IL-PAPA FRANĠISKU

REGINA CAELI

Pjazza San Pietru
Is-Sitt Ħadd tal-Għid

 5 ta’ Mejju, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum l-Evanġelju jkellimna dwar Ġesù li lill-Appostli jgħidilhom: “Ma nsejħilkomx qaddejja, imma ħbieb” (cfr Ġw 15,15)  Xi jfisser dan?

Fil-Bibbja “il-qaddejja” t’Alla huma persuni speċjali, li lihom Hu jafdalhom missjonijiet importanti, bħal, per eżempju, Mosè (cfr 14,31), ir-Re David (cfr 2 Sam 7,8), il-Profeta Elija (cfr Re 18,36), sal-Verġni Marija (cfr Lq 1,38).  Huma persuni li Alla jqiegħed f’idjehom it-teżori tiegħu (cfr Mt 25,21).  Iżda dan mhux biżżejjed, skont Ġesù, biex jispjega x’aħna għalih, mhux biżżejjed, hemm bżonn aktar, xi ħaġa akbar, li tmur ‘l hinn mill-ġid u l-proġetti: hemm bżonn il-ħbiberija.

Sa minn tfulitna nitgħallmu kemm hi sabiħa din l-esperjenza: lill-ħbieb noffrulhom il-ġugarelli u l-isbaħ rigali; meta nikbru, insiru adoloxxenti, nafdawlhom l-ewwel sigrieti tagħna; meta aħna żgħażagħ noffru l-lealtà; bħala adulti nixxerjaw is-sodisfazzjonijiet tagħna u t-tħassib; meta nixjieħu nixxerjaw it-tifkiriet, ir-riflessjonijiet u s-silenzji ta’ jiem twal.  Il-Kelma t’Alla, fil-Ktieb tal-Proverbji tgħidilna “Il-fwieħa u l-inċens iferrħu l-qalb, u l-ħlewwa ta' ħabib hena tar-ruħ”(27,9).  Niftakru ftit fi ħbiebna u niżżu ħajr lill-Mulej!  Ftit ħin biex tiftakru fihom….

Il-ħbiberija mhix frott il-kejl u lanqas obbligu: tinbet spontanjament meta fl-ieħor naraw xi ħaġa li hi tagħna.  U jekk tkun minnha, il-ħbiberija tkun tant qawwija li ma tiġix nieqsa lanqas quddiem it-tradiment.  “Il-ħabib iħobbok f’kull ħin” (Prov 17,17) – jafferma mill-ġdid il-Ktieb tal-Proverbji -, kif jurina Ġesù meta lil Ġuda li ttradieh b’bewsa qallu: “Ħabib, għalhekk ġejt int?” (Mt 26,50).  Ħabib veru ma jabbandunakx lanqas meta tiżbalja: jikkoreġik, forsi jċanfrek, imma jaħfrilek u ma jabbandunakx.

U llum, fl-Evanġelju jgħidilna li għalih aħna propju dan, ħbieb: persuni lil hinn minn kull mertu, u kull stennija, li jnewlilna idu u joffrielna mħabbtu, il-Grazzja tiegħu, Kelmtu; li bihom – magħna, ħbiebu – jaqsam dak kollu li hu għażiż għalih, dak kollu li sama’ mingħand il-Missier (cfr Ġw 15,15).  Sa ma’ jsir dgħajjef għalina u jintelaq f’idejna bla ma jiddefendi ruħu u bla pretensjonijiet, għax jgħożżna.  Aħna l-għożża tal-Mulej, bħalma ħabib irid il-ġid tagħna u jridna nkunu sehem mill-ġid tiegħu.

U allura nsaqsu: liema wiċċ tal-Mulej nara jiena?  Il-wiċċ ta’ ħabib jew ta’ xi barrani?  Inħossni maħbub minnu qiesni persuna għażiża għalih?  U liema hu l-wiċċ ta’ Ġesù li jien nagħti xhieda tiegħu lill-oħrajn, speċjalment lil dawk li jiżbaljaw jew jeħtieġu l-maħfra?

Il-Madonna tgħinna nseddqu l-ħbiberija tagħna ma’ Binha u biex nifirxuha madwarna.

 

Wara r-REGINA CAELI

Għeżież ħuti!

B’għożża kbira nibgħat l-awguri tiegħi lil ħutna tal-Knejjes Ortodossi u xi Knejjes Kattoliċi Orjentali oħra li, skont il-kalendarju ġuljan, illum qed jiċċelebraw l-Għid Imqaddes. Il-Mulej Irxoxt ifawwar bil-ferħ u l-paċi lill-komunitajiet kollha, u jagħti faraġ lil dawk li għaddejjin mill-prova.  Lilhom, l-Għid it-tajjeb!

Niżgura t-talb tiegħi għall-popolazzjonijiet tal-Istat ta’ Rio Grande do Sul, fil-Brażil li ntlaqtu minn għarar kbar.  Il-Mulej jilqa’ fi ħdanu lill-mejtin u jagħti faraġ lill-familjari u lil dawk li kellhom jitilqu minn djarhom.

Insellem lill-fidili minn Ruma u minn inħawi oħra tal-Italja u tad-dinja, partikolarment lill-pellegrini li ġew minn Texas, mill-arċidjoċesi ta’ Chicago u minn Berlin; lill-istudenti tal-iskola Saint-Jean de Passy, minn Pariġi u lill-grupp Human Life International.  Insellem liż-żgħażagħ minn Certaldo u Lainate; lill-fidili minn Ancona u Rossano Cariati; lill-adoloxxenti tal-Konfermazzjoni minn Cassano d’Adda, tal-Unità Pastorali ta’ Tesino u mill-parroċċa Santa Marija tar-Rużarju f’Ruma.  U nsellem u rrodd ħajr lill-baned mużikali minn bosta nħawi tal-Italja: grazzi li daqqejtu tant tajjeb u nittama li tkomplu ddoqqu ftit ieħor.  Grazzi!  Insellem lill-grupp “Francigene Monteviale”; kif ukoll liċ-ċittadini minn Livorno u Collesalvetti, li ilhom żmien jistennew biex jitnaddfulhom l-aktar territorji mniġġsin tagħhom, nitolbu għalihom.

Tislima minn qalbi lill-Gwardji Svizzeri l-ġodda u lill-familjari tagħhom fl-okkażjoni tal-festa ta’ dan il-korp storiku u ta’ mertu.  Applaws lill-Gwardji Svizzeri!

Nilqa’ bi pjaċir lill-Assoċjazzjoni Meter, li hi impenjata biex tiġġieled kull forma ta’ abbuż fuq il-minuri.  Grazzi, grazzi tal-impenn tagħkom!  U komplu l-attività importanti tagħkom bil-kuraġġ.

U, jekk jogħġobkom, komplu itolbu għall-Ukrajna mkissra - qed tbati ħafna! – u wkoll għall-Palestina u għal Iżrael, sabiex ikun hemm il-paċi, sabiex jissaħħaħ id-djalogu u jħalli frott tajjeb.  Le għall-gwerra, iva għad-djalogu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jgħoġobkom tinsewx titolbu għalija.  Insellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata, tant bravi!  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber