VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIIJA TIEGĦU FRANĠISKU
F’AJACCIO
FL-OKKAŻJONI
TAL-KUNGRESS
“IR-RELIĠJOŻITÀ POPOLARI FIL-MEDITERRAN”
SESSJONI TAT-TMIEM TAL-KUNGRESS
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
“Palais des Congrès et d’Exposition d’Ajaccio”
Il-Ħadd, 15 ta’ Diċembru, 2024
Sur Kardinal,
għeżież ħuti fl-episkopat,
għeżież saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel,
għeżież ħuti!
Jien kuntent li qed nitlaqa’ magħkom hawn f’Ajaccio fi tmiem il-Kungress dwar il-pjetà popolari fil-Mediterran, li ħadu sehem fih bosta studjużi u Isqfijiet minn Franza u minn pajjiżi oħra.
L-artijiet bi xtuthom fil-baħar Mediterran daħlu fl-istorja u kienu l-benniena ta’ bosta civiltajiet li laħqu livell ta’ żvilupp eċċezzjonali. Niftakru partikolarment f’dik greco/rumana u dik ġudeo/kristjana, li huma xhieda tar-rilevanza kulturali, reliġjuża, storika ta’ din “l-għadira” kbira li tmiss tliet kontinenti, dal-baħar uniku fid-dinja, il-Mediterran.
Ma nistgħux ninsew li fil-letteratura klassika, dik griega u dik latina, il-Mediterran kien ix-xenarju ideali li welled miti, rakkonti u leġġendi. Ma ninsewx ukoll il-fatt li l-ħsieb filosofiku u l-arti flimkien mat-teknika tat-tbaħħir kienu strumentali biex iċ-ċiviltà tal-Mare nostrum tiżviluppa kultura mil-aqwa, tiftaħ toroq ta’ komunikazzjoni, tibni infrastrutturi u akwedotti, u, aktar minn hekk, sistemi ġuridiċi u istituzzjonijiet ta’ kumplesstià eċċezzjonali, li l-prinċipji bażiċi tagħhom għadhom validi u attwali sal-ġurnata tal-lum. Bejn il-Mediterran u l-Lvant Qrib, kellha l-bidu tagħha esperjenza reliġjuża partikolari għall-aħħar, marbuta ma’ Alla ta’ Iżrael, li ġiet rivelata lill-umanità u bdiet djalogu ma jaqta’ xejn mal-poplu tiegħu sa ma’ waslet il-milja tagħha bil-preżenza singulari ta’ Ġesù, Iben Alla. Kien Hu li wriena b’mod deċisiv il-wiċċ tal-Missier, Missieru u Missierna u li ġab fi tmiemha l-Allejanza bejn Alla u l-umanità.
Għaddew aktar minn elfejn sena mill-Inkarnazzjoni ta’ Iben Alla u kienu ħafna l-epoki u l-kulturi li segwew lil xulxin. F’xi waqtiet tal-istorja l-fidi nisranija kienet tnebbaħ il-ħajja tal-popli u saħansitra tal-istess istituzzjonijiet politiċi tagħhom, waqt li llum, speċjalment fil-pajjiżi ewropej, l-għarfein ta’ Alla donnu qed ibatti u qed insiru dejjem aktar indifferenti għall-preżenza tiegħu u għal Kelmtu. Madankollu jeħtieġ inkunu kawti fl-analiżi ta’ dax-xenarju, biex ma nsipiċċawx nagħmlu osservazzjonijiet mgħaġla u ġudizzji ideoloġiċi li kultant, illum ukoll, iqisu li hemm konfront bejn il-kultura nisranija u l-kultura lajka. Dan hu żball!
Għall-kuntrarju, importanti ftuħ reċiproku bejn dawn iż-żewġ ixqfa: min jemmen jinfetaħ b’serenità dejjem akbar għall-possibbiltà li jgħix il-fidi tiegħu bla ma jimponieha, jgħixha bħala ħmira fl-għaġna tad-dinja u tal-ambjenti kull fejn jinsab; u dawk li ma jemmnux jew li tbiegħdu mill-prattika reliġjuża mhumiex maqtugħin mit-tfittxija tal-verità, tal-ġustizzja u s-solidarjetà, u spiss, minkejja li ma jħaddnu ebda reliġjon, f’qalbhom għandhom għatx akbar, mistoqsija bis-sens li ġġagħalhom jaħsbu dwar il-misteru tal-ħajja u jfittxu valuri fundamentali li jaħju l-ġid komuni.
U propju f’dal-qafas nistgħu nifhmu s-sbuħija u l-importanza tal-pjetà popolari (cfr S. Pawlu VI, Eżort. App. Evangelii nuntiandi, 48). Kien San Pawlu VI li “bidel l-isem” fl-Evangelii nuntiandi u “r-reliġjożità” sejħilha “pjetà” popolari. Minn banda, dan jeħodna lura lejn l-Inkarnazzjoni bħala sies tal-fidi nisranija, li dejjem tesprimi ruħha fil-kultura, fl-istorja u fil-lingwaġġi ta’ poplu u tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra permezz ta’ simboli, drawwiet, riti u tradizzjonijiet ta’ komunità ħajja. Min-naħa l-oħra, il-prattika tal-pjetà popolari tiġbed lejha u tinvolvi wkoll lill-persuni li jinsabu fuq l-għatba tal-fidi, li mhumiex prattikanti assidwi iżda li fiha jsibu mill-ġdid l-esperjenza tal-għeruq tagħhom u ta’ dak li jgħożżu flimkien ma’ ideali u valuri li jħossu li huma utli għall-ħajjithom u għas-soċjetà.
Meta l-pjetà popolari tesprimi ruħha b’ġesti sempliċi u lingwaġġi simboliċi b’għeruqhom fil-kultura tal-poplu, din tirrivela l-preżenza ta’ Alla fil-laħam ħaj tal-istorja, issaħħaħ sfiq ir-relazzjoni mal-Knisja u spiss tkun okkażjoni ta’ laqgħa, ta’ skambju kulturali u ta’ festa – ħaġa kurjuża: pjetà li mhix festuża “ma fihiex riħa tfuħ”, mhix pjetà ġejja mill-poplu, hi wisq “distillata” -. F’das-sens, il-prattika tagħha tlaħħam ir-relazzjoni mal-Mulej u l-kontenuti tal-fidi. Dwar dan nieħu gost niftakar f’riflessjoni ta’ Blaise Pascal, li fi djalogu ma’ interlokutur fittizju, biex jgħinu jifhem kif jasal għall-fidi, jgħid li mhux biżżejjed iġġib elf prova tal-eżistenza ta’ Alla jew li tagħmel sforzi intellettwali; pjuttost hemm bżonn ħarsa lejn dawk li diġà mxew ‘il quddiem fil-mixja, għax huma bdew “b’passi żgħar”, billi jbillu sebgħajhom fl-ilma mbierek, (Pensieri, fl-Opere complete, Milan, 2020, n. 681). Il-passi żgħar li jmexxuk ‘il quddiem. Il-pjetà popolari hi pjetà li tinvolvi wkoll il-kultura, imma m’għandhiex inħalltuha mal-kultura. Tagħmel passi żgħar.
Allura hemm ħaġa li m’għandniex ninsewha: “Fil-pjetà popolari wieħed jista’ josserva l-mod li bih il-fidi li l-bniedem jirċievi, tinkarna ruħha f’xi kultura u tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra” u għalhekk fiha hemm “forza evanġelizzatriċi attiva li ma nistgħux innaqqsulha l-valur tagħha: inkunu qiesna qed niċħdu l-opra tal-Ispirtu s-Santu” (Eżort. App. Evangelii Gaudium 123; 126) li jaħdem fil-Poplu qaddis ta’ Alla, imexxih ‘il quddiem fid-dixxerniment tal-ħajja ta’ kuljum. Niftakru fid-djaknu Filippu, imsejken, li ġurnata waħda l-Ispirtu ħadu fi triq fejn sama’ lil wieħed pagan, qaddej tar-reġina Candice tal-Etjopja, jaqra mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija u ma kien qed jifhem xejn. Resaq lejh: “Qed tifhem:” – “Le”. U ħabbarlu l-Evanġelju. U dak ir-raġel li rċieva l-fidi f’dak il-waqt, meta wasal ħdejn l-ilma; jgħid: “Għidli, Filippu, inti tista’ tgħammidni, issa li hawn l-ilma?” U Filippu ma qallux : “Le, trid tagħmel kors, iġġib il-parrini li t-tnejn iridu jkunu żżewġu fil-Knisja;.....”. Le, għammdu. Il-Magħmudija hi propju d-don tal-fidi li jitna Ġesù. Irridu noqgħodu attenti biex il-pjetà popolari ma tkunx sfruttata, strumentalizzata b’aggregazzjonijiet li l-għan tagħhom ikun li jsaħħu l-identità tagħhom b’mod polemikuz, ifettqu fid-dettalji, fil-kontrapożizzjonijiet u atteġġjamenti li jeskludu. Dan kollu jmur kontra l-ispirtu nisrani tal-pjetà popolari u jinvolvi lil kulħadd, b’mod speċjli r-Ragħajja, biex jgħassu, jiddixxernu u jkunu attenti sfiq dwar l-għamliet popolari tal-ħajja reliġjuża.
Meta l-pjetà popolari jirnexxilha tikkomunika l-fidi nisranija u l-valuri kulturali ta’ poplu, billi tgħaqqad il-qlub u tinkorpora l-komunità, allura, minn dan jinbet frott importanti li jinfirex fuq is-soċjetà kollha u wkoll fuq ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet politiċi, soċjali u ċivili u mal-Knisja. Il-fidi ma tibqax fatt privat – irridu niftħu għajnejna sew għal dan l-iżvilupp, ikolli ngħid eretiku, tal-privatizzazzjoni tal-fidi; il-qlub jamalgamaw ruħhom u jibqgħu mexjin... -, fatt li jintgħaġen fil-qiegħ tal-kuxjenza, imma, - jekk ikun fidil lejh innifsu – jfisser impenn u xhieda lejn kulħadd, għat-tkabbir uman, għall-progress soċjali u l-kura tal-ħolqien, ittimbrati bil-karità.
Propju minħabba f’hekk, mill-istqarrija tal-fidi nisranija u mill-ħajja komunitarja mnebbħa mill-Evanġelju u s-Sagramenti, tul is-sekli twieldu għadd kbir ta’ opri ta’ solidarjetà u istituzzjonijiet bħalma huma sptarijiet, skejjel, ċentri ta’ assistenza – fi Franza hawn għadd kbir minnhom! -li bihom, dawk li jemmnu impenjaw ruħhom favur min fil-bżonn u taw kontribut lejn it-tkattir tal-ġid komuni. Il-pjetà popolari, il-purċissjonijiet u r-rogazzjonijiet, l-attivitajiet karitattivi tal-konfraternitajiet, it-talb komunitarju tar-Rużarju u għamliet oħra ta’ devozzjoni jistgħu imantnu – ippermettuli niddsekriviha hekk – din “iċ-ċittadinanza kostruttiva” tal-insara. Il-pjetà popolari ttik “ċittadinanza kostruttiva!”
Kultant, xi intellettwali, xi teologu, dan ma jifhmuhx. Niftakar okkażjoni meta kont mort fit-tramuntana tal-Argentina, f’Salta, fejn issir il-festa tas-Señor de los Milagros, is-Sinjur tal-Mirakli. Il-provinċja kollha, kollha kemm hi, tinġabar fis-santwarju u kulħadd iqerr, ibda mis-sindku u kulħadd, għax fihom hemm din il-pjetà. Jien dejjem kont immur inqarar, u kien xogħol qawwi għax in-nies kollha jersqu għall-qrar. Ġurnata minnhom, meta ħriġt, iltaqajt ma’ saċerdot li kont nafu: “Oh, int hawn, kif int?” – “Tajjeb” ... u aħna u ħerġin, resqet fuqna mara b’xi santi f’idejha u lis-saċerdot, teologu bravu, qaltlu: “Padre, tberikomli?” Is-saċerdot, b’teoloġija kbira qalilha: “Imma, sinjura, int kont preżenti għall-Quddiesa?” – “Iva, padrecito” – “U int taf li fl-aħħar tal-Quddiesa jitbierek kollox?” – “Iva, padrecito” – “U inti taf li l-barka t’Alla tiġi fuqek ukoll?” – “Iva, padrecito”. Dak il-ħin sejjaħlu saċerdot ieħor: “Oh, kif int?” U s-sinjura li kienet tenniet “iva, padrecito” tant drabi daret lejn it-tieni saċerdot u qaltlu: “Padre, tberikomli?” Hemm kompliċità sana li tfittex il-barka tal-Mulej u ma taċċettax ġeneralizzazzjonijiet.
Fl-istess ħin, fuq l-istess art komuni ta’ dan il-kuraġġ li bih isir il-ġid, li tintalab il-barka, min jemmen jista’ jsib ruħu f’mixja spalla ma’ spalla wkoll mal-istituzzjonijiet lajċi, ċivili u politiċi, biex jaħdem flimkien magħhom għall-qadi ta’ kull persuna, ibda minn dawk tal-aħħar, għat-tkabbir integrali u l-ħarsien ta’ din l-“Île de beauté” (“Gżira ta’ sbuħija”).
Minn hawn tinbet il-ħtieġa li jkun sviluppat kunċett ta’ lajċità li ma jkunx statiku u riġidu, iżda evoluttiv, dinamiku, bil-ħila li jadatta ruħu għas-sitwazzjonijiet diversi jew li jinqalgħu ħabta w sabta, u li jippromwovi kollaborazzjoni kostanti bejn l-awtoritajiet ċivili u ekkleżjatiċi għall-ġid tal-kollettività sħiħa, fejn kulħadd jopera fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu u tal-ispazju tiegħu. Benedittu XVI afferma: lajċità sana tfisser: li r-reliġjon tinħeles mill-piż tal-politika waqt li tgħaniha bil-kontribut tar-reliġjon, u fl-istess ħin tinżamm id-distanza meħtieġa bil-kollaborazzjoni bejn it-tnejn. (...) Lajċità sana bħal din tippermetti lill-politka li taħdem bla ma tistrumenalizza r-reliġjon u biex ir-reliġjon tgħix liberament bla ma tittaqqal bil-politika iddettata mill-interessi, li xi kultant ftit li xejn huma konformi, jekk mhux ukoll kuntrarji għat-twemmin reliġjuż. Għaldaqstant lajċità sana (għaqda-distinzjoni) hi neċessarja, anzi, indispensabbli għat-tnejn” (Eżort. App. post sinodali Ecclesia in Medio Oriente, 29) Hekk kiteb Benedittu XVI: lajċità sana imma flimken mar-reliġjożità. Kulħadd b’rispett lejn l-għalqa. B’hekk jistgħu jilliberaw ruħhom aktar enerġiji u aktar sinerġiji, mingħajr preġudizzji u mingħajr oppożizzjonijiet ta’ prinċpju, fi djalogu miftuħ, ħieles u għammiel.
Għeżież ħuti, il-pjetà popolari, li hawnhekk f’Corsica għandha għeruq fondi – u dan mhix superstizzjoni -, toħroġ għad-dawl il-valuri tal-fidi u, fl-istess ħin, hi espressjoni tal-wiċċ, tal-istorja u l-kultura tal-popli. F’din in-nisġa, bla konfużjoni, ssib postha għamla ta’ djalogu kostanti bejn id-dinja reliġjuża u dik lajka, bejn il-Knisja u l-istituzzjonijiet ċivili u politiċi. Intom ilkom żmien mexjin f’dit-triq, hi tradizzjoni tagħkom u intom eżempju jiddi fl-Ewropa. Ibqgħu mexjin! U nixtieq inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jimpenjaw ruħhom aktar attivament fil-ħajja soċjo-kulturali u politika, bil-ħeġġa tal-ideali l-aktar sani u l-passjoni għall-ġid komuni. Kif ukoll, neżorta lir-ragħajja u lill-fidilli, lill-politiċi u li min għandu xi responsabbiltà pubblika biex jibqgħu dejjem qrib il-poplu, jisimgħu x’għandu bżonn, jindunaw bit-tbatijiet tiegħu, jagħmlu tagħhom xewqatu għax kull awotrità tissaħħaħ biss bil-qrubija. Ir-ragħajja għandu jkollhom dawn it-tipi ta’ qrubija: qrubija ma’ Alla, qrubija ma’ ragħajja oħra, qrubija mas-saċerdoti, qrubija mal-popli li tant huma qrib. Dawn huma l-veru ragħajja. Iżda r-ragħaj li m’għandux dil-qrubija u lanqas hu qrib l-istorja u l-kultura, hu sempliċiment “Monsieur l’Abbé”. Mhux ragħaj. Hemm bżonn nagħmlu distinzjoni bejn dawn iż-żewġ modi kif issir il-pastorali.
Nawgura li dal-Kungress dwar il-pjetà popolari jgħinkom tiskopru mill-ġdid l-għeruq tal-fidi tagħkom u jixprunakom biex iġġeddu l-impenn tagħkom fil-Knisja u fis-soċjetà ċivili, għas-servizz tal-Evanġelju u għall-ġid komuni taċ-ċittadini kollha.
Marija, Omm il-Knisja, takkumpanjakom u tassistikom fil-mixja tagħkom. Grazzi ħafna!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber