L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (Mattew 13, 1-23) jurina lil Ġesù jipprietka fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galileja. U. minħabba li kien hemm folla kbira madwaru, Hu jitla’ fuq dagħjsa, jitbiegħed xi ftit mix-xatt u jibda’ jipprietka minn hemm.  Meta jitkellem mal-poplu Ġesù juża ħafna parabboli: lingwaġġ li jinftiehem minn kulħadd, b’tixbihat meħudin min-natura u minn sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.

L-ewwel waħda li jirrakkonta hi introduzzjoni għall-parabboli kollha: hi dik tal-bidwi li ħareġ jiżra’ u mingħajr ma jagħti każ jitfa’ ż-żerriegħa bl-abbundanza fuq kull tip ta’ art.  Il-veru protagonist ta’ din il-parabbola hi propju ż-żerriegħa li tagħmel ftit jew ħafna frott skont l-art li tkun waqgħet fuqha.  L-ewwel tliet postijiet ma jagħtux frott: tul it-triq iż-żerriegħa tittiekel mill-għasafar; qalb il-ġebel iż-żahar jinxfu minnufih għax ma jrabbux għeruq; qalb ix-xewk iż-żerriegħa tispiċċa fgatha.  Ir-raba’ art hija l-art tajba u hemmhekk biss iż-żerriegħa tisseddaq u tagħti l-frott.

F’dan il-każ, Ġesù ma waqafx biss fir-rakkont tal-parabbola imma lid-dixxipli tiegħu fissirielhom ukoll.  Iż-żerriegħa li waqgħet fit-triq tixbaħ lil dawk li jisimgħu t-tħabbira tas-Saltna t’Alla imma ma jilqugħhiex; b’hekk jiġi l-malinn u jġorrhom miegħu.  Infatti, l-malinn ma jridx li ż-żerriegħa tal-Evanġelju tinbet fi qlub il-bnedmin.  Din hi l-ewwel tixbiha.  It-tieni hi dwar iż-żerriegħa li waqgħet qalb il-ġebel: din tirrappreżenta lil dawk il-persuni li jisimgħu l-Kelma t’Alla, jilqugħa minnufih imma superfiċjalment għax m’għandhomx għeruq u jitbandlu mar-riħ u meta jsibu d-diffikultajiet u t-tribolazzjoni dawn jaqgħu mill-ewwel.  It-tielet każ hu dak taż-żerriegħa li waqgħet qalb ix-xewk: Ġesù jispjega li din tirreferi għal min jisma’ l-Kelma imma minħabba l-preokkupazzjonijiet mondani u s-seduzzjoni tal-ġid il-Kelma fihom, tifga.  Fl-aħħar, iż-żerriegħa li waqgħet fuq art tajba tirrappreżenta li dawk li jisimgħu l-Kelma, jilqugħha, iħarsuha u jifhmuha, u din tagħti l-frott.  Il-mudell pefett ta’ din l-art tajba hija l-Verġni Marija.

Dil-parabbola tallum tkellem lil kull wieħed u waħda minna l-istess kif kienet kellmet lil dawk li kienu qed jisimgħu lil Ġesù elfejn sena ilu.  Tfakkarna li aħna l-art fejn il-Mulej ma jgħejiex jitfa’ ż-żerriegħa ta-Kelma tiegħu u mħabbtu.  Kif qegħdin nilqugħha din il-Kelma?  U nistgħu nistqasu lilna nfusna: kif inhi qalbna?  Lil-liema art tixbaħ: lit-triq, lill-ġebel jew lix-xewk?  Jiddependi minnha jekk insirux l-art fertili mingħajr xewk jew ġebel imma art maħruta u kultivata bir-reqqa biex tkun tista’ tagħti l-frott għalina u għal ħutna.

Jagħmlilna tajjeb ma ninsewx li anki aħna bdiewa li niżirgħu.  Alla jiżra’ żerriegħa tajba u anki hawn nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema kwalità ta’ żerriegħa toħroġ minn qalbna u minn fommna?  Kliemna jista’ jagħmel tant ġid imma wkoll tant deni; jista’ jfejjaq u jista’ jweġġa’; jista jinkoraġġixxi u jista’ jaqta’ l-qlub.  Ftakru: li jgħodd mhux dak li jidħol imma dak li joħroġ mill-qalb u mill-fomm.

Jalla bl-eżempju tagħha, l-Madonna tgħallimna nilqgħu l-Kelma, inħarsuha u nagħmluha għammiela fina u fl-oħrajn.

 

 

Wara l-Angelus

APPELL

Minn qalbi nagħmel appell imqanqal biex nibqgħu nitolbu b’insistenza għall-paċi fl-Art Imqaddsa, fid-dawl tal-avvenimenti traġiċi ta’ dawn l-aħħar jiem.  Għad għandi ħajja f’moħħi l-laqgħa tat-8 ta’ Ġunju li għadda mal-Patrijarka Bartilmew, mal-President Peres u mal-President Abbas meta flimkien tlabna r-rigal tal-paċi u smajna s-sejħa biex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza.  Xi ħadd jista’ jaħseb li dik il-laqgħa saret għalxejn.  Iżda le! It-talb jgħinna biex ma nħallux il-ħażin jegħlibna u biex il-vjolenza u l-mibgħeda ma jieħdux post id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni.  Inħeġġeġ lill-partijiet kollha li għandhom responsabbiltajiet politiċi fuq livell lokali u internazzjonali biex ma jehdewx jitolbu u biex ma jħallu ebda sforz nieqes biex iwaqqfu kull tip ta’ ostilità u jnisslu l-paċi mixtieqa għall-ġid ta’ kulħadd.  U nistedinkom ilkoll biex tingħaqdu fit-talb.  Fis-silenzju, ilkoll, nitolbu.  (Talb fis-skiet).  Issa, Mulej, għinna Int!  Tina Int il-paċi, mexxina lejn  il-paċi.  Iftħilna għajnejna u qlubna u tina l-kuraġġ li ngħidu: “qatt iżjed il-gwerra!”.  “Bil-gwerra kollox jinqered!”  Nissel fina l-kuraġġ li nagħmlu l-ġesti konkreti meħtieġa biex nibnu l-paċi…  Agħmel li nkunu disponibbli biex nisimgħu l-għajta taċ-ċittadini tagħna li qed jitolbuna biex l-armi tagħna nibdluhom fi strumenti ta’ paċi, il-biżgħat tagħna f’fiduċja, it-tensjonijiet tagħna f’maħfra.  Ammen.

 

 

Għeżież ħuti Rumani u pellegrini
insellmilkom minn qalbi!

Illum huwa Jum il-Baħar.  Indawwar ħsiebi lejn kull min jaħdem fuq il-baħar, is-sajjieda u l-familji tagħhom.  Inħeġġeġ lill-komuntajiet Insara, partikolarment dawk li joqgħodu ħdejn il-kosta, biex ikunu attenti u sensittivi lejn dawn ħutna.  Nistieden lill-kappillani u l-volontarji tal-Appostolat tal-Baħar biex ikomplu bl-impenn tagħhom tal-kura pastorali ta’ dawn ħutna.  Ilkoll nafdahom, speċjalment dawk li jinsabu fid-diffikultà jew bogħod minn djarhom, lill-protezzjoni materna ta’ Marija, Kewkba tal-Baħar.

Ningħaqad fit-talb mar-Ragħajja u mal-fidili li qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ tal-Familja ta’ Radju Marija f’Jasna Gora, Ċestokova.  Inroddilkom ħajr għat-talb tagħkom u nberikkom minn qalbi.

Insellem b’imħabba kbira lill-ulied spiritwali ta’ San Camillo de Lellis, li għada jaħbat l-400 sena minn mewtu.  Nistieden lill-familja Camilljana, fl-eqqel ta’ din is-sena ġjubilari, biex ikunu sinjal tal-Mulej Ġesù li, bħala Sammaritan tajjeb imil fuq il-feriti tal-ġisem u tal-ispirtu tal-umanità sofferenti billi jxerred iż-żejt tal-faraġ u l-inbid tat-tama.  Lilkom, miġburin hawn fi Pjazza San Pietru, kif ukoll lill-operaturi sanitarji li jaħdmu fl-isptarijiet u fid-djar tal-kura, nawguralkom li tikbru dejjem aktar fil-kariżma tal-karità li hi mitmugħa mill-kuntatt li kuljum ikollkom mal-morda.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-Tajjeb u l-ikla ta’ nofsinhar it-tajba.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber