EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA POSTSINODALI

QUERIDA AMAZONIA

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-POPLU TA’ ALLA

U LILL-BNEDMIN KOLLHA TA’ RIEDA TAJBA

 

1. Il-maħbuba Amażonja tidher quddiem id-dinja fil-ġmiel kollu tagħha, imma wkoll bil-wiċċ drammatiku u misterjuż tagħha. Alla tana l-grazzja li nżommuha b’mod speċjali quddiem għajnejna fis-Sinodu li ltaqa’ Ruma bejn is-6 u s-27 ta’ Ottubru u li għalaq b’test li jismu: L-Amażonja: mixjiet ġodda għall-Knisja u għal ekoloġija integrali.

 

Is-sens ta’ din l-Eżortazzjoni

2. Tajt widen għall-interventi li saru tul is-Sinodu u qrajt b’interess il-kontributi taċ-ċrieki minuri. B’din l-Eżortazzjoni nixtieq nesprimi dak li ħassejt jidwi fija wkoll tul din il-mixja ta’ djalogu u dixxerniment. Hawn m’iniex se niżviluppa l-kwistjonijiet kollha esposti b’mod abbundanti fid-Dokument konklużiv. La rrid neħodlu postu u lanqas nirrepeti x’hemm fih. Nixtieq biss li noffri qafas żgħir ta’ riflessjoni li jinkarna fir-realtà tal-Amażonja sintesi ta’ xi wħud mill-preokkupazzjonijiet kbar li diġà wrejt fid-dokumenti tiegħi ta’ qabel, biex jista’ jgħinna u jorjentana biex nilqgħu b’mod armonjuż, kreattiv u li jħalli l-frott il-mixja sinodali kollha kemm hi.

 

3. Fl-istess waqt nixtieq nippreżenta uffiċjalment dak id-Dokument, li joffrilna l-konklużjonijiet tas-Sinodu u li fih ikkollaboraw tant persuni li jafu aħjar minni u mill-Kurja Rumana l-problematika tal-Amażonja, għax jgħixu hemm, ibatu għaliha u jħobbuha b’passjoni. Ippreferejt ma noqgħodx nikkwota dak id-Dokument f’din l-Eżortazzjoni, għax irrid nistedinkom taqrawh kollu.

 

4. Jalla l-Knisja kollha tħalli tagħniha u tisfidaha din il-ħidma, u li r-Ragħajja, l-ikkonsagrati u l-fidili lajċi tal-Amażonja jħabirku fit-twettiq tagħha u li tista’ b’xi mod iddawwal lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

 

Ħolmiet għall-Amażonja

5. L-Amażonja hi ġabra multinazzjonali f’rabta sħiħa fi ħdanha, bijoma kbira li magħha jmissu disa’ pajjiżi: il-Brażil, il-Bolivja, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Guyana, il-Perù, is-Suriname, il-Veneżwela u l-Guyana Franċiża. Madankollu, din l-Eżortazzjoni qed nindirizzaha lid-dinja kollha. Minn naħa, dan qed nagħmlu biex ngħin ħalli nqanqal mill-ġdid l-għożża u t-tħassib għal din l-art li hi “tagħna” kollha u nistieden lil kulħadd biex jammiraha u jagħraf fiha misteru qaddis; min-naħa l-oħra, għaliex l-attenzjoni tal-Knisja għall-problematiċi ta’ dan il-post tobbligana nerġgħu naqbdu f’idejna għal ftit xi temi li m’għandniex ninsew u li jistgħu jnebbħu reġjuni oħra fid-dinja quddiem l-isfidi tagħhom.

 

6. Dak kollu li l-Knisja toffri għandu jitlaħħam b’mod oriġinali f’kull post tad-dinja, biex hekk l-Għarusa ta’ Kristu jkollha bosta wċuħ ta’ kull għamla li jikxfu aħjar l-għana bla qies tal-grazzja. Il-predikazzjoni għandha titlaħħam, l-ispiritwalità għandha titlaħħam, l-istrutturi tal-Knisja għandhom jitlaħħmu. Għalhekk ippermettuli umilment, f’din l-Eżortazzjoni qasira, nesprimi erba’ ħolmiet kbar li tnebbaħni għalihom l-Amażonja.

 

7. Noħlom Amażonja li tissielet għad-drittijiet tal-iżjed foqra, tal-popli indiġeni, ta’ dawk li huma fl-aħħar post, fejn leħinhom jiġi mismugħ u d-dinjità tagħhom imwieżna.

 

Noħlom Amażonja li tħares l-għana kulturali li jagħżilha, fejn jilma f’għamliet ta’ kull bixra l-ġmiel tal-bniedem.

 

Noħlom Amażonja li tħares b’għira qaddis il-ġmiel naturali irreżistibbli li jżejjinha, il-ħajja kotrana li timla x-xmajjar u l-foresti tagħha.

 

Noħlom komunitajiet Insara li għandhom il-ħila jħabirku u jinkarnaw fl-Amażonja, sal-punt li jagħtu lill-Knisja wċuħ ġodda b’fattizzi Amażoniċi.

 


 

L-EWWEL KAPITLU

ĦOLMA SOĊJALI

 

8. Il-ħolma tagħna hi dik ta’ Amażonja li tintegra u tippromovi lin-nies kollha li jgħixu fiha biex jistgħu jsaħħu l-“għajxien tajjeb” tagħhom. Imma hemm bżonn ta’ karba profetika u ta’ impenn qawwi b’risq dawk l-iżjed foqra. Fil-fatt, għalkemm l-Amażonja tinsab quddiem diżastru ekoloġiku, nosservaw li “attitudni tassew ekoloġika trid dejjem issir iżjed attitudni soċjali, li għandha ddaħħal id-diskors dwar il-ġustizzja fid-diskussjonijiet dwar l-ambjent, biex nistgħu nagħtu widen kemm għall-karba tal-art u kemm għall-karba tal-foqra”.[1] M’għandniex bżonn ta’ konservazzjoniżmu li “jitħasseb dwar il-bijoma imma jinjora l-popli tal-Amażonja”.[2]

 

Inġustizzji u kriminalitajiet

9. L-interessi tal-kolonizzaturi li żiedu u qed iżidu – legalment u illegalment – il-qtugħ tal-injam u l-industrija tal-minjieri, u li keċċew u assedjaw lill-popli indiġeni, dawk li jgħixu ma’ xatt ix-xmara u li huma ta’ oriġni Afrikana, iqanqlu protesta qawwija li titla’ ’l fuq lejn is-sema:

 

“Ħafna huma s-siġar

fejn għammret it-tortura

u mifruxa l-boskijiet

mixtrija b’elf qtil”.[3]

 

“Il-merkanti tal-injam għandhom il-parlamentari

imma l-Amażonja tagħna m’għandhiex min jaqbeż għaliha […]

Jeżiljaw il-pappagalli u x-xadini […]

mhux sa jkun l-istess il-ħsad tal-qastan”.[4]

 

10. Dan wassal għall-movimenti migratorji l-iżjed riċenti tal-indiġeni lejn il-periferiji tal-bliet. Hemmhekk ma jsibux il-veru ħelsien mit-traġedji tagħhom, imma l-agħar xejriet ta’ tjassir u ta’ faqar. F’dawn il-bliet, ikkaratterizzati minn nuqqas kbir ta’ ugwaljanza, fejn illum tgħix il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tal-Amażonja, qed joktru l-ksenofobija, l-abbuż sesswali u t-traffikar tal-persuni. Għalhekk il-karba tal-Amażonja ma titlax biss minn qalb il-foresti, imma mqar minn ħdan il-bliet tagħha.

 

11. M’hemmx bżonn nirrepetu l-analiżijiet hekk wesgħin u kompluti li ġew ippreżentati qabel u tul is-Sinodu. Imma tal-inqas infakkru f’wieħed mill-ilħna li smajna: “Aħna qed niġu milquta min-negozjaturi tal-injam, mill-bdiewa u minn terzi parti oħra. Mhedda minn atturi ekonomiċi li jimplimentaw mudell barrani għat-territorji tagħna. L-impriżi tal-injam jidħlu fit-territorju biex jisfruttaw il-foresta, aħna nieħdu ħsieb tal-foresta minħabba fi wliedna, għandna l-laħam, il-ħut, il-mediċini tal-ħxejjex, is-siġar tal-frott […]. Il-bini ta’ impjanti idroelettriċi u l-proġetti ta’ toroq għall-ilma jħallu impatt fuq ix-xmara u fuq it-territorji […]. Aħna reġjun ta’ territorji misruqa”.[5]

 

12. Il-predeċessur tiegħi, Benedittu XVI, diġà kien ikkundanna “l-qerda ambjentali tal-Amażonja u t-theddid lid-dinjità umana tan-nies li jgħixu fiha”.[6] Nixtieq inżid li ħafna traġedji kienu marbuta ma’ “mistika Amażonika” falza. Fil-fatt hu magħruf li sa mill-aħħar għaxriet ta’ snin tas-seklu l-ieħor l-Amażonja ġiet ippreżentata bħala spazju vojt enormi li jrid jiġi okkupat, bħala medda art sinjura li għandha tinħadem, bħala firxa kbira ta’ art salvaġġa li għandha tiġi adattata għall-użu. Dan kollu sar b’ħarsa li ma tagħrafx id-drittijiet tal-popli li jgħixu hemm, inkella sempliċiment tinjorahom, bħallikieku ma kinux jeżistu, jew bħallikieku l-artijiet li fihom jgħixu ma kinux tagħhom. Saħansitra fil-programmi edukattivi għat-tfal u ż-żgħażagħ, l-indiġeni ġew impinġija bħala dawk li qegħdin hemm bla dritt jew bħala użurpaturi. Il-ħajja tagħhom, ix-xewqat tagħhom, il-mod tagħhom ta’ kif jitqabdu u kif ifittxu l-għajxien ma kienu jinteressaw li ħadd, u iktar kienu meqjusa bħala xkiel li ta’ min jeħles minnu milli bħala essri umani bl-istess dinjità ta’ kull persuna oħra u bi drittijiet tagħhom.

 

13. Xi slogans iktar ikkontribwew għal dan it-taħwid kollu, fost l-oħrajn dak ta’ “la tikkonċedix”,[7] bħallikieku dan it-tjassir seta’ jiġi biss minn barra l-pajjiż, meta anki poteri lokali, bl-iskuża tal-iżvilupp, kellhom sehem f’pattijiet bl-għan li jeqirdu l-foresta – bl-għadd ta’ ħajjiet li hemm fiha – mingħajr ħniena u bla limiti. Il-popli tal-post ħafna drabi raw isseħħ taħt għajnejhom bla ma setgħu jagħmlu xejn il-qerda tal-ambjent naturali li minnu kienu jitrejqu, jikkuraw ruħhom, jgħixu u jżommu stil ta’ ħajja u kultura li kienet tagħtihom tifsira u identità. Id-differenza fil-poter hija enormi, id-dgħajfa m’għandhomx riżorsi biex jiddefendu ruħhom, waqt li r-rebbieħ jibqa’ jaħtaf kollox. “Il-popli mgħakksin mill-faqar jitgħakksu b’faqar akbar, filwaqt li dawk li għandhom kull ġid jistagħnew b’ġid akbar”.[8]

 

14. Lill-operazzjonijiet ekonomiċi, nazzjonali u internazzjonali, li jagħmlu ħsara lill-Amażonja u ma jirrispettawx id-dritt tal-popli tal-post għat-territorju u għat-tqassim tiegħu, għall-awtodeterminazzjoni u għall-kunsens minn qabel, jeħtieġ nagħtuhom l-isem li jixirqilhom: inġustizzja u kriminalitajiet. Meta xi ażjendi għatxana għal profitt baxx jaħtfu taħt idejhom artijiet u jaslu biex jipprivatizzaw imqar l-ilma tajjeb għax-xorb, jew meta l-awtoritajiet iħallu jagħmlu li jridu l-industriji tal-injam, il-proġetti tal-minjieri u taż-żejt u attivitajiet oħra li jeqirdu l-foresti u jniġġsu l-ambjent, jinbidlu b’mod żbaljat ir-relazzjonijiet ekonomiċi u jsiru strument ta’ qtil. Hi ħaġa komuni li jirrikorru għal mezzi kontra kull etika, bħal li jiġu sanzjonati l-protesti u saħansitra tittieħed il-ħajja tal-indiġeni li jeħduha kontra l-proġetti, li jipprovokaw apposta nirien fil-foresti, jew jikkorrompu l-politiċi u l-istess indiġeni. Ma’ dan hemm il-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet umani u ta’ xejriet ġodda ta’ jasar li jolqtu speċjalment lin-nisa, kif ukoll il-pesta tat-traffikar tad-droga li tipprova tgħaffeġ taħtha l-ħajja tal-indiġeni, jew it-traffikar tal-bnedmin li japprofitta minn dawk li ġew imkeċċija mill-kuntest kulturali tagħhom. Ma nistgħux inħallu l-globalizzazzjoni ssir “xejra ġdida ta’ kolonjaliżmu”.[9]

 

Ninkorlaw u nitolbu maħfra

15. Hemm bżonn ninkorlaw,[10] kif saħan Mosè (ara Eż 11:8), kif imtela bil-qilla Ġesù (ara Mk 3:5), kif jisbel Alla quddiem l-inġustizzja (ara Għam 2:4-8; 5:7-12; Salm 106:40). Mhix ħaġa tajba li nidraw il-ħażen, ma jagħmlilniex ġid li nħallu lil min imewtilna l-kuxjenza soċjali, meta “hemm tranja ta’ qerda, u saħansitra ta’ mewt, għar-reġjuni kollha tagħna […] li qed tpoġġi f’periklu l-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni u b’mod speċjali tal-ħabitat tan-nies tal-kampanja u tal-indiġeni”.[11] L-istejjer ta’ inġustizzja u ta’ kefrija li seħħu fl-Amażonja mqar fis-seklu li għadda għandhom jipprovokaw rifjut qawwi, imma fl-istess waqt għandhom jagħmluna iktar sensibbli biex nagħrfu anki fi żmienna xejriet ta’ sfruttament uman, ta’ abbuż tal-poter u ta’ mewt. Dwar il-passat ta’ mistħija, inġibu hawn, biex nagħtu eżempju, rakkont dwar it-tbatija tal-indiġeni tal-epoka tal-gomma fl-Amażonja Veneżweljana: “Lill-indiġeni ma kinux jagħtuhom flus, imma merkanzija biss, u bi prezz għoli, u għalhekk qatt ma kienu jaslu biex jifduha, […] kienu jħallsu għaliha, imma lill-indiġenu kienu jgħidulu: ‘Int għandek dejn kbir’, u kien ikollu jerġa’ lura jaħdem […]. Iktar minn għoxrin raħal ye’kuana ġie meqrud għalkollox. In-nisa ye’kuana ġew ivvjolentati jew qatgħulhom barra sidirhom, u lil dawk tqal ċarrtulhom ġufhom. Lill-irġiel kienu jaqtgħulhom is-subgħajn ta’ jdejhom jew il-polz biex ma setgħux imorru bid-dgħajsa, […] flimkien ma’ xeni oħra tal-iktar sadiżmu assurd”.[12]

 

16. Din l-istorja ta’ wġigħ il-qalb u ta’ stmerrija mhux lakemm titfejjaq. U l-kolonizzazzjoni ma tiqafx, pjuttost f’xi żoni tinbidel, tilbes maskra u tinħeba,[13] imma ma titlifx il-prepotenza kontra l-ħajja tal-foqra u d-dgħufija tal-ambjent. L-Isqfijiet tal-Amażonja Brażiljana fakkruna li “l-istorja tal-Amażonja tikxef li l-profitt dejjem kienet tagħmlu l-minoranza minn fuq dahar il-faqar tal-maġġoranza u l-ħtif bla skrupli tal-ġid naturali tar-reġjun, għotja divina lill-popli li hawn ilhom jgħixu millennji sħaħ u lill-migranti li waslu hawn matul is-sekli li għaddew”.[14]

 

17. Waqt li nħallu toħroġ din ir-rabja tajba, infakkru li dejjem huwa possibbli negħlbu d-diversi mentalitajiet kolonjali biex nibnu xbieki ta’ solidarjetà u ta’ żvilupp: “l-isfida hi dik li niżguraw globalizzazzjoni fis-solidarjetà, globalizzazzjoni mingħajr marġinalizzazzjoni”.[15] Nistgħu nfittxu alternattivi ta’ tkabbir u agrikultura sostenibbli, ta’ enerġiji li ma jniġġsux, ta’ riżorsi ta’ xogħol li ma jġibux il-qerda tal-ambjent u tal-kulturi. Fl-istess ħin, hemm bżonn niżguraw lill-indiġeni u lil dawk l-iżjed foqra edukazzjoni xierqa, li tiżviluppa l-ħiliet tagħhom u tagħtihom valur. Proprju hawn tidher il-ħila vera u ġenwina tal-politiċi. Mhux biex iroddu lura lill-mejtin il-ħajja li minnha ġew imċaħħda, u lanqas biex iħallsu lura lil dawk li ħarġu ħajjin mill-massakri, imma għall-inqas biex illum nistgħu nkunu tabilħaqq bnedmin.

 

18. Jagħmlilna kuraġġ jekk niftakru li, qalb l-esaġerazzjonijiet gravi tal-kolonizzazzjoni tal-Amażonja, mimlija “kontradizzjonijiet u tiċrit”,[16] ħafna missjunarji marru hemm bil-Vanġelu f’idejhom, ħallew pajjiżhom u aċċettaw li jgħixu ħajja awstera u impenjattiva qrib dawk li l-inqas għandhom min jaqbeż għalihom. Nafu li mhux kollha kienu eżemplari, imma l-ħidma ta’ dawk li baqgħu fidili għall-Vanġelu nebbħet ukoll “leġislazzjoni bħalma huma l-Liġijiet tal-Indji li kienu jħarsu d-dinjità tal-indiġeni kontra l-oppressjoni fuq il-popli u t-territorji tagħhom”.[17] Billi spiss kienu saċerdoti dawk li kienu jipproteġu lill-indiġeni minn min kien jaqbeż fuqhom u jrid japprofitta minnhom, il-missjunarji jirrakkuntaw: “Kienu jtennulna bil-qawwa biex ma nitilquhomx u jġagħluna nwegħduhom li nerġgħu niġu”.[18]

 

19. Bħalissa l-Knisja ma tistax tkun inqas impenjata, u hi msejħa tisma’ l-karba tal-popli Amażoniċi “biex tista’ tħaddem b’mod trasparenti r-rwol profetiku tagħha”.[19] Fl-istess waqt, billi ma nistgħux niċħdu li l-qamħ tħallat mas-sikrana u li mhux dejjem il-missjunarji kienu fuq in-naħa tal-magħkusa, inħossni nirgħex u għal darb’oħra “nitlob umilment maħfra, mhux biss għall-offiżi tal-Knisja nfisha, imma għall-kriminalitajiet kontra l-popli indiġeni matul l-hekk imsejħa konkwista tal-Amerika”[20] u għall-kriminalitajiet attroċi li seħħu wara matul l-istorja kollha tal-Amażonja. Nirringrazzja lill-membri tal-popli tal-post u ngħidilhom mill-ġdid: “Intom b’ħajjitkom intom karba li qed tgħajjat lill-kuxjenza […]. Intom memorja ħajja tal-missjoni li Alla fada lilna lkoll: li nieħdu ħsieb tad-Dar komuni tagħna”.[21]

 

Sens komunitarju

20. Il-ġlieda soċjali timplika kapaċità ta’ fraternità, spirtu ta’ komunjoni umana. Issa, mingħajr ma nnaqqsu mill-importanza tal-libertà personali, irridu nisħqu li l-popli indiġeni tal-Amażonja għadhom sens komunitarju qawwi. Hekk huma jgħixu “x-xogħol, il-mistrieħ, ir-relazzjonijiet umani, ir-riti u ċ-ċelebrazzjonijiet. Kollox jaqsmu ma’ xulxin, l-ispazji privati – tipiċi taż-żmien modern – huma mill-inqas. Il-ħajja hija mixja komunitarja fejn id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet jinqasmu skont il-ġid komuni. M’hemmx lok għall-idea ta’ individwu maqtugħ mill-komunità jew mit-territorju tiegħu”.[22] Ir-relazzjonijiet umani huma mgħaddsa fin-natura ta’ madwarhom, għax l-indiġeni jħossuha u jagħrfu fiha realtà li tgħaqqad flimkien is-soċjetà u l-kultura tagħhom, qisha twessigħ tal-istess ġisem personali, familjari u tal-grupp soċjali tagħhom:

 

“Il-kewkba ta’ filgħodu qed toqrob,

jittajru l-għasafar żgħar tal-għana,

iktar mill-kaskata tidwi qalbi,

b’xufftejn fommok insaqqi l-art,

kif fuqna jitliegħeb ir-riħ”.[23]

 

21. Dan jimmultiplika l-effett qerriedi ta’ qlugħ mill-għeruq li jġarrbu l-indiġeni li jħossuhom obbligati jemigraw lejn il-belt, biex ifittxu l-għajxien, xi drabi anki b’mod xejn dinjituż, qalb id-drawwiet urbani iktar individwalisti u f’ambjent ostili. Kif tfejjaq ħsara hekk gravi? Kif tibni mill-ġdid dawk il-ħajjiet maqlugħin mill-għeruq tagħhom? Quddiem din ir-realtà, hemm bżonn napprezzaw u nsieħbu l-isforzi kollha li jagħmlu ħafna minn dawn il-gruppi soċjali biex jikkonservaw il-valuri u l-istili ta’ ħajja tagħhom u jintegrawhom fil-kuntesti ġodda mingħajr ma jitilfuhom, anzi, billi joffruhom bħala kontribut b’risq il-ġid komuni.

 

22. Kristu feda lill-bniedem sħiħ u jrid iġedded f’kull persuna dik il-ħila li tidħol f’relazzjoni mal-oħrajn. Il-Vanġelu jipproponi l-imħabba divina ħierġa mill-Qalb ta’ Kristu u li tnissel tiftixa għall-ġustizzja li hi għanja waħda ta’ fraternità u ta’ solidarjetà, stimolu għall-kultura tal-laqgħa. L-għerf tal-istil ta’ ħajja tal-popli indiġeni – imqar bil-limitazzjonijiet kollha li jista’ jkollha – iqanqalna biex ninżlu iktar fil-fond ta’ din ix-xewqa. Għal din ir-raġuni l-Isqfijiet tal-Ekwador ħeġġu b’risq “sistema ġdida soċjali u kulturali li tipprivileġġja r-relazzjonijiet fraterni, f’qafas ta’ għarfien u ta’ stima tad-diversi kulturi u tal-ekosistemi, li għandha l-ħila teħodha kontra kull xorta ta’ diskriminazzjoni u ta’ ħakma tal-bnedmin fuq xulxin”.[24]

 

Istituzzjonijiet imfarrka

23. Fil-Laudato si’ fakkarna li “jekk kollox hu marbut ma’ xulxin, anki l-istat ta’ saħħet l-istituzzjonijiet ta’ soċjetà jġib miegħu konsegwenzi fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem […]. F’kull livell soċjali u bejniethom, jiżviluppaw l-istituzzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet umani. Dak kollu li jagħmlilhom ħsara għandu effetti koroh, bħal meta tinsterqilhom il-libertà, u jġarrbu l-inġustizzja u l-vjolenza. Bosta pajjiżi huma ggvernati minn sistema istituzzjonali dgħajfa, u hawn ibatu l-popli.[25]

 

24. F’liema qagħda jinsabu l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Amażonja? L-Instrumentum laboris tas-Sinodu, li jiġbor bosta kontributi ta’ persuni u gruppi tal-Amażonja, jirriferi għal “kultura li tavvelena lill-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu, u tinfed fl-istrati soċjali kollha, inklużi l-komunitajiet indiġeni. Din hi tassew pjaga morali; konsegwentement, tintilef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u fir-rappreżentanti tagħhom, ħaġa li tiskredita totalment il-politika u l-organizzazzjonijiet soċjali. Il-popli Amażoniċi mhumiex barranin għall-korruzzjoni u jisfaw il-vittmi prinċipali tagħha”.[26]

 

25. Ma nistgħux neskludu li membri tal-Knisja setgħu kienu parti minn din ix-xibka ta’ korruzzjoni, xi drabi sal-punt li aċċettaw li jibqgħu fommhom magħluq ħalli jingħataw għajnuniet ekonomiċi għall-opri ekkleżjali tagħhom. Proprju għalhekk is-Sinodu waslulu proposti li jistiednu biex “noqogħdu partikularment attenti mnejn ikunu ġejjin donazzjonijiet jew tipi oħra ta’ benefiċċji, kif ukoll għall-investimenti li jsiru mill-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jew li jsiru mill-Insara”.[27]

 

Djalogu soċjali

26. L-Amażonja għandha tkun ukoll post ta’ djalogu soċjali, speċjalment bejn id-diversi popli tal-post, biex isibu modi ta’ komunjoni u ta’ kif jitqabdu flimkien. L-oħrajn kollha aħna msejħa nieħdu sehem bħala “mistiedna” u nfittxu b’rispett l-aktar għoli toroq ta’ laqgħa li jagħnu lill-Amażonja. Imma jekk irridu niddjalogaw, dan għandna nagħmluh qabelxejn ma’ dawk li jinsabu fl-aħħar post. Is-sehem ta’ dawn mhuwiex wieħed kwalunkwe, m’hemmx bżonn noqogħdu nikkonvinċuhom, u lanqas huma bħal mistieden ieħor fuq ir-riħ ma’ mejda fejn kulħadd iħossu ndaqs. Huma għandhom il-parti prinċipali, u minnhom qabelxejn għandna nitgħallmu, għandna nisimgħu bi dmir lejn il-ġustizzja u għandna nitolbu l-permess tagħhom biex nistgħu nippreżentaw il-proposti tagħna. Il-kelma tagħhom, it-tamiet tagħhom, il-biżgħat tagħhom għandhom ikunu l-iktar leħen b’saħħtu fuq kull mejda ta’ djalogu dwar l-Amażonja; u l-kwistjoni l-kbira hi: kif huma stess jimmaġinaw ħajja tajba għalihom infushom għal uliedhom u wlied uliedhom?

 

27. Id-djalogu mhux biss għandu jipprivileġġja l-għażla preferenzjali għad-difiża tal-foqra, tal-imwarrbin u tal-esklużi, imma jqishom bħala protagonisti. Ifisser li għandna nagħrfu lill-ieħor u napprezzawh “bħala ieħor”, bis-sensibbiltà tiegħu, l-għażliet l-iżjed personali tiegħu, il-mod ta’ kif jgħix u jaħdem. Inkella r-riżultat ikun, bħal dejjem, “proġett tal-ftit indirizzat lejn il-ftit”,[28] jekk ma jkunx “kunsens madwar mejda jew għal paċi ta’ ħajja qasira li tikkuntenta biss il-minoranza”.[29] Jekk iseħħ dan, “hi meħtieġa vuċi profetika”[30] u bħala Nsara aħna msejħin insemmgħuha.

 

Minn hawn titwieled il-ħolma li jmiss.


 

IT-TIENI KAPITLU

ĦOLMA KULTURALI

 

28. It-tema hawn hi li nippromovu l-Amażonja; imma dan ma jfissirx li nikkolonizzawha kulturalment, imma li nfittxu kif hi toħroġ minnha l-aħjar. Dan hu s-sens tal-aħjar opra edukattiva: nikkultivaw mingħajr ma naqilgħu mill-għeruq; inkabbru mingħajr ma ndgħajfu l-identità; nippromovu mingħajr ma ninvadu. Kif fin-natura kemm bosta potenzjalitajiet li jistgħu jintilfu għal dejjem, l-istess jista’ jiġri b’kulturi li għandhom fihom messaġġ li għadu mhux mismugħ u li llum huma mhedda iktar minn qatt qabel.

 

It-teżor tal-Amażonja

29. Fl-Amażonja jgħixu ħafna popli u nazzjonalitajiet, u iżjed minn 110 popli indiġeni fi stat ta’ iżolament volontarju (PIAV).[31] Is-sitwazzjoni tagħhom hi pjuttost dgħajfa u ħafna jafu li huma fost l-aħħar depożitarji ta’ teżor iddestinat li jgħib, qisu xi ħadd qed jippermettilhom li jgħixu mingħajr ma jdejqu lil ħadd, waqt li l-kolonizzazzjoni postmoderna tibqa’ għaddejja. Għandna nevitaw li nqisuhom “slavaġ mhux iċċivilizzati”. Huma sempliċiment taw il-ħajja lil kulturi differenti u għamliet oħra ta’ ċiviltà, li fil-qedem laħqu żvilupp notevoli.[32]

 

30. Qabel il-kolonizzazzjoni, il-popolazzjoni kienet miġbura l-aktar ma’ xtut ix-xmajjar u l-għadajjar; imbagħad l-avvanz tal-kolonizzaturi imbutta lin-nies li fil-qedem kienu jgħixu f’dawn il-postijiet iktar ’il ġew lejn il-foresta. Illum, id-deżertifikazzjoni dejjem tikber qed twassal għal ċaqliq ġdid minn post għall-ieħor, li jispiċċa biex iwassal għall-okkupazzjoni tal-periferiji jew il-bankini tal-bliet, xi drabi f’qagħda ta’ miżerja estrema, imma anki ta’ frammentazzjoni interjuri minħabba li jintilfu l-valuri li kienu jweżnuhom. F’dan il-kuntest, is-soltu jitilfu l-punti ta’ riferiment u l-għeruq kulturali li kienu jagħtuhom identità u sens ta’ dinjità, u jtawlu r-ringiela tal-mormija. Hekk titmermer il-katina tat-trasmissjoni kulturali ta’ għerf li vvjaġġa tul is-sekli, minn nisel għal nisel. Il-bliet, li messhom ikunu post ta’ laqgħa, ta’ għana reċiproku, ta’ ħajja għammiela bejn kulturi differenti, jinbidlu f’xenarju ta’ rimi li jġiblek għafsa ta’ qalb.

 

31. Kull poplu li rnexxielu jżomm ħaj fl-Amażonja għandu l-identità kulturali tiegħu u għana uniku fi ħdan univers multikulturali, grazzi għar-relazzjoni stretta li n-nies li jgħixu hemm jibnu mal-ambjent, f’simbjożi – mhux deterministika – li diffiċli tinftiehem minn skemi mentali esterni:

 

“Kien hemm jidher darba pajsaġġ bix-xmara tiegħu,

l-annimali tiegħu, is-sħab tiegħu, is-siġar tiegħu.

Xi drabi, imma, meta minn imkien ma kont tilmaħ

il-pajsaġġ bix-xmara tiegħu u s-siġar tiegħu,

lil dawn il-ħwejjeġ messhom li jidhru fil-ħsieb ta’ tfajjel”.[33]

 

“Mix-xmara agħmel demmek […].     
Imbagħad tħawwel hemm,

warrad u ikber

biex l-għeruq tiegħek

jixxebilku mal-art

għal dejjem

u fl-aħħar

kun kenura,

dgħajsa, ċattra,

ħamrija, ġarra,

stalla u bniedem”.[34]

 

32. Il-gruppi umani, l-istili ta’ ħajja tagħhom u l-viżjoni li għandhom tad-dinja, huma differenti daqskemm differenti hu territorju minn ieħor, billi kellhom jadattaw ruħhom għall-ġografija u r-riżorsi tagħha. Mhumiex l-istess ħaġa l-popli li jitfgħuha għas-sajd u dawk li jitfgħuha għall-kaċċa jew għall-biedja iktar ’il ġewwa fuq l-art, minn dawk il-popli li jikkultivaw l-artijiet suġġetti għal maltempati kbar. Fl-Amażonja niltaqgħu wkoll ma’ eluf ta’ komunitajiet indiġeni, Afro-dixxendenti, dawk li jgħixu ma’ xatt ix-xmara u nies li jgħixu fl-ibliet, li min-naħa tagħhom huma differenti ħafna bejniethom u jospitaw diversità umana kbira. Permezz ta’ territorju u l-karatteristiċi tiegħu Alla juri ruħu, iħalli mera ta’ xi ħaġa mill-ġmiel bla qies tiegħu. Għalhekk, id-diversi gruppi, f’sintesi vitali mal-ambjent ta’ madwarhom, jiżviluppaw xejra partikulari ta’ għerf. Aħna li nosservaw minn barra għandna nevitaw ċerti ġeneralizzazzjonijiet inġusti, diskorsi simpliċistiċi jew konklużjonijiet li jitilqu biss mill-istrutturi mentali u l-esperjenzi tagħna.

 

Nieħdu ħsieb tal-għeruq

33. Hawn nixtieq infakkar li “l-viżjoni konsumista tal-bniedem, li ssib favuriha l-ingranaġġi tal-ekonomija globalizzata tal-lum, tipprova tgħaqqad flimkien il-kulturi u ddgħajjef il-firxa kulturali immensa, li hi teżor għall-bnedmin”.[35] Dan imiss mill-qrib liż-żgħażagħ, meta nippruvaw “inneħħu d-differenzi kollha li ġejjin mill-postijiet mnejn huma, biex nibdluhom f’suġġetti manipulabbli maħluqa f’serje”.[36] Biex nevitaw din id-dinamika ta’ tfaqqir uman, hemm bżonn inħobbu u nieħdu ħsieb tal-għeruq, għax “fejn hemm l-għeruq nistgħu nikbru u nwieġbu għall-isfidi ġodda”.[37] Nistieden liż-żgħażagħ tal-Amażonja, speċjalment l-indiġeni, “jgħożżu l-għeruq tagħhom, għax mill-għeruq tiġi l-qawwa li tgħinkom tikbru, twarrdu, tagħmlu l-frott”.[38] Għal dawk fosthom li huma mgħammda, dawn l-għeruq jiġbru fihom l-istorja tal-poplu ta’ Iżrael u tal-Knisja, sal-ġurnata tal-lum. L-għarfien tagħhom hu għajn ta’ ferħ u fuq kollox ta’ tama li tnebbaħ għemejjel qalbiena u nobbli.

 

34. Għal sekli sħaħ il-popli tal-Amażonja għaddew l-għerf kulturali tagħhom oralment, permezz ta’ stejjer tal-mitoloġija, leġġendi, rakkonti, kif seħħ b’“dawk l-għannejja primittivi li kienu jiġġerrew fil-foresta jirrakkontaw stejjer minn villaġġ għall-ieħor, iżommu ħajja komunitajiet li, mingħajr il-kurdun ombelikali ta’ dawn ir-rakkonti, id-distanza u l-iżolament malajr kienu jfarrkuhom u jġibuhom fix-xejn”.[39] Għalhekk importanti li “nħallu lill-anzjani jirrakkontawlna fit-tul”[40] u li ż-żgħażagħ jieqfu biex jixorbu minn din l-għajn.

 

35. Filwaqt li dejjem qed jikber ir-riskju li dan l-għana kulturali jintilef, għall-grazzja ta’ Alla fl-aħħar snin xi popli bdew iniżżlu bil-kitba r-rakkonti tal-istejjer tagħhom u jfissru aħjar id-drawwiet tagħhom. Hekk huma stess jistgħu jagħrfu, b’mod espliċitu, li hemm xi ħaġa iżjed minn identità etnika u li huma depożitarji ta’ memorji personali, familjari u kollettivi tassew prezzjużi. Nieħu pjaċir nara kif dawk li tilfu l-kuntatt mal-għeruq tagħhom qed ifittxu kif jirbħu lura l-memorja midruba tagħhom. Mill-banda l-oħra, anki fl-oqsma professjonali bdiet tiżviluppa perċezzjoni ikbar tal-identità Amażonika u anki għalihom, spiss dixxendenti ta’ immigranti, l-Amażonja saret għajn ta’ ispirazzjoni artistika, letterarja, mużikali, kulturali. Id-diversi espressjonijiet artistiċi, u b’mod partikulari l-poeżija, ħallew inebbħuhom l-ilma, il-foresta, il-ħajja li tiċċaqlaq, kif ukoll id-diversità kulturali u l-isfidi ekoloġiċi u soċjali.

 

Laqgħa interkulturali

36. Bħal kull realtà kulturali, il-kulturi tal-Amażonja għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom ukoll. Anki l-kulturi urbani tal-Punent għandhom. Fatturi bħall-konsumiżmu, l-individwaliżmu, id-diskriminazzjoni, in-nuqqas ta’ ugwaljanza u ħafna oħrajn huma aspetti dgħajfa ta’ dawk il-kulturi li jidhru iżjed evoluti. L-etniċitajiet li żviluppaw teżor kulturali għax intrabtu man-natura, b’sens qawwi komunitarju, jintebħu malajr bid-dellijiet tagħna, li aħna, fil-progress li nippretendu li għamilna, ma nintebħux bihom. Konsegwentement, jiswielna ta’ ġid jekk napprezzaw aktar l-esperjenza ta’ ħajja tagħhom.

 

37. Ibda mill-għeruq tagħna, inpoġġu madwar mejda komuni, post ta’ konverżazzjoni u ta’ tamiet li naqsmu flimkien. B’dan il-mod id-diversità, li tista’ tkun bandiera jew fruntiera, tinbidel f’pont. L-identità u d-djalogu mhumiex għedewwa ta’ xulxin. L-identità kulturali tagħna nistgħu ninżlu iktar fil-fond tagħha u nagħnuha iżjed fid-djalogu ma’ realtajiet differenti, u l-aħjar mod kif inżommuha sħiħa mhuwiex iżolament li iżjed ifaqqar. Għalhekk mhix l-intenzjoni tiegħi nipproponi indiġeniżmu kompletament magħluq, maqlugħ mill-istorja, statiku, li bl-ebda mod ma jaf jitħallat. Kultura tista’ ssir sterili meta “tingħalaq fiha nfisha u tfittex iżżomm suriet ta’ ħajja li għadda żmienhom, għax ma tkunx trid bdil ta’ fehmiet u diskussjoni dwar il-verità tal-bniedem”.[41] Dan jista’ jidher ftit li xejn realistiku, għax mhuwiex faċli wieħed iħares ruħu mill-invażjoni kulturali. Għalhekk, l-interess biex ngħożżu u nieħdu ħsieb tal-valuri kulturali tal-gruppi indiġeni għandu jkun ta’ kulħadd, għax l-għana tagħhom huwa tagħna wkoll. Jekk ma nimxux ’il quddiem f’dan is-sens ta’ korresponsabbiltà fil-konfront tad-diversità li żżejjen l-umanità tagħna, ma nistgħux nippretendu li l-gruppi tal-foresta interna se jinfetħu b’mod inġewnu għaċ-“ċiviltà”.

 

38. Fl-Amażonja, anki qalb id-diversi popli tal-post, nistgħu niżviluppaw “relazzjonijiet interkulturali li fihom id-diversità mhijiex theddida, ma tiġġustifikax ġerarkiji ta’ poter imħaddem minn dawn fuq dawk, imma tfisser djalogu, ibda minn viżjonijiet kulturali differenti, fatt ta’ ċelebrazzjoni, ta’ interrelazzjonijiet, ta’ tama mġedda”.[42]

 

Kulturi mhedda, popli f’riskju

39. L-ekomonija globalizzata ma tiskruplax meta tiġi biex tagħmel ħsara lill-għana uman, soċjali u kulturali. It-tifrik tal-familji, li qed naraw iseħħ ibda mill-migrazzjonijiet ta’ bilfors, hu ta’ theddida għat-trasmissjoni tal-valuri, għax “il-familja hija u minn dejjem kienet l-istituzzjoni soċjali li tat l-akbar sehem biex iżżomm ħajja l-kulturi tagħna”.[43] Barra dan, “quddiem l-invażjoni kolonizzattriċi tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa”, jeħtieġ nippromovu għall-popli indiġeni “komunikazzjoni alternattiva ibda mil-lingwi u kulturi [tagħhom]” u li “l-istess suġġetti indiġeni jkunu preżenti fil-mezzi ta’ komunikazzjoni li diġà jeżistu”.[44]

 

40. F’kull proġett għall-Amażonja, “hemm bżonn nagħmlu tagħna l-perspettiva tal-jeddijiet tal-ġnus u tal-kulturi, u hekk nifhmu li l-iżvilupp ta’ grupp soċjali […] jitlob il-protagoniżmu kostanti tal-atturi soċjali lokali ibda mill-kultura proprja tagħhom. Lanqas il-kunċett ta’ kwalità ta’ ħajja ma għandu jiġi impost, imma rridu nifhmuh fi ħdan id-dinja ta’ simboli u drawwiet imħaddna minn kull grupp ta’ bnedmin”.[45] U jekk il-kulturi tal-qedem tal-popli tal-post twieldu u żviluppaw f’kuntatt intimu mal-ambjent naturali ta’ madwarhom, diffiċilment jistgħu jinżammu intatti meta dan l-ambjent jaqbad it-triq tan-niżla.

 

Minn hawn nimxu għall-ħolma li jmiss.


 

IT-TIELET KAPITLU

ĦOLMA EKOLOĠIKA

 

41. F’realtà kulturali bħall-Amażonja, fejn teżisti relazzjoni hekk stretta bejn il-bniedem u n-natura, il-ħajja ta’ kuljum dejjem hija kożmika. Li neħilsu lill-oħrajn mill-jasar tagħhom jimplika żgur li nieħdu ħsieb tal-ambjent u nipproteġuh,[46] imma iktar minn hekk li ngħinu lill-qalb tal-bniedem tinfetaħ b’fiduċja għal dak Alla li mhux biss ħalaq kulma jeżisti, imma tana wkoll lilu nnifsu f’Ġesù Kristu. Il-Mulej, li hu l-ewwel wieħed li jieħu ħsiebna, jgħallimna nieħdu ħsieb ta’ ħutna u tal-ambjent li ta’ kuljum huwa jagħtina b’don. Din hija l-ewwel ekoloġija li għandna bżonn. Fl-Amażonja nifhmu aħjar kliem Benedittu XVI meta qal li “flimkien mal-ekoloġija tan-natura hemm ekoloġija li nistgħu nsejħulha ‘umana’, li min-naħa tagħha titlob ‘ekoloġija soċjali’. U dan ifisser li l-umanità […] għandha dejjem iżżomm iżjed quddiem għajnejha r-rabtiet li jeżistu bejn l-ekoloġija naturali, jew aħjar ir-rispett lejn in-natura, u l-ekoloġija umana”.[47] L-insistenza fuq il-fatt li “kollox hu marbut ma’ xulxin”[48] tiswa b’mod speċjali għal territorju bħall-Amażonja.

 

42. Jekk l-għożża tal-persuni u l-għożża tal-ekosistemi huma indispensabbli, dan isir partikularment sinifikattiv hemm fejn “il-foresta mhijiex riżorsa biex nisfruttawha, imma hija essri, jew bosta essri li magħhom nidħlu f’relazzjoni”.[49] L-għerf tal-popli indiġeni tal-Amażonja “inebbaħ għożża u rispett għall-ħolqien, bl-għarfien ċar tal-limitazzjonijiet tiegħu, u jipprojbixxi l-abbuż tiegħu. Meta nabbużaw min-natura nkunu nabbużaw mill-antenati tagħna, minn ħutna, mill-ħolqien u mill-Ħallieq, u nkunu ninjoraw il-ġejjieni”.[50] L-indiġeni, “meta jibqgħu joqogħdu fit-territorji tagħhom, huma l-aħjar nies biex jieħdu ħsieb dik l-art”,[51] sakemm ma jisfawx imqarrqa mill-għana tas-sireni u mill-offerti ta’ gruppi ta’ poter li għandhom interessi partikulari. Il-ħsara li ssir lin-natura tolqothom ħażin b’mod dirett ħafna u dan nistgħu narawh b’għajnejna, għax – jgħidulna huma: “Aħna l-ilma, l-arja, l-art u l-ħajja tal-ambjent maħluq minn Alla. Għalhekk, nitolbu li jieqfu l-ħsara li qed issir u l-qerda ta’ Ommna l-art. L-art għandha d-demm u qed titilfu kollu, il-kumpaniji multinazzjonali ċarrtu l-vini ta’ Ommna l-art”.[52]

 

Ħolma magħmula mill-ilma

43. Fl-Amażonja l-ilma hu s-sultan, ix-xmajjar u n-nixxigħat huma l-vini, u kull xorta ta’ ħajja ġejja minnu:

 

“Hemm, f’nofs is-sjuf sħan, meta jgħibu, mejta fl-arja bla nifs, l-aħħar buffuri ta’ riħ il-Lvant, flok it-termometru jidħol l-igrometru biex ikejjel it-temp. Kull ħajja sserraħ fuq ix-xmajjar kbar jogħlew u jitbaxxew f’alternanza doloruża. Dawn jogħlew dejjem b’mod impressjonanti. Ir-Rio tal-Amażoni, minfuħ, joħroġ mill-friex tiegħu, u fi ftit jiem itella’ l-livell ta’ ilmijietu […]. Ix-xmara tgelgel tiffriża l-ħajja. Maħkum ilsir fis-sqaqien tal-‘mogħdijiet tal-kenuri’ għalhekk il-bniedem jistenna, b’ħedla waħdanija quddiem id-destin li minnu ma jistax jaħrab, it-tmiem ta’ dik ix-xitwa paradossali ta’ temperaturi għoljin. Meta l-ilma jitbaxxa jkun wasal is-sajf. Hu l-qawmien tal-attività primordjali ta’ dawk li jitqabdu f’dawk l-inħawi fl-unika xejra ta’ ħajja kompatibbli man-natura li tidher fl-aqwa tagħha f’wirjiet estremi u hekk varjati li jagħmlu impossibbli t-tiġbid ta’ kull sforz”.[53]

 

44. L-ilma jgelgel fir-Rio l-kbir tal-Amażoni, li jiġbor u jagħti l-ħajja lil kulma jsib madwaru:

 

“Rio tal-Amażoni,

kapitali tas-sillabi tal-ilma,

missier u patrijarka, int

l-eternità mistura

ta’ kulma hu għammiel,

lejk jinżlu n-nixxigħat bħal tjur”.[54]

 

45. Huwa wkoll ix-xewka tad-dahar li żżomm f’armonija u tgħaqqad: “Ix-xmara ma tifridniex, imma tgħaqqadna, tgħinna ngħixu flimkien imqar jekk kulturi u ilsna differenti”.[55] Hu kemm hu minnu li f’dan it-territorju hemm bosta “Amażonji”, il-fus ewlieni tiegħu hu x-xmara l-kbira, bint ta’ ħafna xmajjar oħra:

 

“Mill-ogħla qċaċet tal-katina ta’ muntanji, fejn il-ħalbiet tas-silġ huma eterni, l-ilma jnixxi u jħaffer kanal ħaj fil-ġilda qadima tal-blat: ir-Rio tal-Amażoni għadu kemm twieled. Jitwieled il-ħin kollu. Jinżel bil-mod il-mod, dawl iserrep, biex jitwessa’ fl-art. Iqaċċat il-ħdura li jsib fi triqtu, jivvinta r-rotta tiegħu u jikber. Ilmijiet taħt l-art iwarrdu biex jitgħannqu mal-ilma li jinżel mill-Andes. Minn ħdan is-sħab abjad silġ, imċaqlaq mir-riħ, jinżel l-ilma tas-sema. Jersqu flimkien, joktru fi vjaġġi bla waqfien, ixarrbu l-pjanura bal tarf […]. Din hija l-Amażonja l-Kbira, tgħaddi l-umdità tropikali bil-foresta tagħha folta u tal-għaġeb, fejn għadha tħabbat, mhux mimsusa u f’meded kbar mhux mittiefsa mill-bniedem, il-ħajja li ġiet tinseġ il-kwadru tagħha fil-fond tal-ilmijiet […]. Minn meta l-bniedem jgħix fiha, jogħla mill-qiegħ nett ta’ ilmijietha u jnixxi mill-ogħla mkejjen tal-foresta tagħha biża’ tremend: li din il-ħajja, nitfa nitfa, riesqa lejn tmiemha”.[56]

 

46. Il-poeti popolari, li nnammraw mal-ġmiel bla qies tagħha, fittxew li jesprimu dak li x-xmara ġagħlithom iħossu, u l-ħajja li trodd hi u għaddejja, f’żifna ta’ dniefel, anakondi, siġar u kenuri. Imma jistmerru wkoll il-perikli li jhedduha. Dawn il-poeti, kontemplattivi u profetiċi, jgħinuna neħilsu mill-mudell teknokratiku u konsumista li jifga n-natura u jċaħħadha minn ħajja tassew dinjituża:

 

“Id-dinja qed tbati minħabba fil-bidla tas-saqajn f’gomma, tar-riġlejn f’ġilda, tal-ġisem fi drapp u tar-ras f’azzar […]. Id-dinja qed tbati minħabba fil-bidla tal-pala f’azzarin, tal-moħriet f’karru armat, tax-xbieha tal-bidwi li jxerred iż-żerriegħa f’dik tal-magna li tispara l-fjammi tan-nar, li miż-żerriegħa tagħha jwarrad biss id-deżert. Il-poeżija biss, bil-leħen umli tagħha, tista’ ssalva din id-dinja”.[57]

 

Il-karba tal-Amażonja

47. Il-poeżija tgħinna nesprimu sensazzjoni ta’ swied il-qalb li llum ħafna huma dawk li jħossuha. Il-verità ma nistgħux naħarbu minnha, u din turina li fil-kundizzjonijiet tal-lum, b’dan il-mod li bih qed nittrattaw lill-Amażonja, tant ħajja u tant ġmiel “resqin lejn tmiemhom”, imqar jekk ħafna jridu jkomplu jemmnu li ma ġara xejn:

 

“Dawk li kienu jemmnu li x-xmara kienet xi ħabel biex joqogħdu jilagħbu bih, żbaljaw.

Ix-xmara hija vina delikata fuq wiċċ l-art. […]

Ix-xmara hi ħabel li miegħu jiggranfaw bhejjem u siġar.

Jekk jiġbdu bis-saħħa wisq, ix-xmara taf tisplodi.

Taf tisplodi u taħslilna wiċċna bl-ilma u bid-demm”.[58]

 

48. Il-bilanċ tal-pjaneta jiddependi wkoll minn kemm hi b’saħħitha l-Amażonja. Flimkien mal-bijoma tal-Kongo u tal-Borneo, hi timpressjonana għall-firxa wiesgħa ta’ foresti li fiha, li minnhom jiddependu wkoll iċ-ċikli tax-xita, il-bilanċ tal-klima u firxa kbira ta’ essri ħajjin. Taħdem bħal filtru kbir tad-dijossidu tal-karbonju, li jgħin biex jiġi evitat li l-art tisħon iżżejjed. Fil-parti l-kbira, il-ħamrija tagħha hija fqira mill-humus, u għalhekk il-foresta “fil-verità tikber fuq l-art u mhux mill-art”.[59] Meta neqirdu l-foresta, din xejn ma jeħdilha postha, għax tibqa’ art bi ftit sustanzi nutrittivi li tinbidel f’roqgħa deżert jew fqira mill-veġetazzjoni. Din hi ħaġa serja, għax fil-ġewwieni tal-foresta Amażonika hemm jgħixu għadd bla qies ta’ riżorsi li jistgħu jkunu indispensabbli għall-kura ta’ mard partikulari. Il-ħut tagħha, il-frott, u d-doni l-oħra kotrana jagħnu l-ikel li bih jitrejjaq il-bniedem. Barra minn hekk, f’ekosistema bħal dik Amażonika, is-sehem ta’ kull parti fil-konservazzjoni ta’ kollox flimkien hu indispensabbli. Anki l-artijiet fuq il-kosta u l-veġetazzjoni tal-baħar għandhom bżonn jiġu fertilizzati minn dak li jkaxkar miegħu r-Rio tal-Amażoni. Il-karba tal-Amażonja tilħaq lil kulħadd, għax “l-aspett ta’ konkwista u ta’ sfruttament tar-riżorsi […] illum wasal biex jhedded l-istess ħila ta’ ospitalità li għandu l-ambjent: l-ambjent bħala ‘riżorsa’ qed jirriskja li jsir theddida għall-ambjent bħala ‘dar’”.[60] L-interess ta’ ftit negozji b’saħħithom m’għandux jitqiegħed ’il fuq iżjed mill-ġid tal-Amażonja u tal-umanità kollha.

 

49. Mhux biżżejjed nagħtu importanza lill-konservazzjoni tal-ispeċi li jidhru l-aktar f’riskju ta’ estinzjoni. Huwa kruċjali li nżommu quddiem għajnejna li “biex l-ekosistemi jaħdmu sewwa hemm bżonn ukoll tal-fungi, l-alka, il-ħniex, l-insetti żgħar, ir-rettili u l-varjetà bla għadd ta’ mikro-organiżmi. Xi speċi li mhumiex kbar fil-għadd, li soltu ħadd ma jintebaħ bihom, għandhom rwol kritiku u fundamentali biex jistabbilixxu l-bilanċ ta’ xi post”.[61] Dan faċilment jiġi injorat meta wieħed jiġi biex jiżen l-impatt ambjentali tal-proġetti ekonomiċi ta’ industriji ta’ estrazzjoni, enerġija, qtugħ ta’ njam jew oħrajn li jeqirdu u jniġġsu. Barra minn hekk, l-ilma, hekk kotran fl-Amażonja, huwa ġid essenzjali għall-għajxien tal-bniedem, imma l-għejun ta’ tinġis dejjem qegħdin jiżdiedu.[62]

 

50. Fir-realtà, barra l-interessi ekonomiċi ta’ imprendituri u politiċi lokali, hemm ukoll “l-interessi ekonomiċi internazzjonali enormi”.[63] Għalhekk is-soluzzjoni mhix qiegħda f’“internazzjonalizzazzjoni” tal-Amażonja,[64] iżda ssir iżjed serja r-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali. Għal din l-istess raġuni, “ta’ min ifaħħar l-impenn ta’ entitajiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaraw kif jissensibilizzaw il-popli biex jikkoperaw b’mod kritiku, anki billi jħaddmu mekkaniżmi leġittimi ta’ pressjoni, biex kull gvern iwettaq id-dmir tiegħu, li ma jistax jiddelega lil ħaddieħor, li jippreserva l-ambjent u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżu, mingħajr ma jbigħ lilu nnifsu f’idejn interessi lokali u internazzjonali ambigwi”.[65]

 

51. Biex nieħdu ħsieb tal-Amażonja tajjeb li nxierku flimkien l-għerf tal-qedem mal-għarfien teknoloġiku ta’ żmienna, imma dejjem waqt li nfittxu li nintervienu fuq it-territorju b’mod sostenibbli, u fl-istess waqt nippreservaw l-istil tal-ħajja u s-sistemi ta’ valuri tan-nies li jgħixu hemm.[66] Dawn, b’mod speċjali l-popli indiġendi, jixirqilhom li jkollhom – barra l-formazzjoni bażika – l-informazzjoni sħiħa u trasparenti dwar il-proġetti, il-kobor tagħhom, l-effetti u r-riskji, biex jistgħu jikkonfrontaw din l-informazzjoni mal-interessi tagħhom u l-għarfien tagħhom tal-post, u hekk ikunu jistgħu jagħtu jew ma jagħtux il-kunsens tagħhom, inkella jipproponu alternattivi.[67]

 

52. Min hu l-aktar b’saħħtu ma jikkuntenta qatt bil-profitt li jikseb, u r-riżorsi tal-poter ekonomiku jikbru ħafna mal-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku. Għalhekk għandna lkoll nisħqu fuq l-urġenza li “noħolqu sistema normattiva li tinkludi limiti invjolabbli u tiżgura l-ħarsien tal-ekosistemi, qabel ma x-xejriet ġodda ta’ poter li nibtu mill-paradigma tekno-ekonomika jispiċċaw jeqirdu mhux biss il-politika imma wkoll il-libertà u l-ġustizzja”.[68] Jekk is-sejħa ta’ Alla tesiġi smigħ attent għall-għajta tal-foqra u, fl-istess waqt, tal-art,[69] għalina “l-karba li titla’ mill-Amażonja għal għand il-Ħallieq tixbah lill-karba tal-Poplu ta’ Alla fl-Eġittu (ara Eż 3:7). Hija karba ta’ jasar u ta’ abbandun, li qed tittallab il-libertà”.[70]

 

Il-profezija tal-kontemplazzjoni

53. Ħafna drabi nħallu l-kuxjenza ma tibqax tħoss, għax “id-distrazzjoni kostanti tneħħilna l-kuraġġ li nintebħu bir-realtà ta’ dinja limitata u li għandha tmiem”.[71] Jekk inħarsu biss lejn il-qoxra forsi jidher “li l-affarijiet mhumiex daqshekk gravi daqskemm qed jingħad, u l-pjaneta taf tibqa’ għal ħafna żmien fil-qagħda attwali tagħha. Din l-imġiba hi ħarba mir-realtà, u tinżlilna għasel biex nistgħu nżommu l-istili ta’ ħajja, ta’ produzzjoni u ta’ konsum li qbadna. Hu l-mod kif il-bniedem jadatta biex jibqa’ jagħti lok għall-vizzji li jeqirduh: jipprova ma jħarisx lejhom, jissielet biex ma jagħrafhomx, jipposponi d-deċiżjonijiet importanti, u jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn”.[72]

 

54. Barra minn dan kollu, nixtieq infakkar li kull waħda mid-diversi speċi għandha valur fiha nfisha, imma “kull sena qed jgħibu eluf ta’ speċi ta’ pjanti u annimali li qatt m’aħna sa nsibuhom iżjed, li wliedna mhu sa jkunu jistgħu jarawhom qatt, mitlufin għal dejjem. Il-parti l-kbira tagħhom qed jiġu estinti għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ xi attività tal-bniedem. Minħabba fina, eluf ta’ speċi ma jistgħux jagħtu glorja lil Alla bl-eżistenza tagħhom, u lanqas jistgħu jwasslulna l-messaġġ li għalih inħalqu. Aħna m’għandniex dan id-dritt!”.[73]

 

55. Jekk nitgħallmu mill-popli indiġendi, nistgħu nikkontemplaw l-Amażonja u mhux biss nifluha, biex nagħrfu l-misteru prezzjuż li hu ikbar minna. Nistgħu nħobbuha u mhux biss ninqdew biha, biex hekk l-imħabba tqanqal interess qawwi u sinċier. Iżjed minn hekk, nistgħu nħossuna intimament magħquda magħha u mhux biss niddefenduha, u allura l-Amażonja ssir tagħna bħal omm. Għax wieħed “id-dinja ma jikkontemplahiex minn barra imma minn ġewwa, għax jagħraf ir-rabtiet li bihom il-Missier sensilna mal-ħlejjaq l-oħra kollha”.[74]

 

56. Inqajmu mill-ġdid fina s-sens estetiku u kontemplattiv li Alla qiegħed fina u li xi drabi nħalluh jinħela. Niftakru li “jekk ma nitgħallmux nieqfu u nogħxew u napprezzaw is-sabiħ, ma neħduhiex bi kbira li kull ħaġa tinbidel f’oġġett ta’ użu u abbuż bla skrupli”.[75] Bil-maqlub, jekk nidħlu f’komunjoni mal-foresta, faċilment il-leħen tagħna jingħaqad ma’ tagħha u jinbidel f’talba: “Mixħuta għad-dell ta’ siġra xwejħa tal-ewkaliptu, it-talba mdawla tagħna titħallat mal-għana etern ta’ qalb il-weraq”.[76] Din il-konverżjoni interjuri hija dak li jista’ jippermettilna li nibku għall-Amażonja u li magħha nokobru lill-Mulej.

 

57. Ġesù qalilna: “Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla” (Lq 12:6). Alla l-Missier, li bi mħabba bla qies ħalaq lil kull ħlejqa tal-univers, qed isejħilna nkunu strumenti tiegħu biex nisimgħu l-karba tal-Amażonja. Jekk aħna nħaffu nagħtu widen għal din il-karba ta’ wġigħ, inkunu nagħtu xhieda li l-ħlejjaq tal-Amażonja l-Missier tas-Sema ma nsihomx. Lilna l-Insara, huwa Ġesù nnifsu li qed jitkarrbilna permezz tagħhom, “għax l-Irxoxt iħaddanhom misterjożament fih u jorjentahom lejn destin ta’ milja sħiħa. L-istess ward tal-għelieqi u l-għasafar li hu waqaf jikkontempla u jammira bl-għajnejn tiegħu ta’ bniedem, issa huma mfawra bil-preżenza tiegħu kollha dija”.[77] Għal dawn ir-raġunijiet, aħna li nemmnu, insibu fl-Amażonja mkien teoloġiku, spazju fejn Alla nnifsu juri ruħu u jsejjaħ lil uliedu.

 

Edukazzjoni u drawwiet ekoloġiċi

58. Hekk nistgħu mmiddu pass ieħor u niftakru li ekoloġija integrali ma tikkuntentax ruħha biss li takkomoda kwistjonijiet tekniċi, jew inkella b’deċiżjonijiet politiċi, ġuridiċi jew soċjali. L-ekoloġija l-kbira fiha dejjem aspett edukattiv li jħeġġeġ b’risq l-iżvilupp ta’ drawwiet ġodda fil-persuni u fil-gruppi tal-bnedmin. B’xorti ħażina ħafna min-nies li jgħixu fl-Amażonja għamlu tagħhom drawwiet tipiċi tal-bliet il-kbar, fejn il-konsumiżmu u l-kultura tal-iskart diġà niżżlu għeruqhom sew. Ma jistax ikollna ekoloġija b’saħħitha u sostenibbli, li jkollha l-ħila li tibdel xi ħaġa, jekk ma jinbidlux il-persuni, jekk ma nħeġġuhomx biex jadottaw stil ieħor ta’ ħajja, inqas wikkiel, iktar seren, iktar rispettuż, inqas anzjuż, iżjed fratern.

 

59. Fil-fatt, “iktar ma qalb il-bniedem tkun battala, iktar għandha bżonn oġġetti x’tixtri, tippossiedi u tikkonsma. F’dan il-kuntest ma tantx jidher possibbli li xi ħadd jaċċetta li r-realtà qed tqegħidlu limitu. […] Għalhekk għandna għax naħsbu mhux biss fil-possibbiltajiet ta’ fenomeni terribbli ta’ klima jew diżastri naturali kbar, imma anki f’katastrofi mnibbta minn kriżijiet soċjali, għax l-ossessjoni għal stil ta’ ħajja konsumista, fuq kollox meta ftit huma dawk li jifilħu għalih, tista’ ġġib biss vjolenza u qerda reċiproka”.[78]

 

60. Il-Knisja, bl-esperjenza spiritwali twila li għandha, bl-għarfien imġedded tagħha dwar il-valur tal-ħolqien, bit-tħassib tagħha għall-ġustizzja, bl-għażla tagħha favur il-foqra, bit-tradizzjoni edukattiva tagħha u bl-istorja tagħha ta’ inkarnazzjoni f’kulturi tant differenti fid-dinja kollha, tixtieq min-naħa tagħha toffri sehemha b’risq l-għożża u t-tkabbir tal-Amażonja.

 

U hawn titlaq ħolma oħra, li nixtieq naqsam b’mod iżjed dirett mar-Ragħajja u l-fidili Kattoliċi.


 

IR-RABA’ KAPITLU

ĦOLMA EKKLEŻJALI

 

61. Il-Knisja hi msejħa timxi id f’id mal-popli tal-Amażonja. Fl-Amerika Latina din il-mixja kellha espressjonijiet ipprivileġġjati bħalma kienu l-Konferenza tal-Isqfijiet f’Medellín (1968) u l-applikazzjoni tagħha għall-Amażonja f’Santarem (1972);[79] u mbagħad f’Puebla (1979), Santo Domingo (1992) u Aparecida (2007). Il-mixja tkompli u l-ħidma missjunarja, jekk trid tiżviluppa Knisja b’wiċċ Amażoniku, jeħtieġ tikber f’kultura tal-laqgħa lejn “armonija ta’ bosta xejriet”.[80] Imma biex din l-inkarnazzjoni tal-Knisja u tal-Vanġelu tista’ tkun possibbli, jeħtieġ tidwi, dejjem mill-ġdid, it-tħabbira kbira missjunarja.

 

It-tħabbira indispensabbli fl-Amażonja

62. Quddiem il-bosta ħtiġijiet u l-bosta tbatijiet li jgħajtu minn qalb l-Amażonja, nistgħu inwieġbu billi nibdew mill-organizzazzjonijiet soċjali, ir-riżorsi tekniċi, il-postijiet ta’ dibattitu, il-programmi politiċi, u dan kollu jista’ jkun parti mis-soluzzjoni. Imma bħala Nsara ma nistgħux nagħtu daharna lill-proposta ta’ fidi li rċivejna mill-Vanġelu. Imqar jekk nixtiequ nimpenjaw ruħna ma’ kulħadd, minkeb ma’ minkeb, m’għandniex nistħu minn Ġesù Kristu. Għal dawk kollu li ltaqgħu miegħu, jgħixu fil-ħbiberija tiegħu u jidentifikaw ruħhom mal-messaġġ tiegħu, huwa inevitabbli li jitkellmu dwaru u jwasslu lill-oħrajn il-proposta tiegħu ta’ ħajja ġdida: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!” (1 Kor 9:16).

 

63. L-għażla awtentika b’risq l-iżjed foqra u minsija, waqt li tridna neħilsuhom mill-għaks materjali u niddefendu d-drittijiet tagħhom, titlob minna li nipproponulhom il-ħbiberija mal-Mulej li jerfagħhom u jagħtihom dinjità. Kemm tkun ħaġa kerha jekk mingħandna jirċievu kodiċi ta’ duttrini jew liġi morali, imma mhux it-tħabbira kbira tas-salvazzjoni, dik l-għajta missjunarja li tindirizza l-qalb u tagħti sens lill-bqija kollu. Lanqas nistgħu nikkuntentaw ruħna b’messaġġ soċjali biss. Jekk nagħtu ħajjitna għalihom, għall-ġustizzja u d-dinjità li jistħoqqilhom, ma nistgħux naħbulhom li dan qed nagħmluh għax fihom naraw lil Kristu u għax irridu nagħrfu d-dinjità bla tarf li tahom Alla l-Missier għax iħobbhom bi mħabba bla tarf.

 

64. Huma għandhom dritt għall-bxara tal-Vanġelu, fuq kollox għal dik l-ewwel tħabbira li tissejjaħ kerygma u li “hi t-tħabbira ewlenija, dik li dejjem għandna nerġgħu lura għaliha biex nisimgħuha fid-diversi xejriet tagħha u li dejjem għandna nduru lejha biex inħabbruha fil-katekeżi f’xi bixra jew oħra”.[81] Hi t-tħabbira ta’ Alla li jħobb bla tarf lil kull bniedem, li wera din l-imħabba fil-milja tagħha fi Kristu mislub għalina u li jirxoxta f’ħajjitna. Nipproponi hawn li tinqara ġabra qasira fuq din it-tema fil-kapitlu IV tal-Eżortazzjoni Christus vivit. Din il-bxara għandha tidwi l-ħin kollu fl-Amażonja, espressa f’bosta xejriet differenti. Mingħajr din it-tħabbira kollha passjoni, kull struttura ekkleżjali ssir ONG oħra, u hekk ma nkunux qed inwieġbu għat-talba ta’ Ġesù Kristu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15).

 

65. Kull proposta ta’ maturazzjoni fil-ħajja Nisranija għandu jkollu bħala pern permanenti din it-tħabbira, għax “il-formazzjoni Nisranija kollha hi qabelxejn l-approfondiment tal-kerygma li tkompli titlaħħam dejjem iżjed u aħjar”.[82] Ir-reazzjoni fundamentali għal din it-tħabbira, meta jirnexxilha twassal għal laqgħa personali mal-Mulej, hija l-imħabba fraterna, dak il-“kmandament ġdid li hu l-ewwel wieħed, l-akbar wieħed, dak li l-aktar jagħżilna bħala dixxipli”.[83] Għalhekk, il-kerygma u l-imħabba fraterna huma flimkien il-ġabra l-kbira fil-qosor tal-kontenut kollu tal-Vanġelu li ma nistgħux ma nipproponuhx ukoll fl-Amażonja. Huwa dan li għexu l-evanġelizzaturi kbar tal-Amerika Latina bħal San Turibju minn Mongrovejo jew San José de Anchieta.

 

L-inkulturazzjoni

66. Il-Knisja, waqt li tħabbar dejjem mill-ġdid il-kerygma, jeħtieġ tikber fl-Amażonja. Għalhekk, trid terġa’ ssib dejjem mill-ġdid l-identità tagħha fis-smigħ u fid-djalogu mal-persuni, ir-realtajiet u l-istejjer tat-territorju tagħha. B’dan il-mod, tista’ tiżviluppa dejjem iżjed fiha proċess meħtieġ ta’ inkulturazzjoni, li ma jistmerr xejn mit-tajjeb kollu li diġà jeżisti fil-kulturi tal-Amażonja, imma jiġborhom u jwassalhom għall-milja tagħhom fid-dawl tal-Vanġelu.[84] U lanqas tistkerrah l-għana tal-għerf Nisrani mgħoddi tul is-sekli, bħallikieku tippretendi li tista’ tinjora l-istorja li fiha Alla ħadem b’ħafna modi, għax il-Knisja għandha wiċċ ta’ ħafna xejriet “mhux biss minn perspettiva spazjali […], imma anki minn dik tar-realtà temporali tagħha”.[85] Din hi t-Tradizzjoni awtentika tal-Knisja, li mhijiex xi depożitu statiku u lanqas xi opra għal ġo mużew, imma l-għeruq ta’ siġra li tikber.[86] Hija t-Tradizzjoni millenarja li tagħti xhieda tal-azzjoni divina fil-Poplu tiegħu u “għandha l-missjoni li żżomm in-nar imkebbes iktar milli terfa’ l-irmied”.[87]

 

67. San Ġwanni Pawlu II għallimna li, meta tippreżenta l-proposta tagħha tal-Vanġelu, “il-Knisja ma tippretendix li tista’ tiċħad l-awtonomija tal-kultura. Anzi, bil-maqlub, iġġibilha l-ikbar rispett”, għax il-kultura “mhijiex biss suġġett li jista’ jiġi mifdi u merfugħ ’il fuq; imma tista’ tkun ukoll mezz ta’ medjazzjoni u kollaborazzjoni”.[88] Lill-indiġeni tal-Kontinent Amerikan fakkarhom li “fidi li ma ssirx kultura hija fidi li ma ġietx milqugħa b’mod sħiħ, u la għaddiet għalkollox mill-ħsieb u lanqas ingħaxet b’mod fidil”.[89] L-isfidi tal-kulturi jistiednu lill-Knisja għal “qagħda kritika u attenta imma wkoll b’fiduċja u attenzjoni”.[90]

 

68. Hawn nistgħu nerġgħu naqbdu dak li stqarrejt fl-Eżortazzjoni Evangelii gaudium dwar l-inkulturazzjoni, bil-konvinzjoni li “l-grazzja tissupponi l-kultura, u d-don ta’ Alla jitlaħħam fil-kultura ta’ min jirċevih”.[91] Inħoss li dan jimplika ċaqliq doppju. Minn naħa, dinamika għammiela li biha l-Vanġelu jista’ jesprimi ruħu f’post, ladarba “meta komunità tilqa’ t-tħabbira tal-fidwa, l-Ispirtu s-Santu jagħni l-kultura tagħha bil-qawwa tal-Vanġelu li kapaċi ġġib bidla”.[92] Min-naħa l-oħra, il-Knisja nfisha tagħmel mixja li fiha hi tirċievi, mixja li tagħniha b’dak li l-Ispirtu b’mod misterjuż kien diġà żera’ f’dik il-kultura. Hekk, “l-Ispirtu s-Santu jagħni lill-Knisja, juriha aspetti ġodda tar-Rivelazzjoni u jlibbisha wiċċ ġdid”.[93] Bla dubju dan ifisser li nippermettu u ninkuraġġixxu li t-tħabbira tal-Vanġelu li m’għandux limiti, imwassla “b’kategoriji proprji tal-kultura li fiha jiġi mwassal, toħloq sintesi ġdida ma’ dik il-kultura”.[94]

 

69. Mela, “kif nistgħu naraw fl-istorja tal-Knisja, il-Kristjaneżmu m’għandux ġo fih mudell wieħed kulturali”[95] u “ma nkunux qed nagħmlu ġustizzja mal-loġika tal-inkarnazzjoni jekk naħsbu li l-Kristjaneżmu hu xi ħaġa monokulturali u uniformi”.[96] Madankollu, ir-riskju għall-evanġelizzaturi li jaslu f’xi post jew ieħor hu li jaħsbu li għandhom iwasslu mhux biss il-Vanġelu imma anki l-kultura li fiha huma kibru, u jinsew li m’għandniex “nimponu forma kulturali partikulari, hi kemm hi sabiħa u antika”.[97] Irridu naċċettaw bil-kuraġġ kollu l-ġdid tal-Ispirtu, li kapaċi joħloq dejjem xi ħaġa ġdida bit-teżor bla qies ta’ Ġesù Kristu, għax “l-inkulturazzjoni timpenja lill-Knisja f’mixja iebsa imma meħtieġa”.[98] Huwa minnu li “għalkemm dawn il-proċessi dejjem jieħdu fit-tul, xi kultant il-biża’ jipparalizzana wisq” u nispiċċaw biex nibqgħu “spettaturi ta’ Knisja li qed tistaġna”.[99] Ejjew ma nibżgħux, u lill-Ispirtu s-Santu ma naqtgħulux il-ġwienaħ!

 

Toroq ta’ inkulturazzjoni fl-Amażonja

70. Biex tikseb inkulturazzjoni mġedda tal-Vanġelu fl-Amażonja, il-Knisja għandha bżonn tisma’ l-għerf ta’ missirijietha, terġa’ lura biex tagħti leħen lill-anzjani, tagħraf il-valuri preżenti fl-istil ta’ ħajja tal-komunitajiet tal-post, u maż-żmien tirkupra r-rakkonti prezzjużi tal-popli. Fl-Amażonja diġà rċivejna għana kbir li ġej mill-kulturi Prekolombjani, “bħalma huma l-ftuħ għall-azzjoni ta’ Alla, is-sens ta’ gratitudni għall-frott tal-art, il-karattru qaddis tal-ħajja umana u l-istima għall-familja, is-sens ta’ solidarjetà u l-korresponsabbiltà fil-ħidma komuni, l-importanza tad-dimensjoni kulturali, il-fidi f’ħajja lil hemm minn dik ta’ din l-art, u tant valuri oħra”.[100]

 

71. F’dan il-kuntest, il-popli indiġeni tal-Amażonja jesprimu l-kwalità awtentika tal-ħajja bħala “għajxien tajjeb” li jimplika armonija personali, familjari, komunitarja u kożmika, u jidher fil-mod komunitarju ta’ kif huma jħarsu lejn il-ħajja, fil-ħila li jsibu l-ferħ u l-milja f’ħajja awstera u sempliċi, kif ukoll fil-ħarsien responsabbli tan-natura li jippreserva r-riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-popli aboriġini jistgħu jgħinuna niskopru xi tkun sobrjetà hienja u f’dan is-sens “għandhom ħafna x’jgħallmuna”.[101] Jafu jifirħu bix-xejn, igawdu d-doni żgħar ta’ Alla mingħajr ma jgeddsu wisq affarijiet, ma jeqirdux bla bżonn, iħarsu l-ekosistemi u jagħrfu li l-art, waqt li toffri ruħha biex tweżnilhom ħajjithom, bħal għajn ġeneruża, għandha sens matern li jqanqal ħlewwa u rispett. Dan kollu wieħed għandu jiżnu u jżommu quddiem għajnejh fl-evanġelizzazzjoni.[102]

 

72. Waqt li nissieltu għalihom u magħhom, aħna msejħin “inkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom”.[103] Dawk li jgħixu fl-ibliet għandhom bżonn japprezzaw dan l-għerf u “jedukaw ruħhom mill-ġdid” quddiem il-konsumiżmu anzjuż u l-iżolament urban. Il-Knisja nfisha tista’ tkun għodda li tgħin biex, f’sintesi valida mat-tħabbira tal-Vanġelu, nerġgħu lura għal din il-kultura. Barra dan, hija ssir strument ta’ karità skont kemm il-komunitajiet urbani jkunu mhux biss missjunarji fl-ambjent tagħhom, imma wkoll jilqgħu l-foqra li jaslu fi ħdanhom biex jaħarbu mill-għaks. U tkun hekk ukoll skont kemm il-komunitajiet ikunu qrib taż-żgħażagħ migranti biex jgħinuhom jintegraw fil-belt mingħajr ma jiżolqu fix-xbieki baxxi tagħha. Dawn l-azzjonijiet ekkleżjali, li jitwieldu mill-imħabba, huma mixjiet prezzjużi fi ħdan proċess ta’ inkulturazzjoni.

 

73. Mill-banda l-oħra, l-inkulturazzjoni tgħolli u twassal għall-milja. Bla dubju jeħtieġ napprezzaw l-ispirtu indiġenu tal-interkonnessjoni u tal-interdipendenza tal-ħolqien kollu, spirtu ta’ gratwità li jħobb il-ħajja bħala don, spirtu ta’ ammirazzjoni qaddisa quddiem in-natura li bil-ħajja kollha tagħha tmur ħafna lil hemm minna. Madankollu, dan ifisser ukoll li naħdmu biex din ir-relazzjoni ma’ Alla preżenti fl-univers issir dejjem iżjed ir-relazzjoni personali tagħna ma’ Int li jwieżen ir-realtà tagħna u jrid jagħtiha tifsira, Int li jafna u jħobbna:

 

“Jitlajjaw id-dellijiet tiegħi, għudiet mejta.

Imma l-kewkba titwieled bla nikta

fuq l-idejn esperti ta’ din it-tarbija,

li għandhom taħthom l-ilmijiet u l-lejl.

Biżżejjed għalija li naf

li Int tagħrafni

kollni kemm jien, sa minn qabel il-jiem tiegħi”.[104]

 

74. Bl-istess mod, ir-relazzjoni ma’ Kristu, veru Alla u veru bniedem, ħallies u feddej, mhijiex għadu ta’ din il-viżjoni hekk universali tad-dinja li tikkaratterizza dawn il-popli, għaliex huwa wkoll l-Irxoxt li jinfed f’kull ħaġa.[105] Għall-esperjenza Nisranija, “il-ħlejjaq kollha tal-univers materjali jsibu t-tifsira vera tagħhom fil-Verb inkarnat, għax l-Iben ta’ Alla laħħam fil-persuna tiegħu parti mill-univers materjali, fejn hu żera’ darba għal dejjem din it-trasformazzjoni”.[106] Hu preżenti b’mod glorjuż u misterjuż fix-xmara, fis-siġar, fil-ħut, fir-riħ, għax huwa l-Mulej li jsaltan fuq il-ħolqien mingħajr ma jitlef il-ġrieħi tiegħu ttrasfigurati, u fl-Ewkaristija jieħu fuqu l-elementi tad-dinja biex jagħti lil kull wieħed u waħda t-tifsira tad-don tal-Għid.

 

Inkulturazzjoni soċjali u spiritwali

75. Din l-inkulturazzjoni, meta tqis il-qagħda ta’ faqar u telqa ta’ tant nies li jgħixu fl-Amażonja, bilfors irid ikollha timbru qawwi soċjali u tkun ikkaratterizzata minn difiża soda tad-drittijiet umani, biex hekk jidher mill-ġdid il-wiċċ ta’ Kristu li “ried jitwaħħad bi ħlewwa speċjali mal-iżjed dgħajfa u l-iżjed foqra”.[107] Għax “fil-qalba tal-Vanġelu nagħrfu r-rabta mill-qrib bejn evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana”,[108] u dan għall-komunitajiet Insara jfisser impenn ċar b’risq is-Saltna ta’ ġustizzja fil-promozzjoni tal-persuni mwarrba u mormija. Għal dan il-għan huwa estremament importanti li jkollna formazzjoni xierqa tal-operaturi pastorali fid-duttrina soċjali tal-Knisja.

 

76. Fl-istess waqt, l-inkulturazzjoni tal-Vanġelu fl-Amażonja għandha tintegra aħjar id-dimensjoni soċjali ma’ dik spiritwali, biex hekk dawk l-iżjed foqra ma jkollhomx bżonn imorru jfittxu barra mill-Knisja spiritwalità li twieġeb għax-xewqa tad-dimensjoni traxxendentali tagħhom. Għalhekk, ma tridx tkun reliġjożità aljenanti u individwalista li ssikket l-esiġenzi soċjali ta’ ħajja iżjed dinjituża, imma lanqas nistgħu naqtgħu d-dimensjoni traxxendentali u spiritwali bħallikieku għall-bniedem kien biżżejjed l-iżvilupp materjali. Hekk jiddi l-ġmiel veru tal-Vanġelu, li lill-bniedem jagħmlu għalkollox iżjed bniedem, li jagħti dinjità sħiħa lill-persuni u lill-popli, li jimla l-qalb u l-ħajja kollha kemm hi.

 

Mnejn nitilqu biex naslu għal qdusija Amażonika

77. Hekk jistgħu jitwieldu xhieda ta’ qdusija b’wiċċ Amażoniku, li ma jkunux kopji ta’ mudelli minn postijiet oħra, qdusija magħmula minn laqgħa u għotja, minn kontemplazzjoni u minn qadi, minn solitudni akkoljenti u minn ħajja komuni, minn sobrjetà hienja u minn taqbida għall-ġustizzja. Għal din il-qdusija naslu “kull wieħed mit-triq tiegħu”,[109] u dan jiswa wkoll għall-popli, fejn il-grazzja titlaħħam u tilma b’karatteristiċi distintivi. Nistħajlu qdusija b’fattizzi Amażoniċi, imsejħa biex tisfida lill-Knisja universali.

 

78. Proċess ta’ inkulturazzjoni, li jitlob mixjiet mhux biss individwali imma wkoll komunitarji, jitlob għan-nies imħabba mimlija rispett u komprensjoni. F’parti kbira mill-Amażonja dan il-proċess diġà beda. Fuq erbgħin sena ilu l-Isqfijiet tal-Amażonja tal-Perù osservaw li f’ħafna mill-gruppi soċjali preżenti f’dak ir-reġjun “is-suġġett tal-evanġelizzazzjoni, magħġun minn kultura tiegħu ta’ ħafna xejriet u li tvarja, diġà rċieva l-ewwel evanġelizzazzjoni”, għax għandu “xi karatteristiċi ta’ Kattoliċiżmu popolari li, imqar jekk għall-ewwel ġew promossi minn operaturi pastorali, attwalment huma realtà li n-nies għamlet tagħha u saħansitra bidlet it-tifsira tagħhom u tgħaddihom minn nisel għal nisel”.[110] Ma ngħaġġlux nittimbraw bħala superstizzjoni jew paganiżmu xi espressjonijiet reliġjużi li jinbtu b’mod spontanju mill-ħajja tan-nies. Pjuttost, jeħtieġ nitgħallmu nagħrfu l-qamħ li jikber qalb is-sikrana, għax “fil-pjetà popolari nistgħu naraw il-modi kif il-fidi milqugħa tlaħħmet f’kultura partikulari u tkompli tiġi trasmessa”.[111]

 

79. Huwa possibbli nilqgħu b’xi mod simbolu indiġenu mingħajr ma bilfors nikkwalifikawh bħala idolatriku. Mit mimli b’tifsira spiritwali jista’ jiġi vvalorizzat u mhux dejjem meqjus żball pagan. Xi festi reliġjużi fihom tifsira qaddisa u huma spazji ta’ laqgħa u ta’ fraternità, imqar jekk ikun hemm bżonn proċess ta’ purifikazzjoni u maturazzjoni li jieħu fit-tul. Missjunarju veru jfittex li jiskopri liema xewqat leġittimi jgħaddu mill-manifestazzjonijiet reliġjużi xi drabi imperfetti, parzjali jew żbaljati, u jara kif sa jwieġeb għal dan permezz ta’ spiritwalità inkulturata.

 

80. Din trid tkun bla dubju spiritwalità ċċentrata fuq il-Mulej Alla wieħed, imma fl-istess waqt li kapaċi tidħol f’kuntatt mal-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-persuni li qed ifittxu ħajja dinjituża, li jixtiequ jgawdu r-realtajiet sbieħ tal-ħajja, isibu s-sliem u l-armonija, isolvu l-kriżijiet familjari, isibu fejqan għall-mard tagħhom, jaraw lil uliedhom jikbru kuntenti. L-agħar periklu jkun jekk inbegħduhom mil-laqgħa ma’ Kristu billi nippreżentawhulhom bħala għadu tal-ferħ tagħhom, jew bħala xi ħadd indifferenti għax-xewqat u għat-tbatija tal-bnedmin.[112] Illum hu indispensabbli nuru li l-qdusija ma ċċaħħadx lill-persuni minn “saħħa, ħajja u ferħ”.[113]

 

L-inkulturazzjoni tal-liturġija

81. L-inkulturazzjoni tal-ispiritwalità Nisranija fil-kulturi tal-popli indiġeni ssib fis-Sagramenti triq ta’ valur partikulari, għax fihom jiltaqgħu d-divin u l-kożmiku, il-grazzja u l-ħolqien. Fl-Amażonja dawn m’għandhomx jiġu mifhuma bħala firda mill-ħolqien. Fil-fatt, “huma mod ipprivileġġjat fejn Alla jaqbad in-natura u jibdilha fi triq għall-ħajja sopranaturali”.[114] Huma t-tkomplija tal-ħolqien, fejn in-natura titgħolla biex issir post u strument tal-grazzja, biex “inħaddnu d-dinja fuq livell differenti”.[115]

 

82. Fl-Ewkaristija, Alla “fil-qofol tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, jixtieq jitwaħħad magħna fil-ġewwieni tagħna permezz ta’ biċċa mill-materja. […] [Hi] tgħaqqad l-art mas-Sema, tħaddan u tinfed il-ħolqien kollu.[116] Għal din ir-raġuni tista’ tkun “motivazzjoni għat-tħassib kollu tagħna dwar l-ambjent, u torjentana biex inkunu ħarriesa tal-ħolqien kollu”.[117] Għalhekk, “ma nkunux naħarbu mid-dinja u lanqas niċħdu n-natura meta nixxennqu biex niltaqgħu ma’ Alla”.[118] Dan jagħtina li fil-liturġija nilqgħu u nifhmu ħafna elementi li ġejjin mill-esperjenza tal-indiġeni fil-kuntatt intimu tagħhom man-natura u ninkuraġġixxu espressjonijiet tal-post f’kant, żfin, riti, ġesti u simboli. Diġà l-Konċilju Vatikan II kien talab li jsir dan l-isforz ta’ inkulturazzjoni tal-liturġija fil-popli indiġeni,[119] imma għaddew iżjed minn ħamsin sena u ftit li xejn għamilna progress f’din id-direzzjoni.[120]

 

83. Fil-jum tal-Ħadd “l-ispiritwalità Nisranija twaħħad il-valur tal-mistrieħ u dak ta’ festa. Il-bniedem għandu t-tendenza li jirriduċi l-mistrieħ kontemplattiv għal xi ħaġa sterili u bla siwi, u jaħseb li hekk il-ħidma mwettqa jkun ineżżagħha minn dak li hu l-iżjed importanti: it-tifsira tagħha. Aħna msejħin biex fil-ħidmiet tagħna ndaħħlu dimensjoni ta’ riċettività u gratwità”.[121] Il-popli indiġeni jafu x’inhi din il-gratwità u dan il-ħemda kontemplattiva li tagħmel tant ġid. Iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna għandhom jgħinuhom jgħixu din l-esperjenza fil-liturġija tal-Ħadd u jiltaqgħu mad-dawl tal-Kelma u tal-Ewkaristija li jdawwal il-ħajja konkreta tagħna.

 

84. Is-Sagramenti juruna u jikkomunikawlna lil Alla li hu qrib tagħna u jiġi bil-ħniena kollha jfejjaq u jsaħħaħ lil uliedu. Għalhekk għandhom ikunu aċċessibbli, fuq kollox għall-foqra, u dawn m’għandhom qatt jiġu mċaħħda minnhom minħabba raġunijiet ta’ flus. Lanqas hi permessa, quddiem il-foqra u l-minsija tal-Amażonja, dixxiplina li teskludi u tbiegħed, għax b’dan il-mod huma fl-aħħar jisfaw mormija minn Knisja li tinbidel fi dwana. Pjuttost, “fil-qagħdiet diffiċli li għaddejjin minnhom dawk l-iżjed fil-bżonn, il-Knisja jeħtieġ tfittex b’mod speċjali kif tifhem, tfarraġ, tintegra, u tevita li timponi fuqhom serje ta’ normi bħallikieku kienu tal-ġebel, ħaġa li ġġagħalhom iħossuhom iġġudikati u mitluqa sewwasew minn dik l-Omm li hi msejħa twasslilhom il-ħniena ta’ Alla”.[122] Għall-Knisja, il-ħniena tista’ ssir sempliċi espressjoni romantika jekk ma tidhirx konkretement fl-impenn pastorali.[123]

 

L-inkulturazzjoni tal-ministerjalità

85. L-inkulturazzjoni għandha tiżviluppa u tiġi riflessa wkoll f’mod konkret kif inwettqu l-organizzazzjoni ekkleżjali u l-ministerjalità. Jekk tiġi inkulturata l-ispiritwalità, jekk tiġi inkulturata l-qdusija, jekk jiġi inkulturat il-Vanġelu nnifsu, kif nistgħu ma naħsbux ukoll f’inkulturazzjoni tal-mod kif nistrutturaw u ngħixu l-ministeri ekkleżjali? Il-ħidma pastorali tal-Knisja fl-Amażonja għandha preżenza prekarja, u biċċa mir-raġuni għal dan hi l-medda wiesgħa ta’ territorju b’ħafna postijiet li l-aċċess għalihom hu diffiċli, kif ukoll id-diversità kulturali kbira, il-problemi soċjali serji, kif ukoll l-għażla ta’ xi popli li jiżolaw ruħhom. Dan ma jistax iħallina indifferenti u jesiġi mill-Knisja tweġiba speċifika u kuraġġjuża.

 

86. Jeħtieġ inħabirku biex il-ministerjalità tkun għas-servizz taċ-ċelebrazzjoni iktar frekwenti tal-Ewkaristija, anki fl-aktar komunitajiet imbiegħda u moħbija. F’Aparecida smajna l-istedina biex nagħtu widen għall-karba ta’ tant komunitajiet tal-Amażonja “mċaħħda mill-Ewkaristija tal-Ħadd għal żminijiet twal”.[124] Imma fl-istess waqt hemm bżonn ta’ ministri li jistgħu jifhmu minn ġewwa s-sensibbiltà u l-kulturi Amażoniċi.

 

87. Il-mod kif infasslu l-ħajja u t-tħaddim tal-ministeru tas-saċerdoti mhuwiex monolitiku u jsib bosta sfumaturi f’postijiet differenti tal-art. Għalhekk hu importanti niddeterminaw dak li hu iżjed speċifiku għas-saċerdot, dak li ma jistax jiġi ddelegat. It-tweġiba qiegħda fis-sagrament tal-Ordni Sagri, li jwaħħdu ma’ Ġesù Kristu saċerdot. U l-ewwel konklużjoni hi li dan il-karattru esklussiv li rċieva fl-Ordni lilu biss jabilita li jippresiedi l-Ewkaristija.[125] Din hi l-funzjoni speċifika tiegħu, prinċipali u li ma tistax tiġi ddelegata. Xi wħud jaħsbu li dak li jagħżel lis-saċerdot huwa s-setgħa, il-fatt li hu l-ogħla awtorità fil-komunità. Imma San Ġwanni Pawlu II fissrilna li, imqar jekk is-saċerdozju hu meqjus “ġerarkiku”, din il-funzjoni ma tfissirx li wieħed ikun fuq l-oħrajn, imma “hi għalkollox ordnata lejn il-qdusija tal-membri ta’ Kristu”.[126] Meta nistqarru li s-saċerdot hu sinjal ta’ “Kristu li hu r-ras”, it-tifsira prinċipali hi li Kristu huwa l-għajn tal-grazzja: hu r-ras tal-Knisja “għax għandu s-setgħa li jgħaddi l-grazzja lill-membri kollha tal-Knisja”.[127]

 

88. Is-saċerdot hu sinjal ta’ din ir-Ras li ssawwab il-grazzja qabelxejn meta jiċċelebra l-Ewkaristija, għajn u quċċata tal-ħajja Nisranija kollha.[128] Din hi l-ogħla setgħa tiegħu, li jista’ jirċeviha biss fis-sagrament tal-Ordni saċerdotali. Għalhekk li hu biss jista’ jgħid: “Dan huwa ġismi”. Hemm kelmiet oħra li hu biss jista’ jlissen: “Jien naħfirlek dnubietek”. Għax il-maħfra sagramentali hija għas-servizz ta’ ċelebrazzjoni denja tal-Ewkaristija. F’dawn iż-żewġ Sagramenti hemm il-qalba tal-identità esklussiva tiegħu.[129]

 

89. Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Amażonja, speċjalment fil-foresti u l-postijiet l-aktar maqtugħa tagħha, hemm bżonn insibu mod kif niżguraw il-ministeru saċerdotali. Il-lajċi jistgħu jxandru l-Kelma, jgħallmu, jorganizzaw il-komunitajiet tagħhom, jiċċelebraw xi Sagramenti, ifittxu espressjonijiet differenti għall-pjetà popolari u jiżviluppaw il-kotra ta’ doni li l-Ispirtu jsawwab fuqhom. Imma għandhom bżonn taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, għax hi “tagħmel il-Knisja”,[130] u naslu biex ngħidu li “ebda komunità Nisranija ma tista’ tinbena jekk ma jkollhiex l-għerq u l-pern tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa”.[131] Jekk nemmnu tabilħaqq li huwa hekk, inħossu l-urġenza li nħabirku biex il-popli tal-Amażonja ma jiġux imċaħħda mill-Ikel tal-ħajja ġdida u mis-Sagrament tal-Maħfra.

 

90. Din il-ħtieġa attwali twassalni biex inħeġġeġ lill-Isqfijiet kollha, b’mod partikulari dawk tal-Amerika Latina, mhux biss biex jippromovu t-talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali, imma wkoll biex ikunu iżjed ġenerużi, u jorjentaw lil dawk li juru li għandhom vokazzjoni missjunarja biex jagħżlu l-Amażonja.[132] Fl-istess waqt, wasal iż-żmien li nħarsu iktar fil-fond lejn il-binja u l-kontenut kemm tal-formazzjoni tal-bidu u kemm tal-formazzjoni permanenti tal-presbiteri, biex ngħinuhom ikollhom l-atteġġjamenti u l-ħiliet meħtieġa biex jiddjalogaw mal-kulturi Amażoniċi. Din il-formazzjoni għandha tkun eminentement pastorali u tgħin biex tikber il-ħniena saċerdotali.[133]

 

Komunitajiet mimlija ħajja

91. Fl-istess ħin, l-Ewkaristija hija s-Sagrament il-kbir li jfisser u jwettaq l-għaqda tal-Knisja,[134] u niċċelebrawh “biex minn barranin, imxerrda u indifferenti għal xulxin, aħna nsiru magħquda, bħal xulxin u ħbieb”.[135] Min imexxi l-Ewkaristija għandu jieħu ħsieb tal-komunjoni, li mhijiex għaqda li tfaqqar, imma tilqa’ l-kotra ta’ għana tad-doni u tal-kariżmi li l-Ispirtu jsawwab fil-Komunità.

 

92. Għalhekk, l-Ewkaristija, bħala għajn u quċċata, titlob li din il-kotra ta’ għana tiġi żviluppata. Hemm bżonn tas-saċerdoti, imma dan ma jeskludix li b’mod ordinarju d-djakni permanenti – li għandhom ikunu ħafna iżjed fl-Amażonja –, ir-reliġjużi u l-lajċi nfushom jassumu responsabbiltajiet importanti biex jgħinu l-komunitajiet jikbru u, imsieħba tajjeb, jimmaturaw fit-tħaddim ta’ dawn il-funzjonijiet.

 

93. Għalhekk, dan ma jfissirx biss li ngħinu biex ikollna preżenza ikbar ta’ ministri ordnati li jistgħu jiċċelebraw l-Ewkaristija. Dan ikun oġġettiv limitat wisq jekk ma nfittxux ukoll li nqanqlu ħajja ġdida fil-komunitajiet. Għandna bżonn nippromovu l-laqgħa mal-Kelma u l-maturazzjoni tal-qdusija permezz ta’ diversi servizzi lajkali, li jitolbu qabel proċess ta’ maturazzjoni – biblika, duttrinali, spiritwali u prattika – u bosta mixjiet ta’ formazzjoni permanenti.

 

94. Knisja bi wċuħ Amażoniċi titlob il-preżenza stabbli ta’ lajċi responsabbli, maturi u mħarrġa għall-awtorità,[136] li jafu l-lingwi, il-kulturi, l-esperjenza spiritwali u l-mod ta’ ħajja f’komunità ta’ bosta postijiet, waqt li jħallu wisa’ għall-kotra ta’ doni li l-Ispirtu s-Santu jiżra’ f’kulħadd. Fil-fatt, hemm fejn hemm ħtieġa partikulari, l-Ispirtu diġà sawwab kariżmi li jippermettu li tingħata tweġiba għaliha. Dan jitlob li l-Knisja jkollha l-ħila li tiftaħ toroq għall-kuraġġ tal-Ispirtu, li jkollha fiduċja u konkretement tippermetti l-iżvilupp ta’ kultura ekkleżjali proprja, partikularment lajkali. L-isfidi tal-Amażonja jesiġu mill-Knisja sforz speċjali biex twettaq preżenza mifruxa li hi possibbli biss permezz tal-protagoniżmu ħaj tal-lajċi.

 

95. Ħafna persuni kkonsagrati ħaddmu l-enerġiji tagħhom u għaddew parti kbira minn ħajjithom jaħdmu għas-Saltna ta’ Alla fl-Amażonja. Il-ħajja kkonsagrata, li għandha l-ħila tad-djalogu, tas-sintesi, ta’ inkarnazzjoni u ta’ profezija, għandha post speċjali f’din il-binja plurali u armonika tal-Knisja Amażonika. Imma jonqosha dak l-isforz ġdid ta’ inkulturazzjoni, li jitlob il-kreattività, il-kuraġġ missjunarju, is-sensibbiltà u l-qawwa partikulari tal-ħajja komunitarja.

 

96. Il-komunitajiet ta’ bażi, meta għarfu jintegraw il-ħarsien tad-drittijiet soċjali mat-tħabbira missjunarja u l-ispiritwalità, kienu esperjenzi veri ta’ sinodalità fil-mixja evanġelizzatriċi tal-Knisja fl-Amażonja. Ħafna drabi “għenu biex jiffurmaw Insara impenjati fil-fidi, dixxipli u missjunarji tal-Mulej, kif inhi xhieda l-għotja ġeneruża, sat-tixrid tad-demm, ta’ tant membri tagħhom”.[137]

 

97. Inħeġġeġ għall-approfondiment tal-ħidma komuni li qed issir permezz tar-REPAM u assoċjazzjonijiet oħra, bl-għan li tikkonsolida dak li diġà kienet talbet il-Konferenza ta’ Aparecida: “Nistabbilixxu, bejn il-Knejjes lokali tad-diversi pajjiżi tal-Amerika Latina li jagħmlu parti mill-baċir Amażoniku, ħidma pastorali flimkien skont il-prijoritajiet rispettivi”.[138] Dan jgħodd speċjalment għar-relazzjonijiet bejn il-Knejjes li jmissu ma’ xulxin fuq il-fruntieri.

 

98. Fl-aħħar nett, nixtieq infakkar li mhux dejjem nistgħu naħsbu fi proġetti għal komunitajiet stabbli, għax fl-Amażonja hemm ċaqliq intern kbir, migrazzjoni kostanti minn post għall-ieħor u lura, u “r-reġjun fir-realtà sar kuritur migratorju”.[139] It-“transumanza Amażonika minn perspettiva pastorali la fhimnieha tajjeb u lanqas għadna għarbilnieha biżżejjed”.[140] Għalhekk hemm bżonn naħsbu fi gruppi missjunarji itineranti li “jwieżnu l-inseriment u l-itineranza tal-persuni kkonsagrati qrib l-iżjed foqra u mwarrba”.[141] Min-naħa l-oħra, dan iqiegħed taħt prova l-komunitajiet urbani tagħna, li għandhom jikkultivaw b’intelliġenza u ġenerożità, speċjalment fil-periferiji, bosta xejriet ta’ qrubija u ta’ akkoljenza lejn il-familji u ż-żgħażagħ li jaslu minn ġewwa.

 

Il-qawwa u d-don tan-nisa

99. Fl-Amażonja hemm komunitajiet li żammew sħaħ u għaddew il-fidi għal żmien twil mingħajr qatt m’għadda minn hemm xi saċerdot, anki għal għexieren ta’ snin sħaħ. Dan kien possibbli grazzi għall-preżenza ta’ nisa qawwija u ġenerużi: nisa li għammdu, kienu katekisti, għallmu lil oħrajn jitolbu, kienu missjunarji, bla dubju msejħa u mqanqla mill-Ispirtu s-Santu. Għal sekli sħaħ in-nisa żammew fuq riġlejha lill-Knisja f’dawk il-postijiet b’dedikazzjoni li ta’ min jammiraha u fidi mkebbsa. Huma stess, fis-Sinodu, messew il-qalb tagħna lkoll bix-xhieda li taw.

 

100. Dan jistedinna nwessgħu l-viżjoni tagħna biex nevitaw li nfaqqru l-għarfien tagħna tal-Knisja u tal-istrutturi funzjonali tagħha. Dan ir-riduzzjoniżmu jwassalna biex naħsbu li lin-nisa nkunu nagħtuhom status u sehem akbar fil-Knisja biss jekk nagħtuhom aċċess għall-Ordni Sagri. Imma fir-realtà din il-viżjoni tkun tillimita l-perspettivi, torjenta lejn klerikalizzazzjoni tan-nisa, tnaqqas mill-valur għoli ta’ dak li huma diġà taw, u tipprovoka ħelu ħelu t-tfaqqir tal-kontribut indispensabbli tagħhom.

 

101. Ġesù jippreżenta ruħu bħala Għarus tal-komunità li tiċċelebra l-Ewkaristija, permezz tal-figura ta’ raġel li jippresediha bħala sinjal tas-Saċerdot waħdieni. Dan id-djalogu bejn l-Għarus u l-għarusa li jintrefa ’l fuq fl-adorazzjoni u jqaddes il-komunità, ma għandux jagħlaqna f’kunċetti parzjali fuq min għandu s-setgħa fil-Knisja. Għax il-Mulej ried juri s-setgħa tiegħu u l-imħabba tiegħu permezz ta’ żewġt uċuħ umani: dak tal-Iben divin tiegħu magħmul bniedem u dak ta’ ħlejqa li hi mara, Marija. In-nisa jagħtu l-kontribut tagħhom lill-Knisja bil-mod tagħhom u billi jsiru estensjoni tal-qawwa u l-ħlewwa ta’ Marija, l-Omm. B’dan il-mod ma nillimitawx ruħna għal impostazzjoni funzjonali, imma nidħlu fil-binja intima tal-Knisja. Hekk nifhmu radikalment għaliex mingħajr in-nisa hi tiġġarraf, kif kienu jitfarrku tant komunitajiet tal-Amażonja li ma kienx għan-nisa, li weżnuhom, żammewhom weqfin u ħadu ħsiebhom. Dan jurina liema hi l-qawwa karatteristika tagħhom.

 

102. Ma nistgħux ma nikuraġġux ukoll id-doni ta’ għaġna popolari li taw lin-nisa tant protagoniżmu fl-Amażonja, imqar jekk illum il-komunitajiet ikollhom joqogħdu għal riskji ġodda li ma kinux jeżistu fi żminijiet oħra. Il-qagħda attwali titlob minna li nħeġġu servizzi u kariżmi femminili oħra, li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-popli Amażoniċi f’dan il-mument storiku.

 

103. Fi Knisja sinodali n-nisa, li fil-fatt jiżvolġu rwol ċentrali fil-komunitajiet Amażoniċi, għandu jkollhom aċċess għal funzjonijiet u anki servizzi ekkleżjali li ma jitolbux l-Ordni Sagri u jħalluhom jesprimu aħjar il-post tagħhom. Tajjeb infakkru li dawn is-servizzi jitolbu stabbiltà, rikonoxximent pubbliku u l-mandat min-naħa tal-Isqof. Dan jitlob ukoll li l-kelma tan-nisa tkun tiswa tassew u effettiva fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijiet l-iżjed importanti u fit-treġija tal-komunitajiet, imma fl-istess ħin bla ma jieqfu jagħmlu dan fl-istil proprju tal-impronta femminili tagħhom.

 

Inwessgħu kull xefaq lil hemm mill-kunflitti

104. Spiss jiġri li, f’post partikulari, l-operaturi pastorali jilmħu soluzzjonijiet differenti ħafna għall-problemi li jkunu jaffrontaw, u għalhekk jipproponu għamliet ta’ organizzazzjoni ekkleżjali li minn barra jidhru opposti. Meta jseħħ dan, hu probabbli li t-tweġiba vera għall-isfidi tal-evanġelizzazzjoni tkun li nwarrbu dawn il-proposti, u nfittxu toroq oħra aħjar, forsi mhux biss mistħajla. Il-kunflitt jingħeleb fuq livell ogħla fejn kull waħda mill-partijiet, mingħajr ma tieqaf tkun fidila lejha nfisha, tintegra mal-oħra f’realtà ġdida. Kollox jissolva fi “qbil dwar pjan ogħla li jiġbor fih il-potenzjalitajiet prezzjużi tal-polaritajiet li huma f’kuntrast ma’ xulxin”.[142] Inkella l-kunflitt iwaħħalna, “nitilfu l-prospettiva, ix-xefaq jillimita ruħu u r-realtà nfisha tibqa’ maqsuma f’elf biċċa”.[143]

 

105. Dan bl-ebda mod ma jfisser li nirrelattivizzaw il-problemi, naħarbu minnhom jew inħallu l-affarijiet kif sibniehom. Is-soluzzjonijiet veri qatt ma jintlaħqu billi mmewtu l-kuraġġ, inwarrbu l-esiġenzi konkreti jew infittxu ta’ min hija l-ħtija minn barra. Bil-maqlub, is-soluzzjoni nsibuha meta “nitfawru”, nittraxxendu d-djalettika li tillimita l-viżjoni biex hekk nistgħu nagħrfu don ikbar li Alla qed joffrilna. Minn dan id-don ġdid, milqugħ b’kuraġġ u ġenerożità, minn dan id-don mhux mistenni li jqanqal kreattività ġdida u ikbar, joħorġu, bħal minn għajn ġeneruża, it-tweġibiet li d-djalettika ma tkunx ħallietna naraw. Fil-bidu tagħha, il-fidi Nisranija xterdet b’mod tal-għaġeb billi mxiet b’din il-loġika, li ħallietha, ibda mill-mamma Lhudija, titlaħħam fil-kultura Griega u dik Rumana u taqbad fil-mixja tagħha iktar minn mogħdija waħda. Bl-istess mod, f’dan il-mument storiku, l-Amażonja qed tisfidana biex negħlbu perspettivi dojoq, soluzzjonijiet pragmatiċi li jibqgħu magħluqa f’aspetti parzjali tal-kwistjonijiet il-kbar, biex infittxu toroq usa’ u kuraġġjużi ta’ inkulturazzjoni.

 

Il-konvivenza ekumenika u reliġjuża

106. Fl-Amażonja multireliġjuża, dawk li jemmnu għandhom bżonn isibu spazji fejn jiddjalogaw u jaġixxu flimkien għall-ġid komuni u l-promozzjoni tal-iżjed foqra. Ma jfissirx li kollha rridu nsiru iżjed light jew naħbu l-konvinzjonijiet tagħna, li magħhom aħna iżjed marbuta, biex nistgħu niltaqgħu mal-oħrajn li jaħsbuha differenti minna. Jekk wieħed jemmen li l-Ispirtu s-Santu jista’ jaġixxi f’min hu differenti minnu, allura dan jipprova jħalli dak id-dawl jagħnih, imma jilqgħu minn ħdan il-konvizjonijiet tiegħu u skont l-identità tiegħu. Għax iktar ma identità hi profonda, soda u għanja, iktar tista’ tagħni lill-oħrajn bil-kontribut partikulari tagħha.

 

107. Bħala Kattoliċi għandna teżor fl-Iskrittura Mqaddsa li reliġjonijiet oħra ma jaċċettawx, imqar jekk xi drabi jafu jaqrawha b’interess u anki japprezzaw partijiet minnha. Xi ħaġa simili nfittxu li nagħmlu aħna bit-testi sagri ta’ reliġjonijiet u komunitajiet reliġjużi oħra, fejn hemm “dawk ir-regoli ta’ ħajja u dak it-tagħlim li […] ħafna drabi jirriflettu raġġ minn dik il-verità li ddawwal il-bnedmin kollha”.[144] Għandna wkoll għana kbir fis-seba’ Sagramenti, li xi komunitajiet Insara ma jaċċettawx b’mod sħiħ jew bl-istess tifsira. Waqt li nemmnu b’mod sħiħ f’Ġesù bħala l-Feddej waħdieni tad-dinja, inrawmu fina devozzjoni qawwija lejn l-Omm tiegħu. Imqar jekk nafu li dan mhuwiex hekk fil-konfessjonijiet Insara kollha, inħossuna fid-dmir li ngħaddu lill-Amażonja l-għana ta’ dik l-imħabba sħuna ta’ omm li tagħha nħossuna depożitarji. Fil-fatt din l-Eżortazzjoni nagħlaqha b’kelmtejn indirizzati lil Marija.

 

108. Dan kollu m’għandux jagħmilna għedewwa ta’ xulxin. Fi spirtu veru ta’ djalogu nkabbru fina l-ħila li nifhmu t-tifsira ta’ dak li l-ieħor jgħid u jagħmel, imqar jekk dan ma nistgħux nagħmluh konvinzjoni tagħna. Hekk isir possibbli li nkunu sinċieri, ma naħbux dak li nemmnu fih, mingħajr qatt nieqfu niddjalogaw, infittxu punti ta’ kuntatt, u fuq kollox naħdmu u nħabirku flimkien għall-ġid tal-Amażonja. Il-qawwa ta’ dak li jxierek lill-Insara kollha għandha valur kbir ħafna. Tant aħna attenti għal dak li jifridna li xi drabi ma napprezzawx u ma nivvalorizzawx dak li jgħaqqadna. U dak li jgħaqqadna hu dak li jippermettilna nkunu fid-dinja mingħajr ma jibilgħuna l-immanenza terrena, il-vojt spiritwali, l-egoċentriżmu komdu, l-individwaliżmu konsumista u awtodistruttiv.

 

109. Bħala Nsara, tgħaqqadna lkoll flimkien il-fidi f’Alla, il-Missier li jagħtina l-ħajja u jħobbna tant. Tgħaqqadna l-fidi f’Ġesù Kristu, il-Feddej waħdieni, li ħelisna bid-demm imqaddes tiegħu u l-qawmien glorjuż tiegħu. Tgħaqqadna x-xewqa tal-Kelma tiegħu li tmexxi l-passi tagħna. Jgħaqqadna n-nar tal-Ispirtu li jħeġġiġna għall-missjoni. Jgħaqqduna l-kmandament ġdid li ħallielna Ġesù, it-tiftixa ta’ ċiviltà tal-imħabba, il-passjoni għas-Saltna li l-Mulej isejħilna biex nibnu flimkien miegħu. Tgħaqqadna t-taqbida b’risq il-paċi u l-ġustizzja. Tgħaqqadna l-konvinzjoni li ma jintemmx kollox ma’ din il-ħajja, imma li aħna msejħin għall-festa tas-Sema fejn Alla jixxotta kull demgħa u jiġbor flimkien dak kollu li għamilna għal dawk li qed ibatu.

 

110. Dan kollu jgħaqqadna flimkien. Kif nistgħu ma nitqabdux flimkien? Kif ma nitolbux flimkien u naħdmu ma’ xulxin biex niddefendu l-foqra tal-Amażonja, biex nuru l-wiċċ qaddis tal-Mulej u nieħdu ħsieb tal-opra ħallieqa tiegħu?


 

KONKLUŻJONI

OMM L-AMAŻONJA

 

111. Wara li qsamt magħkom xi ħolm tiegħi, insejjaħ lil kulħadd biex infittxu toroq konkreti li bihom nistgħu nibdlu lill-Amażonja u neħilsuha mill-ħażen li qed iħabbatha. Issa ejjew nerfgħu ħarsitna lejn Marija. L-Omm li Kristu ħallielna, imqar jekk hi l-Omm waħdanija ta’ kulħadd, fl-Amażonja tidher b’diversi modi. Nafu li “l-indiġeni għandhom laqgħa ħajja ma’ Kristu permezz ta’ bosta toroq; imma t-triq Marjana għenet iżjed mill-oħrajn kollha għal din il-laqgħa”.[145] Quddiem il-ġmiel tal-Amażonja, li skoprejna dejjem aħjar tul it-tħejjija u t-twettiq tas-Sinodu, nemmen li l-aħjar ħaġa tkun li nagħlqu din l-Eżortazzjoni billi nduru lejha:

 

Omm il-ħajja,

fil-ġuf matern tiegħek issawwar Ġesù,

li hu s-Sid ta’ kulma jgħix.

Fil-Qawmien tiegħu hu bidlek b’dawlu

u għamlek Sultana tal-ħolqien kollu.

Għalhekk nitolbuk, o Marija,

biex issaltan fil-qalb tħabbat tal-Amażonja.

 

Urina li inti omm tal-ħlejjaq kollha,

fil-ġmiel tal-ward, tax-xmajjar,

tax-xmara l-kbira li taqsamha

u ta’ dak kollu li jiċċaqlaq fil-foresti tagħha.

Ħares bi ħlewwietek din l-isplużjoni ta’ ġmiel.

 

Itlob lil Ġesù jsawwab imħabbtu kollha

fuq il-bnedmin li jgħixu fiha,

biex jagħrfu jitgħaxxqu biha u jħarsuha.

 

Agħmel li Ibnek jitwieled fil-qlub tagħhom,

biex jilma fl-Amażonja,

fil-popli tagħha u fil-kulturi tagħha,

bid-dawl tal-Kelma tiegħu, bil-faraġ ta’ mħabbtu,

bil-messaġġ tiegħu ta’ mħabba bejn l-aħwa u ta’ ġustizzja.

 

Ħalli f’kull Ewkaristija

titgħolla ’l fuq ukoll tant sbuħija

għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

 

Omm tagħna, ħares lill-foqra tal-Amażonja,

għax darhom qed tisfa meqruda

minħabba f’interessi ħżiena.

Kemm tbatija u kemm faqar,

kemm telqa u kemm prepotenza

f’din l-art imbierka,

imfawra bil-ħajja!

 

Miss il-qalb tas-setgħana,

għax, imqar jekk inħossu li diġà tard wisq,

int issejħilna nsalvaw

dak li għadu ħaj.

 

Omm ta’ qalbek minfuda,

li tbati fi wliedek imweġġgħa

u fin-natura miġruħa,

saltan int fl-Amażonja

flimkien ma’ Ibnek.

Saltan biex ħadd iżjed ma jħossu ħakkiem

tal-opra ta’ Alla.

 

Fik nafdaw, Omm il-ħajja,

la titlaqniex

f’din is-siegħa mudlama.

Amen.

 

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, fit-2 ta’ Frar, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, tas-sena 2020, is-seba’ tal-Pontifikat tiegħi.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 49: AAS 107 (2015), 866.

[2] Instrumentum laboris, 45.

[3] Ana Varela Tafur, “Timareo”, f’Lo que no veo en visiones, Lima (1992).

[4] Jorge Vega Márquez, “Amazonia solitária”, f’Poesía obrera, Cobija-Pando-Bolivia 2009, 39.

[5] Red Eclesial Panamazónica (REPAM), Brasil, Síntesis del aporte al Sínodo, p. 120.; ara Instrumentum laboris, 45.

[6] Diskors liż-żgħażagħ, San Paolo del Brasile (10 ta’ Mejju 2007), 2: Insegnamenti III, 1 (2007), 808.

[7] Ara Alberto C. Araújo, “Imaginario amazónico”, f’Amazonia real: amazoniareal.com.br (29 ta’ Jannar 2014).

[8] San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 57: AAS 59 (1967), 285.

[9] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi Soċjali (27 ta’ April 2001), 4: AAS 93 (2001), 600.

[10] Ara Instrumentum laboris, 41.

[11] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 473: ed. Taljana, Bologna 2014, p. 243.

[12] Ramón Iribertegui, Amazonas: El hombre y el caucho, ed. Vicariato Apostólico de Puerto Ayacucho – il-Veneżwela, Monografija, n. 4, Caracas 1987, 307ss.

[13] Ara Amarílis Tupiassú, “Amazônia, das travessias lusitanas à literatura de até agora”, f’Estudos Avançados, vol. 19, n. 53, San Paolo (Jannar/April 2005): “Fil-fatt, wara li ntemmet l-ewwel kolonizzazzjoni, l-Amażonja kompliet bil-mixja tagħha bħala reġjun suġġett għal regħba ta’ sekli sħaħ, issa taħt impostazzjonijiet retoriċi oħra [] min-naħa ta’ aġenti ‘ċivilizzaturi’ li lanqas għandhom bżonn ta’ personifikazzjoni biex jiġġeneraw u jimmultiplikaw l-uċuħ ġodda tal-qerda tal-qedem, issa permezz ta’ mewt bil-mod il-mod”.

[14] Isqfijiet tal-Amażonja Brażiljana, Carta al pueblo de Dios, Santarem – il-Brażil (6 ta’ Lulju 2012).

[15] San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1998, 3: AAS 90 (1998), 150.

[16] It-III Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Puebla (23 ta’ Marzu 1979), 6.

[17] Instrumentum laboris, 6. Il-Papa Pawlu III, bil-Brevi Veritas ipsa (2 ta’ Ġunju 1537), ikkundanna t-teżijiet razzisti, u għaraf li l-indiġeni, Insara u mhumiex, kellhom id-dinjità tapersuna umana, id-dritt għall-proprjetà u pprojbixxa li jiġu magħmula lsiera. Stqarr: “La huma bnedmin bħall-oħrajn, […] assolutament ma jistgħux jiġu mċaħħda mil-libertà u mill-pussess tal-ġid tagħhom, lanqas dawk li huma barra mill-fidi f’Ġesù Kristu”. Dan il-maġisteru ġie kkonfermat mill-Papiet Girgor XIV, Bulla Cum sicuti (28 ta’ April 1591); Urbanu VIII, Bulla Commissum nobis (22 ta’ April 1639); Benedittu XIV, Bulla Immensa pastorum principis, indirizzata lill-Isqfijiet tal-Brażil (20 ta’ Diċembru 1741); Girgor XVI, Brevi In supremo (3 ta’ Diċembru 1839); Ljun XIII, Epistola lill-Isqfijiet tal-Brażil dwar il-jasar (5 ta’ Mejju 1888); San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ lill-indiġeni tal-Kontinent Amerikan, Santo Domingo (12 ta’ Ottubru 1992), 2: Insegnamenti 15, 2 (1992), 341-347.

[18] Frederico Benício de Sousa Costa, Carta Pastoral (1909), ed. Imprenta del gobierno del Estado de Amazonas, Manaos 1994, 83.

[19] Instrumentum laboris, 7.

[20] Diskors fl-okkażjoni tat-II Laqgħa Dinjija tal-Movimenti Popolari, Santa Cruz de la Sierra – il-Bolivja (9 ta’ Lulju 2015): L’Osservatore Romano, 11 ta’ Lulju 2015, p. 5.

[21] Diskors fil-Laqgħa mal-Popli tal-Amażonja, Puerto Maldonado – il-Perù (19 ta’ Jannar 2018): L’Osservatore Romano, 21 ta’ Jannar 2018, p. 6.

[22] Instrumentum laboris, 24.

[23] Yana Lucila Lema, Tamyahuan Shamakupani (Con la lluvia estoy viviendo), 1, f’http://siwarmayu.com/es/yana-lucila-lema-6-poemas-de-tamyawan-shamukupani-con-la-lluvia-estoy-viviendo/.

[24] Konferenza Episkopali Ekwadorjana, Cuidemos nuestro planeta (20 ta’ April 2012), 3.

[25] N. 142: AAS 107 (2015), 904-905.

[26] N. 82.

[27] Ibid., 83.

[28] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 239: AAS 105 (2013), 1116.

[29] Ibid., 218: AAS 105 (2013), 1110.

[30] Ibid.

[31] Ara Instrumentum laboris, 57.

[32] Ara Evaristo Eduardo de Miranda, Quando o Amazonas corria para o Pacífico, Petrópolis 2007, 83-93.

[33] Juan Carlos Galeano, “Paisajes”, f’Amazonia y otros poemas, Universidad Externado de Colombia, Bogotá 2011, 31.

[34] Javier Yglesias, “Llamado”, f’Revista peruana de literatura, n. 6 (Ġunju 2007), 31.

[35] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 144: AAS 107 (2015), 905.

[36] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 186.

[37] Ibid., 200.

[38] Vidjomessaġġ għal-Laqgħa Dinjija taż-Żgħażagħ Indiġeni, Soloy – il-Panamá (18 ta’ Jannar 2019): L’Osservatore Romano, 19 ta’ Jannar 2019, p. 8.

[39] Mario Vargas Llosa, Prologu għal El Hablador, Madrid, 8 ta’ Ottubru 2007.

[40] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 195.

[41] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 50: AAS 83 (1991), 856.

[42] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 97: ed. Taljana, Bologna 2014, p. 57.

[43] Diskors fil-Laqgħa mal-Popli tal-Amażonja, Puerto Maldonado, il-Perù (19 ta’ Jannar 2018): L’Osservatore Romano, 21 ta’ Jannar 2018, p. 6.

[44] Instrumentum laboris, 123, e.

[45] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 144: AAS 107 (2015), 906.

[46] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 51: AAS 101 (2009), 687: “In-natura, l-aktar nett fi żmienna, hija daqshekk marbuta mad-dinamika tas-soċjetà u l-kultura li issa bilkemm għadha titqies fattur għalih. Id-deżertifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ produttività f’xi żoni agrikoli huma wkoll ir-riżultat ta’ faqar u sottożvilupp fost in-nies li jgħammru fihom”.

[47] Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2007, 8: Insegnamenti II, 2 (2006), 776.

[48] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 16; 91; 117; 138; 240: AAS 107 (2015), 854; 884; 894; 903; 941.

[49] Dokument Bolivia: informe país. Consulta pre-sinodal, 2019, p. 36; ara Instrumentum laboris, 23.

[50] Instrumentum laboris, 26.

[51] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 146: AAS 107 (2015), 906.

[52] Documento con aportes al Sínodo de la Diócesis de San José del Guaviare y de la Arquidiócesis de Villavicencio y Granada (il-Kolombja); ara Instrumentum laboris, 17.

[53] Euclides da Cunha, Los Sertones (Os Sertões), Buenos Aires 1946, 65-66.

[54] Pablo Neruda, “Amazonas”, f’Canto General (1938), I. IV.

[55] REPAM, Doc. Eje de Fronteras. Preparación para el Sínodo de la Amazonia, Tabatinga – il-Brażil (13 ta’ Frar 2019), p. 3; ara Instrumentum laboris, 8.

[56] Amadeu Thiago de Mello, Amazonas, patria da agua.

[57] Vinicius de Moraes, Para vivir un gran amor, Buenos Aires 2013, 166.

[58] Juan Carlos Galeano, “Los que creyeron”, f’Amazonia y otros poemas, Universidad Externado de Colombia, Bogotá 2011, 44.

[59] Harald Sioli, A Amazônia, Petropolis 1985, 60.

[60] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-parteċipanti fil-Kungress Internazzjonali fuq l-“Ambjent u s-saħħa” (24 ta’ Marzu 1997), 2: Insegnamenti XX, 1 (1997), 521.

[61] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 34: AAS 107 (2015), 860.

[62] Ara ibid., 28-31: AAS 107 (2015), 858-859.

[63] Ibid., 38: AAS 107 (2015), 862.

[64] Ara l-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 86: ed. Taljana, Bologna 2014, p. 52.

[65] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 38: AAS 107 (2015), 862.

[66] Ara ibid., 144; 187: AAS 107 (2015), 905-906; 921.

[67] Ara ibid., 183: AAS 107 (2015), 920.

[68] Ibid., 53: AAS 107 (2015), 868.

[69] Ara ibid., 49: AAS 107 (2015), 866.

[70] Dokument preparatorju tas-Sinodu tal-Isqfijiet għall-Assemblea Speċjali għar-Reġjun Panamażoniku, 8.

[71] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 56: AAS 107 (2015), 869.

[72] Ibid., 59: AAS 107 (2015), 870.

[73] Ibid., 33: AAS 107 (2015), 860.

[74] Ibid., 220: AAS 107 (2015), 934.

[75] Ibid., 215: AAS 107 (2015), 932.

[76] Sui Yun, Cantos para el mendigo y el rey, Wiesbaden 2000.

[77] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 100: AAS 107 (2015), 887.

[78] Ibid., 204: AAS 107 (2015), 928.

[79] Ara Dokumenti ta’ Santarem (1972) u Manaos (1997), f’Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet tal-Brażil, Desafío missionário. Documentos da Igreja na Amazônia, Brasilia 2014, pp. 9-28 u 67-84.

[80] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 220: AAS 105 (2013), 1110.

[81] Ibid., 164: AAS 105 (2013), 1088-1089.

[82] Ibid., 165: AAS 105 (2013), 1089.

[83] Ibid., 161: AAS 105 (2013), 1087.

[84] Hekk jgħid il-Konċilju Vatikan II fin-n. 44 tal-Kostituzzjoni Gaudium et spes meta jgħid: “[Il-Knisja] sa mill-bidu tal-istorja tagħha tgħallmet twassal il-messaġġ ta’ Kristu permezz tal-ħsieb u tal-ilsna tal-popli diversi, u fittxet li tfissru bl-għerf tal-filosfi; dan sewwasew biex, sa fejn jista’ jkun, taddatta l-Evanġelju kemm ħalli jkun jista’ jifhmu kulħadd, kemm biex iwieġeb għall-esiġenzi tal-għorrief. U dan l-addattament tal-Kelma rivelata għandu jinżamm bħala liġi ta’ kull evanġelizzazzjoni. Għaliex huwa b’hekk li kull nazzjon ikun jista’ jfisser kif jaf hu l-messaġġ ta’ Kristu u fl-istess ħin wieħed jista’ jġib ’il quddiem djalogu u skambju ħaj bejn il-Knisja u l-kulturi diversi tal-popli”.

[85] Ittra lill-Poplu ta’ Alla li miexi fil-Ġermanja (29 ta’ Ġunju 2019), 9: L’Osservatore Romano, 1-2 ta’ Lulju 2019, p. 9.

[86] Ara San Vinċenz ta’ Lerins, Commonitorium primum, 23: PL 50, 668: “Ut annis scilicet consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate”.

[87] Ittra lill-Poplu ta’ Alla li miexi fil-Ġermanja (29 ta’ Ġunju 2019), 9: O.R., cit. ara l-espressjoni attribwita lil Gustav Mahler: “it-tradizzjoni hi l-ħarsien tal-futur u mhux il-konservazzjoni tal-irmied”.

[88] Diskors lill-għalliema universitarji u lill-bnedmin ta’ kultura, Coimbra, 15 ta’ Mejju 1982, 5: Insegnamenti V, 2 (1982), 1702-1703.

[89] Messaġġ lill-indiġeni tal-Kontinent Amerikan, Santo Domingo (12 ta’ Ottubru 1992), 6: Insegnamenti, 15/2 (1992), 346; ara Diskors lill-parteċipanti tal-Kungress Nazzjonali tal-Moviment Ekkleżjali ta’ Impenn Kulturali (16 ta’ Jannar 1982), 2: Insegnamenti, 5/1 (1982), 131.

[90] San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata (25 ta’ Marzu 1996), 98: AAS 88 (1996), 474-475.

[91] N. 115: AAS 105 (2013), 1068.

[92] Ibid., 116: AAS 105 (2013), 1068.

[93] Ibid.

[94] Ibid., 129: AAS 105 (2013), 1074.

[95] Ibid., 116: AAS 105 (2013), 1068.

[96] Ibid., 117: AAS 105 (2013), 1069.

[97] Ibid.

[98] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Assemblea plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura (17 ta’ Jannar 1987): Insegnamenti X, 1 (1987), 125.

[99] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta Novembru 2013), 129: AAS 105 (2013), 1074.

[100] Ir-IV Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Santo Domingo (12-28 ta’ Ottubru 1992), 17.

[101] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 198: AAS 105 (2013), 1103.

[102] Ara Vittorio Messori–Joseph Ratzinger, Rapporto sulla fede, Cinisello Balsamo 1985, 211-212.

[103] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 198: AAS 105 (2013), 1103.

[104] Pedro Casaldáliga, “Carta de navegar (Por el Tocantins amazónico)”, f’El tiempo y la espera, Santander 1986.

[105] San Tumas ta’ Aquino fissirha hekk: “Il-mod tripliku kif Alla jinsab fil-ħwejjeġ kollha: wieħed hu komuni, bl-essenza, il-preżenza u l-potenza; l-ieħor, bil-grazzja, fil-qaddisin; it-tielet, singulari, fi Kristu, b’għaqda” (Ad Colossenses, II, 2).

[106] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 235: AAS 107 (2015), 939.

[107] It-III Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Puebla (23 ta’ Marzu 1979), 196.

[108] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 178: AAS 105 (2013), 1094.

[109] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 11; ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 10-11.

[110] Vigarjati Appostoliċi tal-Amażonja Peruvjana, “Segunda asamblea episcopal regional de la selva”, San Ramón – il-Perù (5 ta’ Ottubru 1973); f’Éxodo de la Iglesia en la Amazonia. Documentos pastorales de la Iglesia en la Amazonia peruana, Iquitos 1976, 121.

[111] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 123: AAS 105 (2013), 1071.

[112] Ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 126-127.

[113] Ibid., 32.

[114] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 235: AAS 107 (2015), 939.

[115] Ibid.

[116] Ibid., 236: AAS 107 (2015), 940.

[117] Ibid.

[118] Ibid., 235: AAS 107 (2015), 939.

[119] Ara Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 37-40; 65; 77; 81.

[120] Fis-Sinodu ħarġet il-proposta li jiġi elaborat “rit Amażoniku”.

[121] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 237: AAS 107 (2015), 940.

[122] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016), 49: AAS 108 (2016), 331; ara ibid. 305: AAS 108 (2016), 436-437.

[123] Ara ibid., 296; 308: AAS 108 (2016), 430-431; 438.

[124] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 100, u: ed. Taljana, Bologna 2014, p. 63.

[125] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra Sacerdotium ministeriale lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika fuq xi kwistjonijiet dwar il-ministru tal-Ewkaristija (6 ta’ Awwissu 1983): AAS 75 (1983) 1001-1009.

[126] Ittra appostolika Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 27: AAS 80 (1988), 1718.

[127] San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ III, q. 8, a. 1, resp.

[128] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Presbyterorum ordinis, 5; San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 22: AAS 95 (2003), 448.

[129] Huwa s-saċerdot ukoll li jista’ jamministra d-Dilka tal-Morda, għax hi intimament marbuta mal-maħfra tad-dnubiet: “U jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu” (Ġak 5:15).

[130] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1396; San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003), 26: AAS 95 (2003), 451; ara Henry de Lubac, Meditazione sulla Chiesa, Milan 1965, 185.

[131] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Presbyterorum ordinis, 6.

[132] Jolqotna l-fatt li f’xi pajjiżi tal-baċir Amażoniku hemm iżjed missjunarji għall-Ewropa jew għall-Istati Uniti milli biex jgħinu l-Vigarjati tagħhom tal-Amażonja.

[133] Fis-Sinodu tkellimna wkoll fuq in-nuqqas ta’ seminarji għall-formazzjoni saċerdotali ta’ persuni indiġeni.

[134] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 3.

[135] San Pawlu VI, Omelija fis-Solennità tal-Corpus Domini, 17 ta’ Ġunju 1965: Insegnamenti 3 (1965), 358.

[136] Hu possibbli, minħabba fl-iskarsezza ta’ saċerdoti, li l-Isqof jafda “lil djaknu jew lil persuna oħra li mhix mogħnija bil-karattru saċerdotali jew lil komunità ta’ persuni sehem fit-tħaddim tal-kura pastorali ta’ parroċċa” (Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, 517 § 2).

[137] Il-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), 178: ed. Taljana, Bologna 2014, p. 100.

[138] Ibid., 475: ed. it. cit., p. 245.

[139] Instrumentum laboris, 65.

[140] Ibid., 63.

[141] Ibid., 129, d, 2.

[142] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 228: AAS 105 (2013), 1113.

[143] Ibid., 226: AAS 105 (2013), 1112.

[144] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni Nostra ætate, 2.

[145] CELAM, III Simposio latinoamericano sobre Teología india, Guatemala City (23-27 ta’ Ottubru 2006).