DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-AZZJONI KATTOLIKA TALJANA

 wla Pawlu VI

Is-Sibt 29 ta’ Ottubru 2022

 

Għeżież żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika, il-ġurnata t-tajba u merħba!… Almenu tafu tagħmlu storbju, diġà xi ħaġa, ejja!

 

Grazzi lill-President nazzjonali tal-kelmtejn tiegħu.

 

Ħa ngħidilkom mill-ewwel li napprezza ħafna l-fatt li għandkom għal qalbkom il-parroċċa. Jiena wkoll hi għal qalbi ħafna! Il-parroċċa. Hemm movimenti, hemm ħwejjeġ li jduru… Il-parroċċa: l-għeruq qegħdin fil-parroċċa. Imma jien ġej minn ġenerazzjoni oħra. Twelidt u kbirt f’kuntest soċjali u ekkleżjali differenti, meta l-parroċċa – bil-kappillan tagħha – kienet punt ta’ riferiment ċentrali għall-ħajja tan-nies: il-quddiesa tal-Ħadd, il-katekeżi, is-sagramenti… Ir-realtà soċjo-kulturali li fiha tgħixu intom inbidlet ħafna, dan nafuh; u diġà sa minn żmien ilu – f’pajjiżi oħra l-ewwel, imbagħad fl-Italja wkoll – qed isiru riflessjonijiet oħra fuq il-missjoni tal-Knisja, b’mod partikulari l-parroċċa. Imma f’dan kollu tibqa’ ħaġa essenzjali: għalina, għalija u għalikom, għall-mixja tal-fidi u tal-maturità tagħna, l-esperjenza parrokkjali kienet u hi importanti, xejn ma jista’ jeħdilha postha. Hi l-ambjent “normali” fejn tgħallimna nisimgħu l-Vanġelu, insiru nafu lill-Mulej Ġesù, u noffru s-servizz tagħna b’xejn, nitolbu fil-komunità, naqsmu fi proġetti u inizjattivi, u nħossuna parti mill-poplu qaddis ta’ Alla…

 

Dan kollu intom għextuh ukoll permezz tal-Azzjoni Kattolika, jiġifieri esperjenza assoċjattiva li hi, biex ngħidu hekk, “imxebilka” ma’ dik tal-komunità parrokkjali. Xi wħud minnkom nistħajjel li kontu parti minn grupp ACR, l-Azzjoni Kattolika tal-Adolexxenti; u hemm diġà titgħallem ħafna xi jfisser tagħmel parti minn komunità Nisranija: tipparteċipa, taqsam, tikkollabora u titlob flimkien…

 

Dan hu importanti ħafna: titgħallem bl-esperjenza li fil-Knisja aħna lkoll aħwa bil-Magħmudija; li lkoll aħna protagonisti u responsabbli; li għandna doni differenti u kollha għall-ġid tal-komunità; li l-ħajja hi vokazzjoni, li timxi wara Ġesù; li l-fidi hija don biex jingħata, don biex nagħtu xhieda tiegħu. U mbagħad, mill-ġdid: li n-Nisrani jinteressa ruħu fir-realtà soċjali u jagħti sehmu fiha; li l-motto tagħna mhuwiex “x’jimpurtani!”, imma “jinteressani!”. Attenti, attenti intom, għax iktar perikoluża minn kankru hi l-marda ta’ x’jimpurtani fiż-żgħażagħ. Nitlobkom, attenti! Tgħallimna li l-miżerja umana mhijiex destin li jmiss lil xi ftit xortihom ħażina, imma kważi dejjem il-frott ta’ inġustizzji li jeħtieġ neqirduhom. U l-bqija kollu, tgħallimna dawn l-affarijiet kollha. Dawn ir-realtajiet tal-ħajja spiss nitgħallmuhom fil-parroċċa u fl-Azzjoni Kattolika. Kemm żgħażagħ ġew iffurmati f’din l-iskola! Kemm taw ix-xhieda tagħhom kemm fil-Knisja u kemm fis-soċjetà, fid-diversi vokazzjonijiet u fuq kollox bħala fidili lajċi, li bħala adulti u bħala anzjani għexu stil ta’ ħajja li mmatura fihom meta kienu żgħażagħ, fil-parroċċa!

 

Allura, għeżież żgħażagħ, aħna minn ġenerazzjonijiet differenti, imma għandna komuni bejnietna l-imħabba għall-Knisja u l-passjoni għall-parroċċa, li hija l-Knisja f’nofs id-djar, qalb il-poplu. U fuq il-bażi ta’ din il-missjoni nixtieq naqsam magħkom xi punti, waqt li nfittex li nidħol f’sintonija mal-mixja tagħkom u mal-ħidma tagħkom.

 

Qabelxejn, intom trid tagħtu sehemkom biex il-Knisja tikber fil-fraternità. Nirringrazzjakom! Fuq dan aħna perfettament sintonizzati. Iva, imma kif nagħmlu dan? Qabelxejn, tibżgħux jekk – kif innutajtu – fil-komunitajiet taraw li hi xi ftit dgħajfa d-dimensjoni komunitarja. Hi ħaġa importanti ħafna, imma tħalluhiex tbeżżagħkom, għax dan hu fatt soċjali, li l-pandemija iktar aggravat. Illum, speċjalment iż-żgħażagħ, huma estremament differenti meta tqabbilhom ma’ ta’ 50 sena ilu: m’għadx hemm ir-rieda li jiltaqgħu, jiddibattu, jinġemgħu flimkien… Minn naħa, din hi ħaġa tajba, anki għalikom: l-Azzjoni Kattolika ma għandhiex tkun “Sessjoni” Kattolika! U l-Knisja ma timxix ’il quddiem bil-laqgħat! Imma, min-naħa l-oħra, l-individwaliżmu, l-għeluq fil-privat jew fil-gruppi żgħar, it-tendenza li nirrelataw “mill-bogħod”, dawn idakkru wkoll lill-komunitajiet Insara. Jekk ngħarblu ftit lilna nfusna, ilkoll aħna xi ftit jew wisq influwenzati minn din il-kultura egoistika. Allura jeħtieġ nirreaġixxu, u anki intom dan tistgħu tagħmluh ibda minn ħidma fuqkom infuskom.

 

U qed ngħid “ħidma” għax din hi mixja impenjattiva u titlob perseveranza. Il-fraternità ma hix xi ħaġa ta’ improviżazzjoni u ma nibnuhiex biss b’emozzjonijiet, slogans, attivitajiet… Le, il-fraternità hija ħidma li kull wieħed u waħda jagħmel fuqu nnifsu flimkien mal-Mulej, mal-Ispirtu s-Santu, li joħloq l-armonija fost id-diversitajiet. Nissuġġerilkom terġgħu taqraw dik il-parti tal-Eżortazzjoni Christus vivit intitolata “Mixjiet ta’ fraternità”. Huma ftit numri: mill-163 sal-167. Il-Christus vivit, Mixjiet ta’ fraternità. Nitlobkom, aqrawha. Il-punt tat-tluq hu li noħorġu minna nfusna biex ninfetħu għall-oħrajn u mmorru niltaqgħu magħhom (ara n. 163). L-Ispirtu ta’ Ġesù Rxoxt jagħmel dan: joħroġna minna nfusna, jiftaħna għal-laqgħa. Attenti! Din mhijiex aljenazzjoni, le, hi relazzjoni, li fiha nagħrfu min aħna u nikbru flimkien. Ir-realtà fundamentali għalina hi li fil-Knisja dan il-moviment ngħixuh fi Kristu, permezz tal-Ewkaristija: hu joħroġ minnu nnifsu u jiġi fina biex aħna noħorġu minna nfusna u ningħaqdu miegħu, u fih nerġgħu nsibu ruħna f’komunjoni ġdida, ħielsa, gratwita, ta’ għotja lill-oħrajn. Il-fraternità fil-Knisja hi msejsa fuq Kristu, fil-preżenza tiegħu fina u bejnietna. Grazzi għalih aħna nilqgħu lil xulxin, nissaportu lil xulxin – l-imħabba Nisranija tinbena fuq li nissaportu lil xulxin – u naħfru lil xulxin. Ħa nieqaf hawn. Intom tifhmuni, huma realtajiet li tgħixu, huma l-ferħ tagħkom, tagħna!

 

U hawn nieqaf fuq punt li għalija qisu l-marda l-iżjed gravi f’komunità parrokkjali: it-tpaċpiċ fuq xulxin. Is-seksik li dejjem isir strument ta’ min irid jitla’ aktar ’il fuq, jieħu promozzjoni, awto-promozzjoni: inħammeġ lill-ieħor biex jien nimxi iktar. Nitlobkom, is-seksik mhuwiex ħaġa Nisranija, hu djaboliku għax jifred. Attenti, intom iż-żgħażagħ, nitlobkom. Dan inħalluh għall-għożżieba… Qatt tpaċpċu fuq xulxin. U jekk int għandek xi ħaġa kontra l-ieħor, mur għidhielu f’wiċċu; kun raġel, kun mara: f’wiċċu, dejjem. Xi darba mbagħad tista’ tlaqqat xi daqqa ta’ ponn, imma tkun għidt il-verità, għidtha f’wiċċ l-ieħor b’karità fraterna. Nitlobkom, il-kritika moħbija hi ħaġa tax-xitan. Jekk tridu tikkritikaw, kollha flimkien, ikkritikaw lil xulxin bejnietkom, imma mhux barra, kontra tagħkom.

 

U b’dawn il-ħwejjeġ li għidt wieħed jifhem f’liema sens l-Insara jsiru “ħmira” fis-soċjetà: jekk Nisrani hu fi Kristu, jekk ħija hu fi Kristu, jekk hu mmexxi mill-Ispirtu, ma jistax għajr ikun ħmira fejn huwa jgħix: ħmira ta’ umanità, għax Ġesù Kristu hu l-Bniedem perfett u l-Vanġelu tiegħu hu qawwa li tagħmilna iktar bnedmin. Togħġobni ħafna espressjoni li tużaw intom: “inkunu magħġuna f’din id-dinja”. Huwa l-prinċipju tal-inkarnazzjoni, it-triq ta’ Ġesù: li nġibu l-ħajja minn ġewwa, mhux minn barra, le, minn ġewwa. Imma b’kundizzjoni waħda, li tidher ovvja imma mhijiex: li l-ħmira tkun ħmira, li l-melħ ikun melħ, li d-dawl ikun dawl. Imma jekk il-ħmira tkun ħaġa oħra, mhux sew; jekk il-melħ ikun ħaġa oħra, mhux sew; jekk id-dawl hu dlam, mhux sew. Inkella, jekk, fid-dinja fejn qegħdin, insiru tad-dinja, nitilfu l-karattru ġdid ta’ Kristu u ma jibqgħalna xejn x’ngħidu jew x’nagħtu. U hawn iddoqq ħafna l-espressjoni l-oħra tagħkom li laqtitni: “inkunu żgħażagħ ta’ twemmin u responsabbli li nitwemmnu”. Huwa dak li jgħid Ġesù meta, minn naħa jistqarr: “Intom il-melħ tal-art”, u mbagħad dritt iwissi: attenti biex ma titilfux it-togħma (ara Mt 5:13)! “Dan, meta kien għadu żgħir, kien bravu, tal-Azzjoni Kattolika, miexi ’l quddiem, kullimkien… Issa bired, ma tisma’ leħnu mkien, persuna li spiritwalment hi mdejqa u ddejqek, li m’għandhiex saħħa biex tmexxi ’l quddiem il-messaġġ tal-Vanġelu”. Attenti: jalla l-melħ jibqa’ melħ, il-ħmira tibqa’ ħmira, id-dawl jibqa’ dawl!

 

Żgħażagħ kredenti, responsabbli u kredibbli: dan nawguralkom. Din tista’ ssir ukoll formula, “mod ta’ kif ngħiduha”. Imma mhuwiex hekk, għax dawn il-kelmiet huma inkarnati fil-qaddisin, fil-qaddisin żgħażagħ! Ommna l-Knisja tipproponilna ħafna minnhom, biżżejjed naħsbu – nillimitaw ruħna biss għal xi Taljani – fi Franġisku u Kjara ta’ Assisi, Roża ta’ Viterbo, Gabrijel tal-Addolorata, Domenico Savio, Ġemma Galgani, Marija Goretti, Pier Giorgio Frassati, Chiara Badano, Carlo Acutis. Huma jgħallmuna xi jfisser tkun ħmira, tkun fid-dinja, imma mhux ta-dinja. Pier Giorgio Frassati kien membru attiv u mħeġġeġ tal-Azzjoni Kattolika Taljana, b’mod partikulari tal-FUCI, u jurina kif nistgħu nkunu żgħażagħ ta’ fidi, responsabbli, kredibbli, nemmnu bil-ferħ, bi tbissima. Gwaj għaż-żgħażagħ b’wiċċ ta’ funeral: tilfu kollox.

 

Għeżież ħbieb, hemm tant affarijiet li stajna qsamna flimkien fuq il-ħajja fil-parroċċa u fuq ix-xhieda fis-soċjetà. Imma ma għandniex ħin – lanqas għandna l-paċenzja biex inkomplu nitkellmu! –. Nixtieq inżid biss suġġeriment, li jiġi wkoll mill-fatt li Ottubru huwa x-xahar tar-Rużarju: tgħallmu mill-Verġni Marija kif tħarsu u timmeditaw fil-qalb tagħkom il-ħajja ta’ Ġesù, il-misteri ta’ Ġesù. Araw ta’ kuljum il-ħajja tagħkom fil-ġrajjiet ta’ ferħ, dawl, tbatija u glorja tal-ħajja tiegħu, u dawn jippermettulkom tgħixu l-ordinarju b’mod straordinarju, jiġifieri bil-ġdid tal-Ispirtu, bil-ġdid tal-Vanġelu.

 

Grazzi li ġejtu u grazzi tax-xhieda tagħkom! Ibqgħu mexjin ’il quddiem bil-ferħ u l-kuraġġ. Alla jbierek lilkom u liż-żgħażagħ kollha tal-Azzjoni Kattolika. Il-mixja t-tajba fil-parroċċi tagħkom u magħġuna bħal ħmira fid-dinja! U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard