Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, ngħollu t-tifħir u r-radd il-ħajr lil Alla għad-don li s-Sena Mqaddsa tal-Ħniena kienet għall-Knisja u għal tant persuni ta’ rieda tajba.

Wara li sellem lill-President tar-Repubblika tal-Italja u lid-delegazzjonijiet uffiċjali il-Papa Franġisku esprima r-rikonoxxenza kbira lejn min kien reponsabbli min-naħa tal-Gvern Taljan u l-istituzzjonijiet kollha għall-kollaborazzjoni u l-impenn tagħhom.

Franġisku radd ħajr kbir lill-puluzija, lil min ħa ħsieb l-akkoljenza, l-informazzjoni, is-saħħa u l-volontarji ta’ kull età, ġew mnejn ġew.  Il-Papa rringrazzja b’mod partikolari  lill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġeliżżazzjoni l-Ġdida, lill-President tal-Kunsill u lil kull min ikkopera b’kull mod miegħu.

IL-Qdusija Tiegħu ftakar b’mod partikolari f’kull min ta kontribut spiritwali biex il-Ġublew irnexxa: qed naħseb, qal il-Papa, f’tant persuni anzjani u morda li kienu jitolbu bla waqfien u offrew ukoll it-tbatijiet tagħhom għall-Ġublew.  B’mod partikolari wkoll xtaq jirringrazzja lis-sorijiet tal-klawsura, fil-vġili tal-Jum Pro Orantibus (Għal dwk li jitolbu) li qed jiġi ċelebrat illum.

Il-Papa stieden lil kulħadd biex jiftakar ħafna f’dawn is-sorijiet li jiddedikaw ruħhom kompletament għat-talb u li għandhom ħafna bżonn ta’ solidarjetà spiritwali u materjali.

Ilbieraħ f’Avignon, fi Franza, ġie dikjarat Beatu, Patri Maria Eugenio tal-Bambin Ġesù, mill-Ordni tal-Karmelitani Skalzi, fundatur tal-istitut sekolari “Is-Sinjura tagħna tal-Ħajja”.  Kien bniedem ta’ Alla, qal il-Papa Franġisku, attent għall-ħtiġijiet spiritwali u materjali tal-proxxmu.  Jalla l-eżempju u l-interċessjoni tiegħu ikunu ta’ sostenn għall-fidi tagħna.

Fi tmiem id-diskors qasir il-Papa radd ħajr lil kull min mar Ruma għaċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Bieb tal-Ġublew fil-Bażilika ta’ San Pietru.  Jalla l-Verġni Marija, temm jgħi,  tgħinna nżommu ħaj fi qlubna u tkattar fina l-frott u d-doni spiritwali li ksibna minn dal-Ġublew tal-Ħniena.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber