L-OMELIJA ta’ PAPA FRANĠISKU

fil-Quddiesa  waqt iż-żjara ltiegħu f’Bari, fit-23 ta’ Frar 2020

 

Ġesù jikkwota liġi antika: «Għajn b’għajn u sinna b’sinna» (Mt 5,38; Eż 21,24). Nafu x’kienet tfisser din il-liġi: jekk xi ħadd għamillek xi ħaġa, agħmel lilu dak li għamel miegħek hu. Permezz ta’ din il-liġi ġa kien sar pass kbir ‘l quddiem għax kienet twissi biex wieħed ma jpattix  b’xi ħaġa agħar minn dik li saret lilu. Jekk xi ħadd kien ikun għamillek  xi ħsara, stajt tpattilu bl-istess kejl imma mhux b’xi ħaġa agħar. U dan kien pass ‘l quddiem. Iżda Ġesù mar ħafna aktar ‘l hemm minn dan: «Imma jien ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux» (Mt 5,39). Imma kif Mulej? Jekk xi ħadd ħaseb ħażin fija, jekk xi ħadd jagħmilli l-ħsara, ma nistax inpattilu bl-istess mod? “Le”, jgħid Ġesù: m’għandux ikun vjolenza, ebda vjolenza.

Forsi naħsbu li fit-tagħlim ta’ Ġesù hemm strateġija: li fl-aħħar il-bniedem ħażin jieqaf, ma jkomplix.  Imma Ġesù mhux dan kellu f’moħħu meta talabna nħobbu lil min jagħmlilna l-ħsara. Mela għaliex talabna dan? Għax il-Missier, Missierna jħobb dejjem u lil kulħadd, anki meta ma nweġbux b’imħabba għall-imħabba li jagħtina Hu. Hu «jtella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex» (v. 45). L-ewwel qari tal-lum qalilna «Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien il-Mulej, Alla tagħkom!» (Lev 19,2). Fi kliem ieħor: “Għixu kif ngħix jien, fittxu dak li nfittex jien”. Ġesù hekk għamel. Ma ppuntax subgħajh kontra dawk li kkundannawh inġustament u qatluh b’mewt krudila, imma fetaħ dirgħajh għalihom fuq is-salib. Ħafer lil dawk li nifdu  l-imsiemer f’idejh (ara Lk 23,33-34). 

Mela, jekk irridu nkunu dixxipli ta’ Kristu, jekk irridu ngħidu li aħna nsara, din hi t-triq u m’hemmx oħra. Għax maħbubin minn Alla, aħna msejħin biex inħobbu; għax maħfura, aħna msejħa biex naħfru; għax milquta mill-imħabba, aħna msejħin biex nagħtu l-imħabba mingħajr ma noqogħdu nistennew li jkunu l-oħrajn li jibdew huma jħobbuna; għax  mifdija  bla  ebda ħlas, aħna msejħa biex ma nfittxu ebda benefiċċju għall-ġid li nagħmlu. Forsi tgħid: “Imma Ġesù esaġera! Wasal biex jgħid: «Ħobbu l-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom» (Mt 5,44); tkellem b’dan il-mod  biex jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk  li kienu qed jisimgħuh, imma ma riedx ifisser hekk”. Iżda iva, Ġesù hekk ried ifisser, hu ma jilgħabx bil-kliem. Hu jitkellem b’mod dirett u ċar. Jikkwota liġi antika u jgħid b’mod solenni: “Imma jien ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom!”  Hu propju dan li ried jgħid, hu ċar ħafna fi kliemu.

Ħobbu l-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom. Din hi n-novità tal-ħajja nisranija. Nitobu u nħobbu: dan hu li rridu nagħmlu; u rridu nagħmluh mhux biss ma’ min iħobbna, ma’ ħbiebna, mal-poplu tagħna. Għax l-imħabba ta’ Ġesù ma tafx  b’limiti u  b’barrieri. Il-Mulej jitlob minna l-kuraġġ li nħobbu mingħajr ma noqogħdu nikkalkulaw. Għax l-imħabba ta’  Ġesù m’għandhiex kejl. Kemm drabi warrabna dak li jitlob minna Ġesù u ġibna ruħna bħalma jagħmel kulħadd!  Iżda l-kmand tal-imħabba mhuwiex sempliċiment sfida; hu l-qalba tal-Evanġelju. Fejn tidħol l-imħabba lejn kulħadd, m’għandniex naċċettaw skużi jew nippridkaw il-prudenza komda. Il-Mulej la kien kawt u lanqas għamel kompromessi; hu talabna l-estremiżmu tal-imħabba. L-uniku estremiżmu nisrani leċtu hu l-estremiżmu tal-imħabba.

Ħobbu l-għedewwa tagħkom. Jagħmlilna tajjeb  illum  jekk waqt il-Quddiesa u anki wara  nerġgħu ngħidu dan il-kliem lilna nfusna u napplikawh għal dawk  li jittrattawna ħażin, idejquna, insibuha diffiċli  biex naċċettawhom  u jtellfuna s-serenità. Ħobbu l-għedewwa tagħkom. Jagħmlilna tajjeb ukoll jekk nistaqsu lilna nfusna:” X’jippreokkupani l-aktar f’ħajti: l-għedewwa, dawk li jixtiequli d-deni, jew inkella li nħobb?” Tħabbilx rasek dwar il-ħjiena tal-oħrajn, dwar min jaħseb ħażin fik. Iżda minflok ibda żarma dan kollu minn qalbek għall-imħabba ta’ Ġesù. Għax min iħobb lil Alla m’għandux għedewwa f’qalbu.  Il-qima li nagħtu lil Alla hi kontra l-kultura tal-mibegħda. U l-kultura tal-mibegħda niġġildulha billi noħduha kontra l-kult tat-tgergir. Kemm drabi ngergru minħabba dak li jkun jonqosna, minħabba l-affarijiet li ma jmorrux tajjeb! Ġesù jaf li hemm ħafna affarijiet li ma jmorrux tajjeb, li dejjem ser ikun hemm xi ħadd li jixtieqilna d-deni, u anki xi ħadd li jippersegwitana. Imma jitlobna biss li nitolbu u nħobbu. Din hi r-rivoluzzjoni ta’ Ġesù, li hi l-akbar rivoluzzjoni fl-istorja:  tħobb l-għadu minflok ma tobogħdu, tkun don għall-oħrajn minflok ma tgerger kontrihom. Din hi l-mixja li rridu nagħmlu  jekk aħna ta’ Ġesù! M’hemmx triq oħra.

Dan hu kollu minnu, imma inti tista’ toġġezzjona u tgħid: “Nifhem il-kobor tal-ideal, imma l-ħajja hi mod ieħor! Jekk inħobb u naħfer, ma nkampax  f’din id-dinja fejn issaltan il-loġika ta’ min hu b’saħħtu u qisu kulħadd jaħseb għalih innifsu”. Allura l-mod kif jaħsibha Ġesù hi l-loġika tat-telliefa? Hi l-loġika tat-telliefa f’għajnejn id-dinja, imma f’għajnejn Alla hi l-loġika tar-rebbieħa. Fit-tieni qari San Pawl qalilna: «Ħadd ma għandu jitqarraq.... Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla» (1 Kor 3,18-19). Alla jara dak li aħna ma narawx. Jaf kif jirbaħ. Jaf li l-ħażin jintrebaħ biss bit-tajjeb. Hekk salvana: mhux bis-sejf imma bis-salib. Meta nħobbu u naħfru, inkunu qed ngħixu ta’ rebbieħa. Inkunu telliefa jekk niddefendu l-fidi bil-forza. Il-Mulej jgħid lilna wkoll il-kliem li qal lil Pietru fil-Ġetsemani: «Erġa’ daħħal is-sejf fil-għant tiegħu» (Ġw 18,11). Fil-Ġetsemani tal-lum, fid-dinja indifferenti u inġusta tagħna, fejn qisna qed ngħixu l-agunija tat-tama, in-nisrani ma jistax jagħmel bħad-dixxipli li l-ewwel l-ewwel qabdu x-xabla u mbagħad ħarbu. Le, is-soluzzjoni mhijiex  li wieħed  juża x-xabla kontra xi ħadd u lanqas li naħarbu ż-żmenijiet li ngħixu fihom. Is-soluzzjoni hi t-triq ta’ Ġesù: imħabba ħajja, imħabba umli, imħabba «għall-aħħar» (Ġw 13,1).

Għeżież, bl-imħabba tiegħu li ma tafx limitu, illum Ġesù, qed jgħolli l-livell tal-umanità tagħna. Nistgħu nistaqsu: “Imma aħna naslu għal dak li Hu qed  jitlob minna?” Kieku  kien impossibbli, kieku ma kienx jitlobna biex naslu għalih. Iżda bil-forza tagħna biss hu diffiċli naslu; din hi grazzja  u rridu nitolbu għaliha. Ejja nitolbuh il-grazzja li nħobbu; ejja ngħidulu:”Mulej, għinni nħobb; għallimni naħfer. Waħdi ma jirnexxilix, għandi bżonnok”. U nitolbu wkoll li nħarsu lejn l-oħrajn bħala ħutna li rridu nħobbuhom u mhux bħala xkiel jew tfixkil. Spiss nitolbu għajnuna u grazzji għalina, imma ftit nitolbu biex  inkunu nafu kif għandna nħobbu. Ma nitolbux biżżejjed biex insiru nafu ngħixu l-qalba tal-Evanġelju, biex inkunu tassew insara. Għax «Filgħaxija tal-ħajja, ser inkunu ġġudikati fuq l-imħabba» (San Ġwann tas-SalibKliem ta’ dawl u mħabba, 57).   

Ejjew illum nagħżlu l-imħabba, ukoll jekk dan ifisser ħafna għalina, ukoll jekk dan ifisser li rridu mmorru kontra l-kurrent. Ejjew ma nkunux ikkundizzjonati bil-mod kif taħsibha d-dinja, ma nkunux kuntenti b’imħabba ta’ nofs kedda. Ejjew nilqgħu l-isfida ta’ Ġesù, l-isfida tal-imħabba. Hekk, inkunu tassew insara u d-dinja ssir aktar umana.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.