VIDJOMESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL-ĠIMGĦA MQADDSA 2020

 

Għeżież ħbieb, il-lejla t-tajba!

 

Illejla nħossni nista’ nidħol fid-djar tagħkom b’mod differenti mis-soltu. Jekk tippermettuli, nixtieq nitkellem magħkom għal ftit tal-ħin, f’dan iż-żmien iebes u ta’ tbatija. Qed nistħajjilkom fil-familji tagħkom, intom u tgħixu ħajja xejn tas-soltu biex tevitaw li tittieħdu mill-virus. Tiġini f’moħħi l-vivaċità tat-tfal u taż-żgħażagħ, li ma jistgħux joħorġu, imorru l-iskola, jgħixu l-ħajja tas-soltu. Għandi f’qalbi l-familji kollha, speċjalment dawk li għandhom xi għażiż tagħhom marid jew li b’xorti ħażina tilfu lil xi ħadd minħabba l-Coronavirus jew kaġun ta’ xi ħaġa oħra. F’dawn il-jiem spiss naħseb fil-persuni waħidhom, li għalihom hu bil-wisq iżjed diffiċli jaffrontaw dawn il-mumenti. Fuq kollox, naħseb fl-anzjani, li huma tant għeżież għalija.

 

Ma nistax ninsa lil min hu marid bil-Coronavirus, il-persuni li qegħdin rikoverati fl-isptarijiet. Inġib quddiem għajnejja l-ġenerożità ta’ min qed iseffaq wiċċu biex jikkura lil min hu milqut minn din il-pandemija jew biex jiggarantixxi s-servizzi essenzjali għas-soċjetà. Kemm eroj, ta’ kuljum, ta’ kull siegħa! Niftakar ukoll f’dawk li huma magħfusin ekonomikament jew huma mħassba għax-xogħol u għall-futur tagħhom. Il-ħsieb tiegħi jmur ukoll għall-ħabsin, li mat-tbatija tagħhom issa żdied il-biża’ minħabba l-epidemija, għalihom u għall-għeżież tagħhom; naħseb f’dawk bla saqaf fuq rashom, li m’għandhomx dar li tipproteġihom.

 

Huwa żmien iebes għal kulħadd. Għal ħafna, iebes immens. Il-Papa dan jafu u, b’dawn il-kelmiet, irid juri lil kulħadd kemm iħossu qribu u l-għożża tiegħu għalih. Ejjew infittxu, kemm nistgħu, nużaw bl-aħjar mod dan iż-żmien: inkunu ġenerużi; ngħinu lil min hu fil-bżonn fil-postijiet qrib tagħna; infittxu, forsi bit-telefon jew bil-mezzi soċjali, lill-persuni li jinsabu l-aktar waħidhom; nitolbu lill-Mulej għal dawk li huma mġarrbin fl-Italja u fid-dinja. Imqar jekk ninsabu maqtugħin minn xulxin, il-ħsieb u l-ispirtu jistgħu jimirħu ’l bogħod bil-kreattività tal-imħabba. Dan hu li neħtieġu llum: il-kreattività tal-imħabba.

 

Qed niċċelebraw b’mod xejn normali l-Ġimgħa Mqaddsa, li turi u tiġbor fiha l-messaġġ tal-Vanġelu, dak tal-imħabba bla tarf ta’ Alla. U fil-ħemda tal-bliet tagħna, jidwi l-Vanġelu tal-Għid. Jgħid l-Appostlu: “U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom” (2 Kor 5:15). Fi Kristu Rxoxt, il-ħajja rebħet fuq il-mewt. Din il-fidi tal-Għid iżżomm ħajja t-tama tagħna. U jien nixtieq naqsamha magħkom illejla. Hija t-tama fi żmien aħjar, li fih aħna għad inkunu aħjar, sa fl-aħħar meħlusa mid-deni u minn din il-pandemija. Hija tama: it-tama ma tqarraqx bina; mhijiex illużjoni, hija tama.

 

Flimkien, fl-imħabba u fis-sabar, nistgħu f’dawn il-jiem inħejju għal żmien aħjar. Nirringrazzjakom li ħallejtuni nidħol fid-djar tagħkom. Agħmlu ġest ta’ ħlewwa u tjieba ma’ min qed ibati, mat-tfal, mal-anzjani. Għidulhom li l-Papa hu qrib tagħhom u qed jitlob, biex il-Mulej ma jdumx ma jeħlisna lkoll mid-deni. U intom, itolbu miegħi. L-ikla t-tajba. Niltaqgħu ma ndumux!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard