DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI TAL-LAQGĦA  TAL-KOMUNITAJIET LAUDATO SI'

Awla Pawlu VI
Is-Sibt, it-12 ta’ Settembru 2020

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nagħtikom il-merħba u permezz tagħkom nixtieq nilħaq il-membri kollha tal-Komunitajiet Laudato si’  kemm fl-Italja kif ukoll fid-dinja. Intom poġġejtu bħala l-mutur tal-inizjattivi tagħkom l-ekoloġija integrali kif proposta fl-Enċiklika Laudato si’.  Integrali għaliex aħna lkoll krejaturi u kollox huwa f’relazzjoni fil-ħolqien. Kollox huwa relatat. Anzi, nazzarda ngħid, kollox hu f’armonija. Dan urietu wkoll il-pandemija: ma nistgħux nifirdu s-saħħa tal-bniedem mill-ambjent li jgħix fih.  Huwa ċar ukoll li t-tibdil tal-klima ma jxekkilx biss il-bilanċ tan-natura, imma jikkawża faqar u ġuħ, jolqot lil dawk l-iktar dgħajfa u vulnerabbli, u kultant iġiegħlhom saħansitra jħallu arthom. In-negliġenza tal-ħolqien u l-inġustizzji soċjali jinfluwenzaw lil xulxin: tista’ tgħid li mhemmx ekoloġija mingħajr ugwalzjanza u mhemmx ugwalzanza mingħajr ekoloġija.

Intom tħossukom imqanqlin biex tieħdu ħsieb ta’ dawk li huma l-aħħar u tal-ħolqien flimkien, u dan tridu tagħmluh fuq l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Assisi, bl-umiltà u bil-ħeġġa. Nirringrazzjakom ta’ dan, u nerġa’ nġedded l-appell tiegħi biex naħdmu ħa nsalvaw id-dar komuni tagħna. Din il-ħidma tikkonċerna lil kulħadd, l-iktar lil dawk responsabbli mill-ġnus u mill-attivitajiet ta’ produzzjoni. Hemm bżonn ir-rieda ġenwina li naffrontaw mill-qiegħ dak li qed jikkawża t-taqlib fil-klima. Mhux biżżejjed ħidma ġenerali – paroli u paroli... – u wieħed  ma jistax iħares biss lejn dak li jixtiequ l-votanti jew l-investituri. Hemm bżonn li wieħed iħares ‘il bogħod, inkella l-istorja ma taħfirilniex. Jeħtieġ naħdmu llum biex ikun hemm futur ta’ kulħadd. Iż-żgħażagħ u l-fqar se jżommuna responsabbli. Din hija l-isfida tagħna. Nieħu sentenza tat-teologu u martri Dietrich Bonhoeffer: l-isfida tagħna, llum, mhijiex “kif se nkampaw”, kif se noħorġu minn din ir-rejaltà; imma l-isfida vera tagħna hija “kif se tkun il-ħajja tal-ġenerazzjoni li jmiss”: jeħtieġ naħsbu dwar dan!

Ħbieb għeżież, issa rrid naqsam magħkom żewġ kelmiet ewlenin tal-ekoloġija integrali: kontemplazzjoni u kompassjoni.

Kontemplazzjoni. Illum m’għadniex nistagħġbu bin-natura li ninsabu mdawrin biha, u m’għadniex nikkontemplawha, imma “nibilgħuha”.  Sirna nies li xejn ma jxebbagħna, niddependu fuq il-qligħ u fuq riżultati ta’ malajr akkost ta’ kollox. Il-ħarsa lejn ir-rejaltà ta’ madwarna hija dejjem aktar mgħaġġla, distratta, superfiċjali, filwaqt li l-aħbarijiet u l-foresti jinħarqu f’qasir żmien. Imradna bil-marda tal-konsum. Din hija l-marda tagħna! Imradna bil-konsum. Nitħabtu biex ikollna l-aħħar “app”, imma lanqas għadna nafu x’jisimhom il-ġirien tagħna, aħseb u ara kemm nafu nagħmlu differenza bejn siġra u oħra. U, l-agħar ħaġa, b’dan l-istil ta’ ħajja qed nitilfu l-għeruq, qed nitilfu l-gratitudni ta’ dak li jeżisti u lejn min tahulna. U biex ma ninsewx, jeħtieġ nerġgħu nibdew nikkontemplaw; biex ma nintilfux fuq ħafna affarijiet bla siwi, jeħtieġ nerġgħu niskopru s-skiet; u biex qalbna ma ssirx infern, jeħtieġ nieqfu. Mhux faċli. Per eżempju, jeħtieġ ninħelsu mit-telefon ċellulari li għamilna lsira tiegħu, u nibdew inħarsu f’għajnejn dawk in-nies li jkollna ħdejna u nħarsu lejn il-ħolqien li ingħata lilna.

 

Il-kontemplazzjoni hija li tagħti lilek innifsek il-ħin biex tiskot, biex titlob, biex l-armonija terġa’ tiġi fir-ruħ, biex jerġa’ jkun hemm il-bilanċ bejn ir-ras, il-qalb u l-idejn; bejn il-ħsieb, is-sentiment u l-azzjoni. Il-kontemplazzjoni hija l-vaċċin kontra l-għażliet mgħaġġla, superfiċjali u li ma jwasslu mkien. Min jikkontempla jitgħallem “iħoss” l-art li ssostnih, jifhem li fid-dinja mhuwiex waħdu u bla sens. Jiskopri l-ħlewwa tal-ħarsa ta’ Alla u jifhem li huwa prezzjuż. Kulħadd huwa importanti quddiem Alla, kulħadd jista’ jibdel ftit mid-dinja mniġġsa minħabba l-kilba tal-bniedem u jibdilha f’rejaltà tajba kif iridha l-Ħallieq. Min jaf jikkontempla, ma joqgħodx b’idu f’idu, imma jintefa’ jaħdem b’mod konkret. Il-kontemplazzjoni twasslek għall-azzjoni, biex tagħmel xi ħaġa.

Hawn hi t-tieni kelma: kompassjoni. Din hi frott tal-kontemplazzjoni. U kif tinduna li bniedem hu kontemplattiv u li għandu fih il-ħarsa ta’ Alla? Jekk ikollu kompassjoni lejn l-oħrajn – komplassjoni mhijiex li wieħed jitħassar lil xi ħadd, kompassjoni hija “tbati ma’ xi ħadd”, u tmur lil hemm mill-iskużi u mit-tejoriji, u tara fl-oħrajn aħwa li trid tieħu ħsieb. Din hija l-prova, għaliex hekk taf tagħmel il-ħarsa ta’ Alla li, minkejja l-ħażen kollu li naħsbu u li nagħmlu, huwa dejjem jarana bħala uliedu maħbubin. Ma jaraniex bħala individwi, imma jarana bħala wlied, jarana bħala aħwa ta’ familja waħda li jgħixu fl-istess dar. M’aħniex barranin għalih. Il-kompassjoni tiegħu hija il-kuntrarju tal-indifferenza tagħna. L-indifferenza – ippermettuli l-kelma – hija l-attitudni ta’ “x’jimpurtani” li tidħol fil-qalb, fil-mentalità, u tispiċċa billi tgħid lil xi ħadd “u rranġa!”  Il-kompassjoni hi l-kuntrarju tal-indifferenza.

Dan jgħodd anke għalina: il-kompassjoni tagħna hija l-aħjar vaċċin kontra l-pandemija tal-indifferenza. “Mhux affari tiegħi”, “ma jmissx lili”, “m’għandix x’naqsam”, “dik biċċa tiegħu”: dawn huma s-sintomi tal-indifferenza. Hemm ritratt sabiħ – din għidtha drabi oħra –, miġbud minn fotografu Ruman, u dan jinsab fl-Elemosineria. Darba fl-lejla xitwija, mara anzjana dehret ħierġa minn ristorant lussuż, bil-kowt tal-fer, bil-kappell, bl-ingwanti, mgħottija sew minħabba l-kesħa, u dan wara li kielet ikla kif tmiss il-liġi – u dan mhux dnub, li tiekol tajjeb! Mela fil-bieb kien hemm mara oħra, bil-krozzi, liebsa mċerċer, kienet tidher li qed tħoss il-bard ... mara bla dar, kellha idha ‘l barra miftuħa ... U l-mara li kienet ħierġa mir-ristorant qed tħares lejn in-naħa l-oħra. Dan ir-ritratt jismu “Indifferenza”. Meta rajt dan ir-ritratt, bgħatt għall-fotografu biex ngħidlu: “Kemm int bravu li rnexxielek taqbad dak il-mument b’mod spontanju”, u għidtilhom ipoġġuh fl-Elemosineria. Biex ma naqgħux fl-ispirtu tal-indifferenza. Min-naħa l-oħra, min għandu kompassjoni, jgħaddi minn “ma jimpurtanix minnek” għal “int importanti għalija”. Jew għallinqas  “int missejtli qalbi”. Però l-kompassjoni mhix xi sentiment sabiħ, jew li titħassar lil xi ħadd, imma hija li wieħed joħloq rabta ġdida ma’ ħaddieħor. Hija li tkun responsabbli tal-oħrajn, kif għamel is-Samaritan it-tajjeb li, imqanqal mill-ħniena, ħa ħsieb dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin bla ma biss kien jafu (cfr Lq 10,33-34). Id-dinja għand bżonn ta’ din l-imħabba krejattiva u konkreta, ta’ nies li ma joqogħdux qishom quddiem xi skrijn jikkummentaw, imma ta’ nies li jħammġu jdejhom biex ineħħu dak li qed ibaxxi lill-oħrajn u jagħtuhom dinjità. Li jkollok kompassjoni hija għażla: tagħżel li ma jkollokx għedewwa biex tara lil kulħadd bħala proxxmu. U din hija għażla.

Dan ma jfissirx li nsiru dgħajfin u nabbandunaw il-ġlieda. Anzi, il-bniedem li għandu kompassjoni jidħol fi ġlieda iebsa ta’ kuljum kontra l-kultura tar-rimi u tal-ħela, ir-rimi tan-nies u l-ħela tal-affarijiet. Tweġġa’ meta taħseb kemm nies “jintremew” mingħajr ebda kompassjoni: anzjani, tfal, ħaddiema, persuni b’diżabilità… Iżda huwa skandaluż ukoll il-ħela tal-affarijiet. Il-FAO qalet li fil-pajjiżi industrijalizzati, f’sena waħda biss, jintremew iktar minn biljun – iktar minn biljun! – tunellata ta’ ikel! Din hija r-rejaltà. Ejjew ngħinu lil xulxin flimkien, biex niġġieldu kontra r-rimi u l-ħela, u nitolbu li jkun hemm għażliet politiċi li jgħaqqdu flimkien il-progress u l-ugwaljanza, l-iżvilupp u s-sostenibilità għal kulħadd, biex ħadd ma jkun imċaħħad mill-art fejn jgħix, l-arja tajba li biha jieħu n-nifs, l-ilma li għandu dritt jixrob u l-ikel li għandu dritt jiekol.

Ninsab żgur li l-membri ta’ kull komunità tagħkom mhux se jikkuntentaw ruħhom li jgħixu qishom spettaturi, imma se jkunu dejjem protagonisti umli u deċiżi li jibnu l-futur għal kulħadd. U dan kollu jagħmel il-fraternità. Naħdmu daqs u bħal aħwa. Nibnu ll-fraternità universali. Dan hu l-mument, din hija l-isfida tal-lum. Ix-xewqa tiegħi għalikom hi li tkomplu trawmu fikom il-kontemplazzjoni u l-kompassjoni, ingredjenti indispensabbli biex ikollna ekoloġija integrali. Mill-ġdid, grazzi tal-preżenza u tal-ħidma tagħkom. Grazzi wkoll tat-talb tagħkom għalija ... għax għandi bżonn!

U issa nixtieq nitlob lil Alla biex ibierek lil kull wieħed u waħda minnkom. Ibierek lil qalbkom, kemm jekk temmnu u anke jekk ma temmnux, hi x’inhi r-reliġjon li tħaddnu. Alla jberikkom ilkoll. Ammen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes