u jkollhom ħila jiskopru li fost l-aktar esiġenzi profondi tal-umanità komuni, bejnhom u bejn il-popli rispettivi tagħhom ma ssaltanx aktar il-biża’ iżda l-imħabba: li tissarraf f’kollaborazzjoni leali, ta’ bosta għamliet u li ġġib magħha ġid kbir” (19).  B’dawn l-awguri, inġedded lilkom u lill-pajjiżi li tirrappreżentaw l-aktar xewqat sbieħ għas-sena l-ġdida.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

[1] Kost. AppPrædicate Evangelium (19 ta’ Marzu, 2022), art. 1.

[2] Il-11 ta’ April, 1963. Cfr AAS 55 (1963), 257-304.

[3] Pacem in terris, 60.

[4] Pacem in terris, 59.

[5] Cfr ibid., 47.

[6] Ibid., 5.

[7] Ibid., 6.

[8] Ibid., 7.

[9] Ibid, 38.

[10] Ibid., 80.

[11] Diskors lis-Sessjoni Plenarja tal-VII Kungress tal-Mexxejja tad-Dinja u tar-Reliġjonijiet Tradizzjonali, Nur-Sultan (ora Astana), 14 ta’ Settembru, 2022.

[12] Pacem in terris, 75.

[13] EnċFratelli tutti (3 ta’ Ottubru, 2020), 115.

[14] Messaġġ għall-LVI Jum Dinji tal-Paċi (8 ta’ Diċembru, 2022), 3.

[15] Pacem in terris, 12.

[16] Diskors lill-parteċipanti tal-laqgħa “Economy of Francesco, Assisi, 24 ta’ Settembru, 2022.

[17] Pacem in terris, 66. Cfr Piju XII, Messaġġ bir-radju għal Milied, 24 ta’ Diċembru, 1941.

[18] Cfr Diskors lill-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede, 22 ta’ Marzu, 2013.

[19] Pacem in terris, 67.