QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI GĦALL-ISQFIJIET METROPOLITI ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI MQADDSA PIETRU U PAWLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2020

 

Nhar il-festa taż-żewġ Appostli ta’ din il-belt, nixtieq naqsam magħkom żewġ kelmiet li jistgħu jservu ta’ muftieħ għalina: għaqda u profezija.

 

Għaqda. Qed niċċelebraw flimkien żewġ figuri differenti ħafna: Pietru kien sajjied li kien iqatta’ l-ġranet tiegħu qalb l-imqadef u x-xbieki, waqt li Pawlu kien Fariżew kolt li kien jgħallem fis-sinagogi. Meta ħarġu jagħmlu l-missjoni tagħhom, Pietru dar fuq il-Lhud, Pawlu fuq il-pagani. U meta t-toroq tagħhom iltaqgħu, id-diskussjoni tagħhom kienet waħda mqanqla, kif Pawlu ma joqgħodx lura milli jirrakkonta f’waħda mill-ittri tiegħu (ara Gal 2:11ss). F’kelma waħda, kienu żewġ persuni mill-aktar differenti, imma kienu jħossuhom aħwa, bħal f’familja magħquda, fejn spiss iqumu diskussjonijiet imma mbagħad jinħabbu dejjem. Imma l-familjarità li kienet torbothom ma kinitx ġejja minn xeħtiet naturali, imma mill-Mulej. Hu ma ordnalniex biex nogħġbu lil xulxin, imma biex inħobbu lil xulxin. Huwa hu li jgħaqqadna, mingħajr ma jridna kopji ta’ xulxin. Jgħaqqadna fid-differenzi ta’ bejnietna.

 

L-Ewwel Qari tal-lum jeħodna għall-għajn ta’ din l-għaqda. Jirrakkonta kif il-Knisja, li kienet għadha kemm twieldet, kienet għaddejja minn żmien iebes: Erodi kien inkurlat, il-persekuzzjoni kienet vjolenti, l-Appostlu Ġakbu kien ġie maqtul. U issa anki Pietru ġie arrestat. Il-komunità donnha kienet se tisfa mkissra, kulħadd kien fir-riskju li jitlef ħajtu. Imma f’dan il-mument traġiku ħadd ma ħarab, ħadd ma ħaseb kif ħa jsalva ġildu, ħadd ma abbanduna lill-oħrajn, imma lkoll kienu jitlobu flimkien. Fit-talb kienu jsibu l-kuraġġ, mit-talb kienet ġejja għaqda iktar b’saħħitha minn kull theddida. It-test jgħid li “Pietru kien arrestat fil-ħabs, bil-għassa miegħu. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob ’l Alla għalih bil-ħeġġa” (Atti 12:5). L-għaqda hija prinċipju li jitwettaq bit-talb, għax it-talb iħalli lill-Ispirtu s-Santu jindħol, jiftaħ għat-tama, iqassar id-distanzi, iżommna flimkien imqar qalb id-diffikultajiet.

 

Ninnutaw ħaġa oħra: qalb dawk l-imwieġ drammatiċi lil ħadd ma kont tisma’ jgerger minħabba l-ħażen, il-persekuzzjonijiet, ta’ Erodi. Ħadd ma ħareġ jgħajjar lil Erodi – u aħna tant imdorrijin ngħajru lil min ikun responsabbli. Ma jiswa xejn, anzi hu ta’ dwejjaq, li l-Insara joqogħdu jaħlu l-ħin igergru għad-dinja, għas-soċjetà, għal dak li mhux sejjer sew. It-tgergir ma jibdel xejn. Niftakru li t-tgergir huwa t-tieni bieb magħluq f’wiċċ l-Ispirtu s-Santu, kif għidtilkom nhar Għid il-Ħamsin: l-ewwel in-narċisiżmu, it-tieni l-qtigħ il-qalb, it-tielet il-pessimiżmu. In-narċisiżmu jwasslek sa quddiem il-mera, biex toqgħod il-ħin kollu tħares lejk innifsek; il-qtigħ il-qalb, għat-tgergir; il-pessimiżmu, għad-dlam. Dawn it-tliet imġibiet isabbtu l-bieb f’wiċċ l-Ispirtu s-Santu. Dawk l-Insara ma kinux joqogħdu jfittxu lil min ħa jagħtu t-tort, imma kienu jitolbu. F’dik il-komunità ħadd ma qal: “Kieku Pietru kien iżjed kawt, ma konniex insibu ruħna f’din is-sitwazzjoni”. Ħadd. Pietru, umanament, kellu raġunijiet li għalihom seta’ jiġi kkritikat, imma ħadd ma kkritikah. Ħadd ma tkellem ħażin fuqu, imma kienu jitolbu għalih. Ma kinux jitkellmu minn wara dahar dak li jkun, imma kienu jitkellmu ma’ Alla. U aħna llum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Qed inħarsu l-għaqda ta’ bejnietna billi nitolbu, l-għaqda tagħna fil-Knisja? Qed nitolbu għal xulxin?”. X’jiġri li kellna nitolbu iżjed u mmaqamqu inqas, bi lsienna iktar kwiet? Jiġri dak li ġara lil Pietru fil-ħabs: bħal dakinhar, tant bibien li jifirduna jibdew jinfetħu, tant ktajjen li jwaħħluna jibdew jaqgħu. U aħna nibqgħu mistagħġba, bħal dik il-qaddejja li, malli lemħet lil Pietru fil-bieb, ma rnexxilhiex tiftaħ il-bieb, imma marret tiġri ġewwa, ħalqha miftuħ bil-ferħ għax rat lil Pietru (ara Atti 12:10-17). Nitolbu l-grazzja li nagħrfu nitolbu għal xulxin. San Pawl sejjaħ lill-Insara biex jitolbu għal kulħadd u qabelxejn għal min imexxihom (ara 1 Tim 2:1-3). “Imma dan il-mexxej hu…”, u l-aġġettivi huma ħafna; mhux se ngħidhom jien, għax dan la hu l-mument u lanqas il-post biex insemmi l-aġġettivi li nisma’ kontra l-mexxejja tal-gvernijiet. Ħa jagħmel ħaqq minnhom Alla, imma ejjew nitolbu għal dawk li jmexxuna! Nitolbu: għandhom bżonn tat-talb. Hija ħidma li l-Mulej qed jafdalna. Nagħmluha? Jew inkella npaċpċu, nitgħajru, u daqshekk? Alla jistenna minna li meta nitolbu niftakru wkoll f’min ma jaħsibhiex bħalna, f’min sabbtilna l-bieb f’wiċċna, f’min insibuha bi tqila biex naħfrulu. It-talb biss iħoll il-ktajjen, kif ġara ma’ Pietru; it-talb waħdu jwitti t-triq għall-għaqda.

 

Illum inbierku l-pallji, li jingħataw lid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali u lill-Arċisqfijiet Metropoliti maħtura fl-aħħar sena. Il-pallju jfakkar fl-għaqda bejn in-nagħaġ u r-Ragħaj li, bħal Ġesù, jerfa’ n-nagħaġ fuq spallejh biex qatt ma jinfirdu minn xulxin. Illum imbagħad, skont tradizzjoni sabiħa, ningħaqdu b’mod speċjali mal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli. Pietru u Indrì kienu aħwa u aħna, meta jkun possibbli, inżuru lil xulxin fil-festi tagħna: mhux tant biex inkunu ġentili, imma biex nimxu flimkien lejn id-destinazzjoni waħda li l-Mulej qed jurina: l-għaqda sħiħa. Illum, huma ma rnexxilhomx jiġu, minħabba l-problema tal-vjaġġi mħabba l-Coronavirus, imma meta jiena nżilt inqim il-qabar ta’ Pietru, f’qalbi ħassejt maġenbi lil ħija l-maħbub Bartilmew. Huma jinsabu hawn, magħna.

 

It-tieni kelma, profezija. Għaqda u profezija. L-Appostli tagħna ġew ipprovokati minn Ġesù. Pietru sema’ l-mistoqsija: “Int, min tgħid li jien?” (ara Mt 16:15). Dak il-ħin fehem li lill-Mulej ma jinteressawhx l-opinjonijiet ġenerali, imma l-għażla personali tiegħu li jimxi warajh. Anki l-ħajja ta’ Pawlu nbidlet wara provokazzjoni ta’ Ġesù: “Sawl, Sawl, għaliex qed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Il-Mulej heżżu minn ġewwa: iktar milli xeħtu mal-art fit-triq ta’ Damasku, xeħet fl-art il-preżunzjoni tiegħu ta’ bniedem reliġjuż u tajjeb. Hekk Sawl l-imkabbar sar Pawlu: Pawlu, li tfisser “żgħir”. Wara dawn il-provokazzjonijiet, wara dan il-mod kif ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq, jiġu l-profeziji: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18); u lil Pawlu: “Hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus” (Atti 9:15). Għalhekk, il-profezija titwieled meta nħallu lil Alla jipprovokana: mhux meta nfittxu kif ħa noqogħdu fil-kwiet u nżommu kollox taħt kontroll. Ma titwelidx mill-ħsibijiet tiegħi, ma titwelidx mill-qalb magħluqa tiegħi. Titwieled jekk aħna nħallu lil Alla jipprovokana. Meta l-Vanġelu jaqleb ta’ taħt fuq iċ-ċertezzi, toħroġ il-profezija. Min jinfetaħ għas-sorpriżi ta’ Alla biss jista’ jsir profeta. U araw lil Pietru u Pawlu, profeti li jaraw iktar lil hinn: Pietru l-ewwel wieħed li jixandar li Ġesù huwa “l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16:16); Pawlu jantiċipa l-final ta’ ħajtu stess: “Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej” (2 Tim 4:8).

 

Illum għandna bżonn tal-profezija, imma tal-profezija vera: mhux ta’ paroli li jwiegħed l-impossibbli, imma ta’ xhieda li l-Vanġelu huwa possibbli. Ma neħtiġux manifestazzjonijiet mirakolużi. Tuġagħni qalbi meta nisma’ min jippontifika: “Irridu Knisja profetika”. Tajjeb. X’qed tagħmel int biex il-Knisja tkun profetika? Għandna bżonn ta’ ħajjiet li juru l-miraklu tal-imħabba ta’ Alla. Mhux setgħa, imma koerenza. Mhux paroli, imma talb. Mhux proklami, imma qadi. Trid Knisja profetika? Ibda aqdi, u agħlaq ħalqek. Mhux teorija, imma xhieda. M’għandniex bżonn li nkunu għonja, imma li nħobbu l-foqra; mhux li niggwadanjaw għalina, imma li ninħlew għall-oħrajn; mhux tal-kunsens tad-dinja, li nkunu sew ma’ kulħadd – aħna ngħidu: “tkun sew ma’ Alla u max-xitan”, tkun sew ma’ kulħadd –; le, dik mhijiex profezija. Imma għandna bżonn tal-ferħ għad-dinja li ġejja; mhux ta’ dawk il-proġetti pastorali li donnhom għandhom ġo fihom stess l-effiċjenza tagħhom, bħallikieku kienu sagramenti, proġetti pastorali effiċjenti, le, imma għandna bżonn ta’ ragħajja li joffru ħajjithom: ta’ namrati ta’ Alla. Hekk ħabbruh lil Ġesù Pietru u Pawlu, bħala namrati tiegħu. Pietru, qabel sallbuh, ma ħasibx fih innifsu imma fil-Mulej tiegħu u, billi ħassu mhux denn li jmut bħalu, talabhom isallbuh rasu ’l isfel. Pawlu, qabel qatgħulu rasu, ħaseb biss kif ħa jagħti ħajtu u kiteb li demmu riedu “mxerred b’sagrifiċċju” (2 Tim 4:6). Din hi l-profezija. Mhux paroli. Din hi l-profezija, il-profezija li tibdel l-istorja.

 

Għeżież ħuti, Ġesù lil Pietru ħabbarlu: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”. Għalina wkoll hemm profezija simili. Tinsab fl-aħħar ktieb tal-Bibbja, fejn Ġesù jwiegħed lix-xhieda fidili tiegħu “ċagħka bajda, b’isem ġdid minqux fuqha” (Apok 2:17). Kif il-Mulej bidel lil Xmun f’Pietru, hekk isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna, biex jagħmilna ġebel ħaj li bih jibni Knisja u umanità mġedda. Dejjem ħa nsibu min irid jeqred l-għaqda u jxejjen il-profezija, imma l-Mulej jemmen fina u qed jistaqsik: “Int trid tkun bennej tal-għaqda? Trid tkun profeta tal-ġenna tiegħi fuq din l-art?”. Ħuti, ejjew inħallu lil Ġesù jipprovokana u nsibu l-kuraġġ li ngħidulu: “Iva, irrid!”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard